Ir-responsabbiltà politika tinġarr bir-riżenja jew tkeċċija

Australian Financial Review 130416 headline

 

Il-kontroversja f’Malta dwar il-kumpaniji tal-Panama hi kbira u ikkumplikata. L-informazzjoni ħierġa ftit ftit u bħala konsegwenza hemm il-periklu kontinwu ta’ misinterpretazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Il-kumpaniji ġew imwaqqfa. Tnejn nafu ta’ min huma. It-tielet waħda ma nafux għax donnu l-isem ta’ sidha kien sensittiv wisq u għalkemm il-kumpanija kienet intenzjonata għal din il-persuna jidher li l-kumpanija baqgħet hemm fuq l-ixkaffa.

Safejn hu magħruf, l-iskop li għalih twaqqfu dawn il-kumpaniji ma kienx hemm ċans li jitwettaq minħabba li bil-ħruġ tal-Panama Papers waqaf kollox. Baqa’ biss il-pjanijiet dwarhom fl-emails li ħerġin ftit ftit. Hemm ukoll l-ispjegazzjonijiet li qed jagħtu jew taw Keith Schembri l-Kasco u Konrad Mizzi.

Keith Schembri għandu “cover” tajjeb wara xiex jistaħba minħabba l-business tiegħu. Konrad Mizzi m’għandux ħajt ta’ kenn, l-ispjegazzjoni tiegħu diffiċli biex titwemmen.

L-artiklu tal-bieraħ 13 t’April 2016 fl-Australian Financial Review intitolat : The Panama Papers: Maltese leaders told Mossack Fonseca of secret gaming plan jikkwota minn emails ta’ rappreżentanti ta’ NexiaBT dwar l-investimenti. Kontinwament issir referenza għal żewġ kumpaniji. Hemm ukoll l-inizzjali tal-persuni involuti (KS għal Keith Schembri u KM għal Konrad Mizzi) biex b’hekk hu ċar li r-referenza hi għat-tnejn.

L-investimenti, jgħidu l-emails ikkwotati, kienu intenzjonati għal remote gaming u għar-riċiklaġġ. Imma l-artiklu Awstraljan , meta jidħol fid-dettall ma jibqax jirreferi għaż-żewġ persuni iżda jaqleb għal persuna waħda u jgħid hekk : “Mr Schembri has an existing recycling business in Malta.” Konrad Mizzi ma jissemmiex iktar. L-artiklu, minkejja t-titlu, ma jgħid xejn dwar l-investiment fir-remote gaming.

Jista’ jkun hemm emails oħra li s’issa għad ma ġewx ippubblikati, imma dwar dawn wieħed ikun jista’ jikkummenta meta dawn l-emails jaraw id-dawl tax-xemx.

Fl-aħħar kullma jibqa’ huma l-fatti. Il-kumpaniji fil-Panama infetħu. Il-ġurisdizzjoni tal-Panama m’għandhiex fama tajba, anzi għandha fama ta’ segretezza liema segretezza hi intenzjonata biex taħbi dak li banda oħra  facilment jinkixef.

Hemm il-korruzzjoni?

S’issa suspetti biss hemm u ħafna spekulazzjoni fuq jigsaw puzzle ta’ biċċiet ta’ informazzjoni. Minħabba l-fatt li dawn iċ-ċirkustanzi ġustament inisslu suspetti ta’ korruzzjoni għandu jkun iktar ċar għaliex Konrad u Keith għamlu ħażin meta aċċettaw il-parir li jmorru l-Panama bil-kumpaniji tagħhom. Esponew lilhom infushom u lill-Gvern li jiffurmaw minnu għal din il-kritika.

Ma kienx ġustifikat li Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-persuna l-oħra li s’issa isimha mhux magħruf imorru l-Panama għax b’dan il-fatt biss tefgħu dell tqil fuq Malta u ngħata messaġġ żbaljat. Hu żball oħxon, li, meta jsir minn persuni li qed jamministraw l-poter politiku (bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi) ma hemm l-ebda soluzzjoni għalih ħlief riżenja immedjata inkella tkeċċija.

B’hekk biss tista’ tinġarr ir-responsabbiltà politika.

L-ikbar theddida: is-sid inviżibbli tat-tielet kumpanija fil-Panama

 invisible_man

Ilna 7 ġimgħat u fuqhom niddiskutu l-kontroversja tal-kumpaniji mwaqqfa fil-Panama.

