L-IVF mhux kapriċċ: (4) Surrogacy: sostituzzjoni tal-omm naturali

Waħda mill-proposti fl-abbozz ta’ liġi hi li jkun permess li l-omm naturali tkun sostitwita billi bajda ffertilizzata li toriġina minn mara tkun impjantata f’mara oħra, li, jekk it-tqala tirnexxi, twelled it-tarbija hi f’isem il-mara li minna tkun oriġinat il-bajda.

Din il-proposta tindirizza żewġ ċirkustanzi partikolari : l-ewwel fejn mhux possibli għal mara li twassal it-tqala sat-tmiem u t-tieni fejn il-koppja li tkun trid l-ulied tkun koppja ta’ żewġt irġiel.

L-ewwel possibilitá tinftiehem bla diffikulta fil-waqt li t-tieni waħda tirriżulta mill-obbligu kostituzzjonali tal-istat li jassigura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u per konsegwenza li s-servizz tal-IVF jeħtieġ u għandu jkun offrut bla ebda forma ta’ diskriminazzjoni. Din hi l-konsegwenza loġika ta’ politika li tmexxi l-quddiem d-drittijiet ċivili kif rinfurzata mill-emenda kostituzzjonali ta’ xi snin ilu li inkludiet il-projibizzjoni ta’ diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru fl-artiklu tal-kostituzzjoni li tagħtina protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Biex l-omm naturali tkun sostitwita jkun meħtieġ li toffri ruħha mara oħra li f’isem l-omm naturali iġġorr hi t-tarbija li tkun qed tifforma tul id-disa’ xhur tat-tqala. Il-proposta tal-Gvern temfasizza li din is-sostituzzjoni ser tkun permessa biss fuq bażi ta’ altruwiżmu u li taħt l-ebda ċirkustanza m’hu ser ikun permess li dan ikun kummerċjalizzat.

Il-proposta hi l-iktar waħda fl-abbozz ta’ liġi li tagħti dimensjoni umana qawwija lill-IVF. Imma hi ukoll l-iktar waħda li tista’ tkun abbużata. Kif ser tiddistingwi bejn kaz ġenwin ta’ altruwiżmu u ieħor fejn jitħallsu flejjes kbar għall-kiri tal-ġuf? Mhux faċli, anke b’regolamentazzjoni stretta.

Hemm ukoll l-argument validu li kull forma ta’ surrogacy jbaxxi lil mara li tkun soġġetta għalih u għandha tkun ipprojibita. Hekk għamlet l-iSvezja. Il-Parlament Ewropew ukoll kien ħeġġeġ biex din il-prattika tkun ipprojibita.Il-mara, b’kull forma ta’ surrogacy tkun trasformata f’fabbrika tat-tfal u lill-ebda wieħed minnhom ma tista’ issejjaħlu iben jew bint. Anke jekk għal “skop tajjeb” is-surrogacy jibqa’ sfruttament tal-mara. L-isfruttament ma jsirx biss meta jkun hemm ħlas.

Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi ħwar jekk hux aċċettabbli li biex telimina d-diskriminazzjoni kontra kategorija ta’ bnedmin tassoggetta kategorija oħra ta’ bnedmin għal sfruttament. Għax hekk ser tagħmel is-surrogacy.

Hemm ħtieġa ta’ diskussjoni iktar fil-fomd biex ilkoll nifhmu iktar il-konsegwenzi ta’ dak li qiegħed jiġi propost. L-għaġġla żejda li għaddej biha l-Gvern, anke jekk għal skop tajjeb, ma tagħmel ġid lil ħadd.

 

ikompli : (5) Jedd għall-informazzjoni u d-drittijiet tat-tfal

IVF: ir-riżervi ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-proposti li saru

Alternattiva Demokratika il-bieraħ ippubblikat dokument bil-fehmiet tagħha dwar il-proposti tal-Gvern biex jestendi is-servizz tal-IVF.

Il-proposti li saru mill-Gvern jestendu l-faċiltá eżistenti tal-iffrizar minn waħda użabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali għal użu normali, ineħħu l-limitazzjoni konnessi mal-ġeneru għal aċċess għas-servizz, joħloq per konsegwenza d-dritt ta’ donazzjoni kemm tal-isperma mingħand raġel kif ukoll ta’ bajd mingħand mara kif ukoll jippermettu li jkun hemm min joffri ruħu bħala sostitut (surrogate) flok l-omm biex iġġorr it-tarbija waqt it-tqala.

