
Żgur li ma nistax ningħad bħala xi għadu tal-kaċċa jew tal-kaċċaturi. Apparti li għandi ħbieb antiki li kienu u għadhom joħorġu għall-kaċċa, għamilt żmien nikteb sensiela ta’ stejjer fir-rivista “Il-Passa”.
Il-karattru ewlieni kien Ġierku, kaċċatur mimli ħlewwa u sempliċità li iżda kien iservi tal-aqwa eżempju għal sħabu kollha tar-raħal bir-responsabbiltà soċjali li kien juri saħansitra fejn jidħlu l-ħlejjaq itiru.
Eventwalment, l-istejjer inġabru fi ktieb bl-isem ta’ “Ġierku Ma Jmut Qatt” li, modestja apparti, mar tajjeb ħafna fis-suq tant li stejjer minnu għadhom ikunu mislutin biex jintużaw f’testijiet u eżamijiet ta’ skejjel kemm tal-Gvern kif ukoll tal-privat. It-tir tiegħi (mhux minn xi senter, naturalment) kien biex nuri li kaċċatur hawn Malta jista’ jibqa’ jgawdi d-delizzju tiegħu b’responsabbiltà u b’għaqal.
Fl-istess nifs nemmen li l-kaċċa mhix xi delizzju li jista’ jkollu futur kemm-il darba l-ġenerazzjonijiet il-ġodda jibdew jifhmu aktar li l-ħajja għandha siwi mhux għalina l-bnedmin biss imma għall-ħlejjaq kollha. M’aħniex nitkellmu fuq it-tiġmigħ tal-bolli jew ix-xiri u l-bejgħ tal-għamara antika, iżda fuq il-qtil ta’ annimali u tjur tad-demm ul-laħam bħalna. Ma noqgħodx nidħol ukoll fir-ruħ, għax mhux kulħadd jemmen biha.
Għaldaqstant ħassejt mill-ewwel id-dmir tiegħi li nuri kif ser nivvota fir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa. LE. Il-vot tiegħi, maqtugħ għal kollox minn xi rbit jew influwenzi politiċi, mhux meqjus biex tispiċċa l-kaċċa, iżda espressament biex ma ssirx kaċċa fir-rebbiegħa. Li l-kaċċa tispiċċa għal kollox trid titħalla f’idejn ġenerazzjonijiet futuri permezz ta’ proċess edukattiv li bejn wieħed u ieħor digà beda.
Hawn taħt ser nagħti lista sħiħa ta’ 16-il raġuni l-għaliex ma naħsibx li għandha ssir il-kaċċa fl-iktar staġun li fih jitnisslu u jiġġeddu speċi.
Fir-rebbiegħa n-natura żżejjinna bil-kuluri u l-ħlejjaq tagħha, aktar minn staġuni oħra.
Il-kampanja timtela bit-twapet tal-fjuri ta’ kull kulur – kollha b’xejn, mhux bħal dawk importati li qed jinżergħu fir-rawndebawts u fin-nofs tat-triqat!
Anke l-fawna tidher aktar kotrana minħabba li dan l-istaġun ikun eħfef għalihom biex jgħixu u joktru, waqt li oħrajn imorru jorqdu minħabba x-xhur sħan.
L-għasafar iħejju biex huma ukoll jgħammru u jkunu jistgħu joktru.
L-għasafar jitilqu mill-Afrika fejn ikunu qattgħu x-xitwa biex jerġgħu lura lejn l-Ewropa fejn hemm jibnu l-bejtiet u jnisslu l-frieħ.
Fl-Afrika jkunu waslu fil-ħarifa meta jitilqu mill-Ewropa fejn il-klima tkun kesħet u l-ikel ikun inqas, u bi sforzi kbar imorru lejn l-Afrika fejn isbu aktar ikel u klima aktar ħanina magħhom. M’għandniex xi ngħidu li mhux kollha jirnexxilhom jaslu hemm minħabba n-numru kbir ta’ perikli li jiltaqgħu magħhm fi triqithom, fosthom kaċċaturi minn kull pajjiż fl-Ewropa.
Dawn il-perikli jerġgħu jiltaqgħu magħhom meta jkunu ġejjin lura lejn l-Ewropa biex ibejtu.
Fl-Ewropa jsibu ma wiċċhom diffikultajiet oħra bħal bexx ta’ pestiċidi li joqtol l-ikel tagħhom u li jista’ jeqred lilhom ukoll. Isibu ma wiċċhom ukoll it-telf tal-ambjent.
Kull għasfur, anke l-gamiem u s-summien, jiżżewġu biex jibnu bejta. Il-gamiem li jirnexxilhom ibejtu jista’ jkollhom tal-inqas żewġt’ifrieħ fi staġun.
Imma mhux il-bejtiet kollha jsalvaw. Uħud ma jfaqqsux il-bajd, oħrajn jintilfu wara li jfaqqsu u ma jirnexxilhomx itiru, u oħrajn ma jirnexxilhomx jgħixu biex, meta jasal żmienhom, wara li jaqsmu l-Ewropa u l-Mediterran sal-Afrika għal darbtejn, huma wkoll ibejtu.
Wara li jlestu mill-bejta u l-frieħ itiru, kif toqrob il-ħarifa il-ħarifa jlestu biex jerġgħu jpassu lejn l-Afrika.
Għalhekk biex gamiema jew summiena bħall-għasafar kollha li jpassu, tasal biex tbejjet trid tpassi darbtejn mill-Ewropa sal-Afrika – darba fil-ħarifa u oħra lura lejn l-Ewropa – u jekk jirnexxilha tegħleb id-diffikultajiet kollha, tkun tista’ tbejjet.
Naħseb li diffiċli li wieħed jifhem id-diffikultà biex l-għasafar li jpassu għandhom biex ibejtu u jkomplu jitnisslu l-ispeċi tagħhom, biex l-ispeċi tagħhom tibqa’ magħna u ma tinqeridx.
Huwa daqshekk diffiċli li wieħed jgħinhom biex bla problemi jaslu biex ibejtu fir-rebbiegħa, u mbagħad fil-ħarifa jerġgħu lura mal-frieħ tagħhom? Jekk jaslu tnejn fl-Ewropa hem mil-possibilità li jinżlu erbgħa.
Dan huwa mhux biss ta’ sodisfazzjon għal dawk li verament iħobbu l-għasafar, imma għall-bniedem lib l-intelliġenza u r-responsabbiltà tiegħu jkun qed jgħin u jagħti sehmu biex jagħmilha aktar faċli li l-għasafar ikomplu jaqsmu din id-dinja magħna.
Dan il-prinċipju li wieħed għandu jgħin lill-għasafar meta jkunu telgħin biex ibejtu, juri sens ta’ responsabbiltà kbira. Jgħinu lill-għasafar, l-ambjent naturali, is-soċjetà, u anke lil daw li għadhom iħobbu jisparawlhom fil-ħarifa għax ikun hemm ferm aktar.
(l-artiklu mbagħad ikompli dwar suġġett ieħor)
Kif ippubblikat f’ L-orizzont tas-Sibt 14 ta’ Frar 2015