Xi ġimgħat ilu iddeċidejna bħala partit li nħarsu sewwa lejn il-media politika (ONE u NET) u l-fatt li dawn kienu qed jinjorawna. Għalihom qiesna ma neżistux. Hekk jixtiequ fil-fatt, għax jidhrilhom li l-eżistenza tagħna hi xkiel għalihom. Jidhrilhom li ntellfuhom.
Meta ilmentajna mal-Edituri tal-ONE u tan-NET dwar il-fatt li ma jirrappurtawniex, it-tnejn li huma, għall-ewwel weġbuna bl-istess mod: dak li jxandru hu fi-diskrezzjoni editorjali tagħhom.
Sussegwentement, imma, in-NET bidel id-diska. L-ewwel beda jxandar xi affarijiet żgħar, imbagħad beda jxandar ftit iktar. Li ġara kien li ċempilli s-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino. Niftakar kont Brussels u ċempilli biex infurmani li qalulu bl-ilmenti ta’ ADPD u li hu kien ta’ struzzjonijiet biex dawn ikunu indirizzati. Kien pass tajjeb il-quddiem.
Kien hemm kambjament fuq in-NET. Beda jkun hemm rappurtaġġ avolja mhux ta’ xi kwalità. Kif mistenni joqgħodu attenti biex filwaqt li jirrappurtaw, ħafna drabi fuq fuq, iħallu barra fejn jinqaras il-PN. Dik kont nistenniha, avolja, jekk irridu xandir sura din trid tinqata’ ukoll.
Fil-kaz tal-ONE imma bqajna l-istess. Baqgħu għaddejjin b’ċensura politika totali fl-interess tal-Partit Laburista u kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-liċenzja li għandhom.
F’Marzu kellna deċiżjoni li kienet l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fejn l-Awtorità tax-Xandir laqgħet ilment ta’ ADPD u ordnat lil ONE ixandru rapport qasir dwar dak li kienu iċċensuraw. Dan kien ġie imxandar, b’geddum sal-art! Is-suġġett dakinnhar kien dwar l-isptarijiet, dwar Vitals u Stewards Health Care!
Il-bieraħ kellna kaz ieħor, dwar il-fatt li xi politiċi qegħdin viċin wisq ta’uħud fin-negożju u li dan hu perikoluż għad-demokrazija. Il-bieraħ l-Awtorità tax-Xandir ħabbret li laqgħet l-ilment tagħna. Qaltilna li għandna raġun. Imma din id-darba ma tatx rimedju. Ma ħarget l-ebda ordni lil ONE biex ixandar fil-qosor dak li kien ġie ċċensurat.
Ngħiduha kif inhi: dan it-tip ta’ rimedju hu essenzjalment wieħed simboliku imma hu meħtieġ.
Imma ma jagħmilx sens li l-Awtorità tax-Xandir tgħidli li għandi raġun, imma fl-istess nifs tgħidli biex nieħu paċenzja.
Għax ngħiduha kif inhi: f’dawn iċ-ċirkustanzi għalfejn għandna awtorità?