Alternattiva Demokratika iddikjarat li taqbel mal-linji ġenerali tal-proposti imma għandha numru ta’ riżervi importanti dwar dak li qiegħed jiġi propost.

Fil-qosor id-dokument ta’ Alternattiva Demokratika jagħmel dawn l-osservazzjonijiet

  1. Għandna nirrispettaw il-pluralità ta’ valuri etiċi fil-pajjiż u għaldaqstant għandu jkun possibli li persuna li għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma taċċettax l-iffriżar tal-embrijuni jkollha l-opinjoni tagħha rispettata u per konsegwenza jkun possibli li tagħmel użu mis-servizz tal-IVF b’din il-limitazzjoni, (opt-out etiku mill-iffrizar): dan id-dritt għandu jkun rikonoxxut minn stat lajk;
  2. Li f’kull ħin għandu jkun rispettat id-dritt tal-informazzjoni, kemm tal-persuna li ser tirċievi d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda kif ukoll ta’ kull wild li jirriżulta, id-dritt tal-informazzjoni jfisser li l-identità ta’ min ikun qed jagħmel id-donazzjoni għandha tkun magħrufa kemm lil min ikun ser jirċievi d-donazzjoni, kif ukoll lill-ulied ġġenerati meta dawn jagħlqu is-16-il sena: is-segretezza mhiex aċċettabbli;
  3. Li hu neċessarju li jsir screening tal-isperma u l-bajda għal mard trasmess ġenetikament;
  4. Nifhmu li s-surrogacy qed tkun proposta bil-kundizzjoni li dan ma jkunx kummerċjalizzat, però għadu mhux ċar kif dan ser isir għax ġaladarba jkun infetaħ il-bieb ser ikun diffiċli li jkun hemm kontrolli effettivi tal-kummerċjalizzazzjoni;
  5. Il-proposta tal-addozzjoni tal-embrijuni ma jidhirx li tista’ tkun implimentata u teħtieġ diskussjoni iktar profonda.

Fid-dawl ta’ dan għandha jkun emfasizzata l-ħtieġa li f’soċjetá li tħaddan il-pluraliżmu etiku nirrispettaw iktar l-opinjonijiet ta’ xulxin. Ovvjament, l-iktar mumenti fejn hu meħtieġ dan ir-rispett hu fejn il-fehmiet jikkuntrastaw: għax fejn dawn jaqblu ma hemm bżonn l-ebda sforz!

Huwa meħtieġ li ma jkunx hemm għaġġla żejda fid-diskussjoni pubblika. Il-Gvern qed jgħaġġel ħafna u mhux jagħti biżżejjed ċans lill-opinjoni pubblika biex tiddiġerixxi biżżejjed dak li qed ikun propost. Għad hemm diversi punti li jeħtieġu iktar ħsieb għax is-soluzzjonijiet proposti mhux ċari. Ikun għaqli għall-Parlament li jidħol f’iktar dettall dwar l-implikazzjonijiet tas- soluzzjonijiet proposti u dan billi fost oħrajn jitlob direttament hu l-assistenza ta’ esperti biex jgħinuh jindirizza xi difetti tal-proposti li qed jipproponi l-Gvern.

Alternattiva Demokratika tittama li l-Parlament jagħmel xogħolu sewwa. L-ebda mandat elettorali ma jagħti lill-Gvern is-setgħa li jagħmel li jrid. Tajjeb li niftakru li għalkemm diffiċli biex jitħaddmu jeżistu rimedji f’kaz li l-Parlament jonqos mill-jagħmel xogħolu sewwa.

Tagħżel it-tfal mill-katalgu tal-isperma

Lesbian couple given wrong donation at Sperm Bank

L-iskop li jkun hemm it-tnissil assistit tal-ulied biex tgħin koppji li għandhom diffikultà biex inisslu hu wieħed nobbli.

Imma …………… għax dejjem hemm l-imma, safejn għandna naslu?

Hemm diversi punti ta’ diskussjoni. Mhux ser insolvihom jiena. Imma ser nagħti l-fehma tiegħi dwar uħud minnhom kif għandi l-obbligu li nagħmel.

