Il-ħatriet tal-Gvern …………… logħba ċess

Chess.01

Dak li jiġri f’dan il-pajjiż mhux dejjem jinftiehem.

Uħud minn dawk li l-Gvern immexxi mill-Partit Laburista appunta f’xi ħatra ġew ikkritikati għax jew dehru f’xi billboard inkella għax kienu jappoġġaw lill-partit b’mod miftuħ.  Kritika li fl-opinjoni tiegħi hi waħda redikola. Bħal dak li qallu li mhux kull Gvern (f’dan il-pajjiż) iħares l-ewwel u qabel kollox lejn il-lealta’ politika tal-parti l-kbira ta’ dawk li jaħtar. Anke Lawrence Gonzi mexa b’dan il-mod. Imma l-memorja ta’ bosta hi qasira ħafna. Kultant huma ħafna selettivi f’dak li jiftakru.

Mela lil dawk li dehru fuq il-billboards jgħidulhom li ma messhomx inħatru. Lil dawk li jappoġġaw lill-Gvern jgħidulhom li nħatru biex jitħallsu tal-appoġġ li taw.

U lil bqija?

Mhux kull ħatra li saret ġiet ikkritikata. Anzi uħud mill-ħatriet gew imfaħħra. Bħal dawk ta’ l-Imħallef Giovanni Bonello u l-Professur Oliver Friggieri.

Hemm diversi mill-ħatriet li ħadd ma lissen kelma dwarhom. Dan hu sewwa għax il-parti l-kbira tal-persuni li nħatru (irrispettivament mill-fehmiet politiċi tagħhom) huma persuni serji, kompetenti f’xogħolhom u leali lejn pajjiżna li lkoll nixtiequh aħjar. Għandhom ikunu iġġudikati fuq dak li jagħmlu fil-ħatra u mhux fuq dak li naħsbu dwarhom. Anke jekk hu  ċar li uħud mill-ħatriet ma nafx kif tista’ tiġġustfikhom, bħal dik ta’ William Mangion!

Minħabba l-performance tagħhom fil-pubbliku fis-snin li għaddew naħseb li kemm il-ħatra ta’ Lou Bondì kif ukoll  dik ta’ Jason Micallef kienu żbaljati. Huma ħatriet li jagħtu messaġġ żbaljat. Il-messaġġ li jifhmu in-nies fit-triq hu differenti minn dak li qed jipprova jfiehem Joseph Muscat.

Jason Micallef huwa bniedem tal-partit u l-ħatra tiegħu hi parti mil-logħba ċess li tintlagħab fil-politika kontinwament. Jason Micallef hu wieħed minn dawk il-persuni li Joseph Muscat ma setax ma jaħtarx x’imkien. Dak li ġara fil-Partit Laburista matul dawn l-aħħar ħames snin, inkluż meta seħħet l-abolizzjoni tal-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-partit biex ġie mtajjar min-nofs Jason Micallef hi prova ta’ dan. Mhux neċessarjament l-aħħar mossa ta’ Muscat.

Il-ħatra ta’ Lou Bondì hi iktar ikkumplikata. Saru diversi kummenti dwarha. Minkejja li kummentaturi bħal Daphne Caruana Galizia qalu li Lou Bondì messu bagħat lil Joseph Muscat jixxejjer dan ma bagħtux. Lou Bondì daqsxejn iktar intelliġenti minn hekk u qed jilgħab il-logħba taċ-ċess hu ukoll. Hi mossa li inevitabilment ser toħrog Lou Bondì differenti minn dak li jidher fuq l-iscreen tat-televiżjoni.

Niftakru ukoll li kien Lawrence Gonzi li ppropona l-ħatra ta’ George Abela bħala President tar-Repubblika.  Ħatra li jekk inkunu onesti magħna infusna qeda b’mod tajjeb u ftit hemm x’tikkritika fl-imġieba tiegħu.

Nistennew u naraw il-mossi li jmiss.

Advertisements