Wara l-Bieb

F’pajjiż żgħir fid-daqs bħal tagħna kull żvilupp li jsir ikollu effett fuq xi ħaġa oħra.

Il-bieraħ f’Birżebbuġa indirizzajt konferenza tal-aħbarijiet dwar l-estensjoni tal-Port Ħieles u kif din teffettwa lir-residenti. Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-NGO ambjentali tal-lokal il-Birżebbuġa Environmental Action Group f’isem ir-residenti qed jopponu l-estensjoni tal-Port Ħieles minħabba li din teffettwa ħażin lir-residenti.

Hemm limitu għal dak li hu ġustifikabbli li nissaportu. B’dan l-iskop il-Pjan Lokali għall-Bajja ta’ Marsaxlokk approvat fl-1995 stabilixxa dan il-limitu billi identifika l-area ta’ Wied il-Buni bħala żona li l-Port Ħieles ma kellux jaqbiżha. Hi fil-fatt definita bħala buffer zone.

Il-permess għall-estensjoni tal-Port Ħieles li l-MEPA approvat reċentement dan tinjorah.

Hawn diversi li jitkellmu b’passjoni mingħajr ma jkunu jafu l-fatti. Huwa faċli li tgħid li huwa neċessarju li l-Port Ħieles jespandi fl-interess tat-tkabbir tal-ġid ekonomiku imma min jgħid hekk ikun qed iħares biss lejn parti żgħira ħafna mill-istorja. Għax hemm bżonn ukoll li nħarsu lejn affajiet oħra : kif din l-estensjoni teffettwa l-ħajja tan-nies, u kif din teqred ukoll facilitajiet sportivi tal-baħar (sailing club) li jgawdu mhux biss ir-residenti ta’ Birżebbuġa imma ukoll residenti min-nofsinnhar tal-pajjiż li għalihom Birżebbuġa huwa post ta’ villeġġatura.       

Hemm ukoll l-impatti ambjentali li akkumulaw tul is-snin mill-attivita’ industrijali fil-Port ta’ Marsaxlokk. Dawn huma sostanzjali. Jagħmel sens ħafna illi qabel ma biss nikkunsidraw estenzjoni tal-Port Ħieles nifhmu iktar l-impatti ambjentali akkumulati li per eżempju qerdu l-ħajja fil-bajja u nassiguraw li dawn ikunu indirizzati.

Il-Kunsill ta’ Birżebbuġa, il-Birżebbuġa Environmental Action Group u l-Port Ħieles ilhom ix-xhur jiltaqgħu mal-MEPA biex flimkien insibu l-aħjar mod kif dawn l-impatti li akkumulaw tul is-snin ikunu indirizzati u possibilment jonqsu għall-ġid ta’ kulħadd.

Dan hu l-mod kif l-affarijiet isiru bis-serjeta’. Għalhekk nitkellmu dwar l-iżvilupp sostenibbli. Għax l-iżvilupp biex jagħmel sens ma jridx inissel biss titjib ekonomiku, iżda dan irid jagħmlu mingħajr ħsara : la ħsara ambjentali u l-anqas ħsara soċjali.  

Il-ħsara ħadd ma jridha wara biebu.

________________

Ara ukoll fuq dan il-blog :

12 ta’ Gunju 2010 : Past Mistakes ……. Present Day Decisions.

1 ta’ Frar 2010 : Malta Freeport : Impacts on Residents should be dealt with effectively.

21 ta’ Marzu 2009 : The Freeport : Will MEPA backtrack ?

26 ta’ Frar 2009 : Kisba Importanti wara suġġeriment ta’ AD – MEPA accepts AD proposal.

5 ta’ Marzu 2008 : Birżebbuġa u l-Port Ħieles.

Advertisements