Louis Galea u r-Reshuffle fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat

Louis Galea ECAEuropean Court of Auditors 2014

 

Diversi, fosthom il-maltarightnow.com  qed jispekulaw li ser issir reshuffle fil-Kabinett dal-waqt biex jinħoloq post ħalli jerġa’ jinħatar Manwel Mallia bħala Ministru.

Dan hu possibli li jsir. Imma waħda mir-raġunijiet li qed tissemma biex tiġġustifika għaliex ser ikun hemm reshuffle hi l-post Malti fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropeja fil-Lussemburgu.

Preżentement hemm Louis Galea, li kien inħatar f’Mejju 2010. Qablu kien hemm Josef Bonnici li dam fil-ħatra bejn Mejju 2004 u Mejju 2010, jiġifieri sitt snin. Dan ifisser li l-ħatra tal-Louis Galea hi għal sitt snin. Allura l-ħatra mill-Gvern Malti tas-suċċessur ta’ Louis Galea ma tidħolx fis-seħħ f’Mejju 2015, iżda f’Mejju 2016.

Ovvjament jekk ser issir reshuffle dal-waqt mhiex ser issir minħabba s-suċċessur ta’ Louis Galea!

L-isparatura : il-PN jagħti informazzjoni bis-sulluzzu

Police HQ Malta

Tard il-bieraħ fil-għaxija is-sit elettroniku tal-PN ippubblika l-audio ta’ żewġ telefonati oħra li fihom ix-xufier tal-Ministru Mallia iċempel lill-Control Room tal-Pulizija fid-Depot tal-Furjana.

L-informazzjoni mill-PN ġejja bis-sulluzzu. Qatra qatra. Bil-biċċiet. Fl-aħħar ftit ħin siegħat qabel ma jkun konkluż ir-rapport tal-inkjesta.

Fl-ewwel telefonata jinstemgħu tiri ta’ revolver li qed jingħad li huma it-tiri sparati mix-xufier ta’ Mallia fuq dak li ġie deskritt bħala l-Iskoċċiż. Fit-tieni telefonata jinstema jgħid li ħarablu darbtejn!

Fit-tieni telefonata jinstema’ jhedded lix-xufier l-ieħor waqt li fl-ewwel telefonata x-xufier jgħid li kellu lill-Ministru miegħu. Informazzjoni li tikkuntrasta ma dak li kien magħruf s’issa.

Għax s’issa l-informazzjoni kienet illi l-Ministru Mallia kien fid-depot tal-Pulizija l-Furjana waqt il-ħin tal-isparatura.

X’taħwid. X’ġara eżattament?

l-ewwel telefonata

it-tieni telefonata

Il-President il-ġdid ta’ Malta

president-of-malta-flag-over-blue-sky

L-ispekulazzjoni dwar min ser ikun il-President il-ġdid ta’ Malta bdiet.

Is-sit elettroniku tal-PN maltarightnow.com iżid mal-ispekulazzjoni billi jagħti informazzjoni żbaljata.

Żbaljata mhux daqstant dwar l-ismijiet (jissemmew George Vella, Miriam Spiteri Debono u Maria Camilleri) imma billi jgħid li l-President tar-Repubblika jeħtieġ approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri Parlamentari. Fil-fatt kull ma jeħtieġ biex ikun approvat il-President il-ġdid tar-Repubblika hu appoġġ ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri parlamentari. Hekk kien meħtieġ għal kull wieħed u waħda mill-Presidenti li nħatru sal-lum. Bl-eċċezzjoni ta’ tnejn: għax l-ewwel wieħed (Sir Anthony Mamo) u l-aħħar wieħed (George Abela) kienu approvati b’vot unanimu!

Issa min ser isir President wara George Abela jiena m’għandix idea. Bħalma m’għandhomx idea l-parti l-kbira tal-Maltin! Fl-aħħar mhiex ser tagħmel differenza jekk ikunx George Vella, Miriam Spiteri Debono jew Maria Camilleri kif qed jissuġġerixxi l-maltarightnow.com!

L-anqas ma’ tagħmel differenza jekk ikun Lawrence Gonzi kif ibbottja l-Illum dalgħodu.