L-ewwel punt huwa dwar il-proċess tal-IVF innifsu: hawn dibattitu dwar jekk għandhiex tkun iffriżata l-bajda tan-nisa, inkella jekk għandux ikun iffriżat l-embrijun, jiġifieri l-bajda ffertilizzata. Bħalissa l-liġi Maltija teskludi li jkunu iffriżati l-embrijuni. L-oġġezzjoni kienet waħda etika, u ċjoe dwar x’ser jiġri mill-embrijuni li ma jkunux utilizzati. Jintremew? Jingħataw għar-riċerka?

Ħafna minna jemmnu li l-embrijun hu persuna umana li għadha qed tiżviluppa. Ma jistax jgħix waħdu u allura hu fi stat ta’ vulnerabilita kbira. Il-liġi Maltija, kif inhi, sabet kompromess li jidher li wassal għall-istess rata ta’ suċċess tal-IVF barra mill-pajjiż fejn jiffriżaw l-embrijuni mhux użati.

Allura, nistaqsi jiena, x’hemm bżonn li nibdlu s-sistema jekk għandna l-istess rata ta’ suċċess mingħajr id-dilemma etika ta’ x’ser jiġri mill-embrijun?

Hu inevitabbli li d-diskussjoni issa twessgħet biex jibda jiġi ikkunsidrat id-donazzjoni kemm taż-żerriegħa tar-raġel kif ukoll tal-bajda tal-mara.

Dan ser jinkludi ukoll li mara toffri l-għajnuna lil koppja billi ġo ġufha ġġorr tarbija tal-koppja (surrogacy). Apparti l-kompatibilita medika, u irrispettivament minn jekk dan isirx bi ħlas jew b’xejn, hawnhekk jinfetħu l-bibien għal numru ta’ diffikultajiet.

Ser nillimita ruħi għalissa għall-ovvju f’każ ta’ donazzjoni tal-isperma.

Ilkoll insegwu x’jiġri barra u propju f’dawn il-ġranet inqala’ każ fl-Istati Uniti tal-Amerika, f’Illinois, fejn koppja lesbjani li riedu tarbija għażlu kampjun mill-bank tal-isperma. L-amministraturi tal-bank tal-isperma ħadu żball u użaw kampjun b’ieħor u t-tarbija li twieledet ġiet ta’ kulur differenti milli ippjanat.

Dan hu żball li iktar ma jkun hemm IVF b’donazzjoni, iktar ser ikun hemm minnu. Għax flok mat-tfal jiġu bil-vapuri issa tagħżilhom minn fuq il-katalgu.

 

Dawn huma materji delikati ħafna. Jista’ jfissru l-ferħ jew il-weġgħa ta’ ħafna. Għaldaqstant qabel mal-Gvern jiċċaqlaq għandu l-obbligu li joħroġ White Paper dettaljata li tispjega sew dak li ser jiġi propost. Hekk jixraq biex ikollna diskussjoni infurmata.

Hemm bżonn li nitkellmu mhux biss dwar id-dritt li jkollna l-ulied, imma ukoll fuq kollox dwar id-drittijiet tal-ulied infushom, inkluż tal-ulied li għadhom ma tweldux. Għax  issa ser ikun hemm min jikkunsidrhom qieshom prodott li tixtri minn fuq xkaffa tas-supermarket.

Tnissil assistit

3042164YH001_invitro

L-Ministeru tas-Saħħa ħareġ sejħa għall-offerti biex ikun jista’ jimplimenta l-liġi tal-IVF. Jew biex nitkellmu bil-Malti biex min ma jistax inissel l-ulied b’mod naturali jkun assistit biex dan it-tnissil ikun jista’  jsir.

Il-liġi Maltija dwar l-IVF bit-titlu bombastiku ta’ “Att tal-2012 dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni”  kienet approvat mill-Parlament li għadu kif spiċċa. Din il-liġi tirregola t-tnissil assistit u tillimitah għall-koppji miżżewġa kif ukoll għal dawk il-koppji li għalkemm mhux miżżewġa huma f’relazzjoni stabbli.  Il-liġi hi ċara għax fid-definizzjoni ta’ ġenitur prospettiv (artiklu 2 tal-liġi)   titkellem fuq koppja magħmula minn żewġ persuni ta’ sess oppost.

