Naħseb li hu ċar għal kulħadd li xi avukati huma familjari ftit iżżejjed ma’ kriminali li hawn jiġru mas-saqajn. Dan kien wieħed mit-temi li Daphne Caruana Galizia analizzat fil-blog tagħha tul is-snin. L-imġieba tagħhom kienet taħt il-lenti tagħha: lenti li tifli b’reqqa.
Dak li qed jingħad bħalissa dwar Chris Cardona, avukat u Ministru, jagħmel ħafna sens f’dan il-kuntest. Nifhem li hu jiċħad b’qawwa l-konklużjonijiet loġiċi ta’ dak li qiegħed jingħad. L-istess bħalma ċaħad l-istejjer dwar żjara fil-burdell FKK Acapulco fil-lokal ta’ Verbert ħdejn Düsseldorf fil-Ġermanja. Hekk kif waslet is-siegħa tal-prova dwar fejn kien skond kif jirriżulta mill-informazzjoni li kien jittrasmetti l-mobile tiegħu, il-kawżi ta’ libell waqfu, u l-provi ma nstemgħux.
Ovvjament kulħadd għandu dritt jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Jiena bħal ħafna oħrajn ikkonkludejt li ċ-ċahdiet ta’ Chris Cardona ma tistax teħodhom bis-serjetá. Din hi materja gravi ħafna, għax Chris Cardona mhux biċċa avukat, imma Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Ministru. Bħala Maltin għandna d-dritt li l-Ministri u l-uffiċjali tal-partiti politiċi jkunu persuni serji u ta’ integritá, li ma twaqqawlniex wiċċna l-art.
Diversi qed jinsistu li hemm bżonn inkjesta speċjali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-Gvern ħa l-posizzjoni li dwar jekk hemmx din il-ħtieġa jiddeċiedi iktar tard wara l-konklużjoni tal-inkjesta maġisterjali. Joseph Muscat qed jgħid li jekk ma jsirx hekk l-inkjesta maġisterjali tista’ tkun preġudikata.
Ma naqbilx ma dak li qed jgħid Joseph Muscat għax l-iskop taż-żewġ inkjesti hu differenti. Kif kien ġara dwar l-inċident tax-xufier/pulizija li kellu Manwel Mallia, dakinnhar Ministru għall-Intern. Dakinnhar kien hemm żewġ inkjesti għaddejjin flimkien u safejn naf jien l-ebda waħda mill-inkjesti ma kienet ta’ xkiel għall-inkjesta l-oħra.
L-inkjesta speċjali hi meħtieġa dwar il-kollass tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-kontribut ta’ dan il-kollass biex żviluppat is-sitwazzjoni attwali. Hemm bżonn ukoll spjegazzjoni li tagħmel sens għaliex il-maġistrat li kien qiegħed jinvestiga l-qtil ta’ Daphne ingħata promozzjoni fl-iktar mument kritiku għall-inkjesta kif ukoll jekk hux veru li kellu jiffaċċja ostakli kbar fil-ħidma tiegħu.
Għax uħud mill-kriminali li hawn jiġru mas-saqajn jista’ jkun li huma liebsin il-ġlekk u l-ingravata u qegħdin wara l-iskrivanija.