Sadanittant ħierġa iżjed informazzjoni. Il-bieraħ il-Ħadd fl-Awstralja, l-Australia Financial Review li għandha aċċess għall-ħdax-il miljun u nofs dokument li ġew ippubblikati mill-International Consortium of Investigative Journalists ibbażata f’Washington D.C. fl-Istati Uniti tal-Amerika tgħid li twaqqfu tlett kumpaniji fuq struzzjonjijiet minn Malta. Waħda bl-isem ta’ Tillgate Incorporation għal Keith Schembri, Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat, oħra bl-isem ta’ Hearnville Incorporation għall-Ministru Konrad Mizzi w t-tielet waħda bl-isem ta’ Egrant Incorporation li imkien ma issemma ta’ min hi. Hi ta’ persuna li s’issa għadu mhux magħruf, għax jidher li kien hemm attenzjoni kbira biex ismu ma jissemmiex, biex l-identità tiegħu tkun protetta iktar minn dik tal-persuni l-oħra.

Dawn it-tlett Maltin, tnejn minnhom attivi fil-poltika u t-tielet wieħed (dak li mhux magħruf) x’aktarx ukoll, għażlu li jwaqqfu kumpanija fil-Panama fejn ir-reputazzjoni hi waħda ħażina. Fejn is-segretezza tiffaċilita l-ħabi tal-abbuż. Fejn minħabba din is-segretezza jispiċċaw moħbija flejjes id-dittaturi, kif ukoll flejjes li jirriżultaw min-negozju tad-droga jew mill-korruzzjoni.

Keith Schembri bħala l-id il-leminija tal-Prim Ministru u Konrad Mizzi bħala Membru tal-Parlament kif ukoll bħala Ministru kellhom l-obbligu li jaġixxu b’attenzjoni biex jassiguraw trasparenza u kontabilità f’dak kollu li jagħmlu u dan minħabba li ħtija tal-posizzjoni li jokkupaw dak kollu li jagħmlu għandu impatt fuq il-kredibilità tal-pajjiż. Minflok ma għamlu hekk, Keith Schembri u Konrad Mizzi flimkien mal-persuna l-oħra (li s’issa hu inviżibbli) marru fejn trasparenza ma hemm xejn u allura l-anqas ma hi possibli l-kontabilità tagħhom bħala persuni fil-ħajja pubblika.

Meta twaqqfu dawn it-tlett kumpaniji fil-Panama, Konrad Mizzi, Keith Schembri u t-tielet persuna s’issa inviżibbli għamlu bil-maqlub ta’ dak mistenni minnhom. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietkaw. Bil-maqlub ta’ dak li jipprietka l–partit poliitku li fih huma attivi. Allura kif jibqa’ jingħad li m’għamlu xejn ħażin? Għax bil-fors tikkonkludi li jew iridu jgħadduna biż-żmien inkella li m’għandhomx idea ta’ x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.

Għalhekk biss Joseph Muscat kellu jkeċċihom it-tlieta li huma: lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi u anke lit-tielet persuna li s’issa għad mhux magħruf min hu.

Tgħid Joseph Muscat jaf min hu t-tielet persuna li s’issa irnexxielu jżomm l-identità tiegħu mistura? Għalfejn qed iżomm l-identità tiegħu mistura? Nittamaw li ma ddumx ma tkun magħrufa għax dawn l-azzjonijiet huma ta’ theddida għad-demokazija u dan għax bil-ħolqien ta’ dawn il-kumpaniji qed tgħib it-trasparenza u l-kontabilità fejn hemm l-iktar bżonnha: fil-kurituri tal-poter.

Il-Prim Ministru m’għandux għalfejn jistenna l-verifika li qed jagħmlu Konrad Mizzi u Keith Schembri biex jieħu passi u dan għax, irrispettivament minn dak li jista’ jirriżulta diġa hu magħruf biżżejjed biex ikeċċihom għax ikkompromettew l-integrità li nistennew fil-politiċi u dawk ta’ madwarhom. L-ikbar theddida imma hi n-nuqqas ta’ informazzjoni fuq it-tielet persuna li sakemm tkun magħrufa ser jibqa’ dell fuq l-amministrazzjoni kollha.

Din hi siegħa gravi għat-tmexxija ta’ pajjiżna għax qiesu xejn m’hu xejn. Mhux bizzejjed li ngħidu li inkwetati. Jeħtieġ li jittieħdu passi, illum qabel għada. Diġa qegħdin 7 ġimgħat tard.