B’mod ċar mela il-liġi tiddiskrimina kontra koppji ta’ l-istess sess u m’hemm l-ebda dubju li attakkata fuq kriterji ta’ drittijiet umani, u preċiżament fuq il-fatt li tiddiskrimina  jkollha tinbidel b’mod li d-diskriminazzjoni li hi parti intrinsika tal-liġi titneħħa.

Li titneħħa d-diskriminazzjoni mill-liġi jkun pass tajjeb. Il-kontroversja iżda m’hiex ser tisparixxi meta titneħħa d-diskriminazzjoni. Għax id-diskriminazzjoni jkollha titneħħa f’data mhux il-bogħod. Imma mbagħad ikun meħtieġ li niffaċċjaw diversi materji ta’ kontroversja relatata. Irridu nibdew naħsbu dwarhom.

 Kif għandha tkun regolata d-donazzjoni taż-żerriegħa tar-raġel jew tal-bajda tal-mara ? Direttament bejn il-partijiet konċernati b’mod li tista’ tagħti lok għal abbuż?  Permezz ta’ bank għal dan l-iskop?  Bi ħlas jew bi pjaċir?

Xi drittijiet għandu jkollhom il-ġenituri bioloġiċi? Jiena naħseb li l-ġenituri bioloġiċi għandhom jagħtu l-kunsens tagħhom qabel ma jsir it-tnissil fil-laboratorju. Mhux sempliċement jagħtu ż-żerriegħa jew il-bajda. Mhux dan biss. Għandu jkun hemm informazzjoni sħiħa dwar l-identita’ tal-persuni involuti. Mhux informazzjoni pubblika imma informazzjoni li għandha tkun magħrufa bejn il-ġenituri bioloġiċi, l-ġenituri prospettivi u eventwalment l-ulied. M’hemmx lok għal anonimita’. Id-donazzjonijiet taż-żerriegħa tar-raġel u tal-bajda tal-mara jridu jsiru b’mod trasparenti biex kull min ikun involut ikun jaf x’inhu jagħmel u b’hekk jerfa’ sewwa r-responsabbiltajiet tiegħu/tagħha. Dan hu essenzjali l-iktar in konnessjoni ma’ mard ereditarju.  Jiena konxju li dan iwassal għall-argument dwar jekk hux etiku li nagħżlu l-ġenetika tal-ulied għax fil-prattika dan hekk ifisser. Imma din hi l-konsegwenza loġika tal-IVF miftuħa għal kulħadd.  It-tnissil tal-ulied a la carté. Punt li ma jqumx direttament bejn koppji miżżewġin jew koppji f’relazzjoni stabbli.

Hemm imbagħad l-issue tas-surrogate motherhood. Jiġifieri l-ħtieġa li mara tislef jew tikri ġufha biex twelled tarbija li m’hiex tagħha għal ħtieġa ta’ ħaddieħor.  Fil-kuntest wiesa’ tal-applikazzjoni tal-IVF din hi miżura li tista’ tkun meħtiega biex mara jkollha l-ulied (li anke jkunu bioloġikament tagħha) kif ukoll jekk l-IVF tkun tapplika għal koppji tal-istess sess.

Kif għandu jkun regolat dan is-self jew il-kiri tal-ġuf?  Dan mhux sfruttament?  Imma fl-istess ħin mingħajru l-IVF ma tistax tkun verament aċċessibli għal kulħadd.

M’għandix tweġibiet għal dan kollu. F’pajjiżi oħra d-diskussjoni bdiet. S’issa f’Malta ta’ l-inqas fil-pubbliku għad ma bdietx.

L-ebda wieħed mill-partiti politiċi f’Malta għadu ma tkellem fuq dawn l-affarijiet. Għalkemm f’ Alternattiva Demokratika iddiskutejna xi ftit internament is-suġgett l-anqas AD għad ma ħadet posizzjoni. Imma ma nistgħux nibqgħu naħarbu minn dawn l-affarijiet għax l-introduzzjoni tal-IVF ser twassalna inevitabilment biex niffaċċjawhom. Ikun aħjar jekk inkunu ippreparati.

kif ippubblikat fil-blog ta’ iNews it-Tlieta 10 ta’ Settembru 2013