***Joseph u l-istilel tas-settur privat***

Joseph Muscat + MHRA

Qed isiru diversi laqgħat minn esponenti tal-Gvern mal-korpi kostitwiti bl-iskop li jiddiskutu miżuri li għandhom ikunu kkunsidrati fil-Budget li ġej, ġimgħatejn oħra.

F’laqgħa li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu l-bieraħ mal-MHRA (l-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Restoranti) il-Prim Ministru hu rappurtat mill-Malta Independent li qal li ma jistax ikollok lukanda ta’ sitt stilel imbagħad ambjent ta’ tlett stilel madwarha.

Inews ikkwota lill-Prim Ministru jgħid hekk: “meta jiżdiedu t-turisti donnu ż-żibel ma jinġabarx u din issa se tkun fuq l-aġenda”.

Billi kellu lil Winston Zahra (President tal-MHRA) quddiemu, u lil Edward Zammit Lewis Ministru tat-Turiżmu ħdejh kien ikun għaqli kieku l-Prim Ministru staqsihom ftit biex jgħidulu x’jagħmlu r-ristoranti bl-iskart li jiġġeneraw, primarjament fiż-żoni turistiċi.

Seta staqsihom jekk hux veru li dawn fil-liċenzja tagħhom li toħrog l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA) għandhom kundizzjoni li teħtieġilhom li jkollhom kuntratt ma’ operatur privat tal-iskart (li jħallsuh huma) li jieħu ħsieb jiġbor l-iskart li huma jkunu ġġeneraw u jiddisponi minnu.

Dan l-obbligu li għandhom is-sidien tar-restoranti qiegħed jiġi onorat? 

Il-Ministru tat-Turiżmu naħseb li jaf li l-MTA f’diversi lokalitajiet m’hiex tinforza din il-kundizzjoni tal-liċenzja. Minflok  l-iskart iġġenerat qed jispiċċa fit-toroq, piz żejjed fuq il-Kunsilli Lokali. Tajjeb hekk Joseph? Dan m’huwiex servizz ta’ tlett stilel mis-settur privat. Għax l-anqas jikkwalifika għal stilla waħda.

Joseph jekk irid jista’ jdur dawra għall-għarrieda u jkun jista’ jara b’għajnejh. Forsi l-ħmar ma jibqax iwaħħal f’dembu. Imbagħad naraw min jara l-istilel.

Għax qabel ma jigglorifika lis-settur privat ikun aħjar kieku Joseph jara li dawn jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom.

 

 

 

Advertisements

Fin-Naxxar: il-bye-election ta’ Karmenu Vella

Karmenu Vella bye-election

 

Nhar il-Ħamis iNews huma u jirrappurtaw l-andament tal-bye-election ta’ Karmenu Vella irrappurtaw hekk:

“12:15: Hekk kif bħalissa qed joqrob lejn tmiemu t-tielet għadd, wasal fis-sala tan-Naxxar id-Deputat Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, li wkoll qed jsegwi bir-reqqa l-andament. Cacopardo wkoll kien ikkontesta l-elezzjoni ġenerali fuq il-ħames distrett.”

Fil-waqt li hu minnu li nhar il-Ħamis għall-12.15pm kont fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar tajjeb li nippreċiża li s’issa għadni qatt ma ikkontestajt l-Elezzjoni Ġenerali fuq il-Ħames Distrett.

Tlajt fis-sala tal-għadd tal-voti għal xi siegħa biex nosserva mill-qrib il-voti u l-mod kif kienu qed jitqassmu l-preferenzi. Wara l-ewwel għadd l-affarijiet kienu ċari ħafna. L-għadd innifsu kien qed juri distakk ta’ madwar 350 vot bejn il-Professur Zammit u l-Farell. Imma l-voti li kien qed jakkumula Robert Bugeja kienu qed juru sa minn kmieni li dak id-distakk seta jonqos sostanzjalment inkella jisparixxi. Kif fil-fatt ġara. F’numru kbir mill-voti ta’ Bugeja l-Professur Zammit kellu bejn il-11 u t-13-il preferenza!

Għax numru mhux żgħir ta’ votanti, fir-realta’, waqt li ġeneralment jivvutaw b’mod raġunat l-ewwel erbgħa sa ħames preferenzi, ftit li xejn jagħtu każ tal-preferenzi ta’ wara. Numru żgħir ma jkomplux filwaqt li oħrajn ikomplu jagħtu l-preferenzi mingħajr xi ordni preferut. Ġeneralment jibqgħu nieżlin alfabetikament wara r-raba’ jew il-ħames preferenza. Allura s-sekwenza tal-preferenzi li jibqa’ tiddependi minn fejn ikun tniżżel in-numru 4 jew in-numru 5!

Kważi dejjem hekk ġara u din id-darba ma kienitx eċċezzjoni. Eċċezzjonijiet ftit ikun hemm u din ma kienitx waħda minnhom!

 

Mhux biss l-imħallfin ……………..

moneylaundering

L-ewwel aħbar interessanti ippubblikata din is-sena hi ta’ investigazzjoni fl-Italja dwar ħasil ta’ flus. Ir-rapporti ġew ippubblikati fil-media tal-GWU, fl-Orizzont u f’iNews u jirrigwardaw żewg persuni afdati sewwa mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Żewġ persuni li kienu għodda li intużaw fid-diversi postijiet fejn inħatru matul dawn l-aħħar snin.

Il-posizzjoni li għadhom qed jokkupaw dawn iż-żewġ persuni fil-Malta Enterprise u Transport Malta jirrikjedu azzjoni immedjata min-naħa tal-Gvern.

Mhux biss l-imħallfin jixħtu d-dellijiet meta jkunu taħt investigazzjoni!