IVF : Id-dibattitu qed jddiġenera

 

Hawn fuq qed nippubblika l-istrixxa ta’ fuq ta’ video share li għamel fuq facebook il-Partit Demokratiku dwar waħda mill-MPs tal-Partit Laburista. Qed nippubblika biss biċċa għax ma irridx inkun kompliċi fl-insulti. Ta’ l-inqas irrid inħalli l-isem/ritratt tal-MP insulentata barra.

Possibli li dawn m’għandhomx ideat aħjar dwar kif tkun il-politika l-ġdida?

Qaluli li issa dan il-video neħħewh imma mhux wara li komplew iniġġsu d-dibattitu.
Id-dibattitu hu minnu innifsu emottiv. Għandek liema veduta għandek. Imma possibli li m’aħniex kapaċi niddiskutu bil-kalma?

Dan il-pajjiż jixraqlu ħafna aħjar.

Advertisements

L-IVF mhux kapriċċ: (6) Il-medjazzjoni tal-President tar-Repubblika

L-offerta tal-President tar-Repubblika Marie Louise Coleiro-Preca li timmedja mhux ta’ min jinjoraha. Il-President ġustament triq diskussjoni serja li tirrispetta s-serjetá tas-suġġett. Trid brejk fuq l-għaġġla li għandu l-Gvern.

Il-punt tat-tluq għandu jkun il-pluraliżmu etiku. Għandna nirrispettaw l-ideat u l-idejali ta’ xulxin kif manifestati f’valuri li jikkuntrastaw sostanzjalment.

Id-diffikultá li qed timmanifesta ruħha fid-diskussjoni pubblika kurrenti hi l-insulti gravi u l-bombastiċitá fl-argumentazzjoni. Bħal meta t-Tabib Godfrey Farrugia ddeskriva l-emendi għal-liġi tal-IVF bħala l-bidu ta’ ġenoċidju.

Il-medjazzjoni tal-President trid twassal biex kulħadd jirrealizza li qegħdin fis-seklu 21 !

L-IVF mhux kapriċċ: (5) Jedd għall-informazzjoni u d-drittijiet tat-tfal

L-emendi ippreżentati għal-liġi tal-IVF issa ser jippermettu li issir donazzjoni kemm tal-bajda kif ukoll tal-isperma.

Minn dak li qal il-Ministru Chris Fearne huwa u jippilota l-liġi, l-ulied ser ikollhom il-jedd li jkunu jafu min huma l-ġenituri naturali tagħhom. Tajjeb li dan qiegħed jingħad issa, avolja ftit tard, għax m’hemmx lok għal segretezza. Hu dritt li tkun taf l-egħruq tiegħek, li tkun taf min nisslek.

Imma hu importanti ukoll li min jirċievi d-donazzjoni ukoll ikun jaf l-identitá ta’ min qed jagħti din id-donazzjoni. Bħalma huwa neċessarju li kull donazzjoni tkun eżaminata ukoll (screened) għall-potenzjal li tiġġenera mard ġenetiku.

Min ser jagħmel użu mill-IVF għandu bżonn l-għajnuna. Għalhekk huwa essenzjali li l-problemi innaqqsuhom mhux inżiduhom.

Il-liġi hi iffukata wisq fuq “id-dritt li jkollok it-tfal” u ma hemmx biżżejjed ħsieb dwar dawn it-tfal. Hu essenzjali li l-prijoritajiet ikunu ċari.

Huwa ukoll meħtieġ li ma jkunx hemm għaġġla żejda fid-diskussjoni pubblika. Il-Gvern qed jgħaġġel ħafna u mhux jagħti biżżejjed ċans lill-opinjoni pubblika biex tiddiġerixxi biżżejjed dak li qed ikun propost. Hemm diversi punti li jeħtieġu iktar ħsieb għax is-soluzzjonijiet proposti mhumiex ċari. Ikun għaqli għall-Parlament li jidħol f’iktar dettall dwar l-implikazzjonijiet tas- soluzzjonijiet proposti u dan billi fost oħrajn jitlob direttament hu l-assistenza ta’ esperti biex jgħinuh jindirizza d-difetti tal-proposti li qed jipproponi l-Gvern.

ikompli :(6) Il-medjazzjoni tal-President tar-Repubblika

By carmelcacopardo Posted in IVF Tagged

L-IVF mhux kapriċċ: (4) Surrogacy: sostituzzjoni tal-omm naturali

Waħda mill-proposti fl-abbozz ta’ liġi hi li jkun permess li l-omm naturali tkun sostitwita billi bajda ffertilizzata li toriġina minn mara tkun impjantata f’mara oħra, li, jekk it-tqala tirnexxi, twelled it-tarbija hi f’isem il-mara li minna tkun oriġinat il-bajda.

Din il-proposta tindirizza żewġ ċirkustanzi partikolari : l-ewwel fejn mhux possibli għal mara li twassal it-tqala sat-tmiem u t-tieni fejn il-koppja li tkun trid l-ulied tkun koppja ta’ żewġt irġiel.

L-ewwel possibilitá tinftiehem bla diffikulta fil-waqt li t-tieni waħda tirriżulta mill-obbligu kostituzzjonali tal-istat li jassigura li ma jkunx hemm diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u per konsegwenza li s-servizz tal-IVF jeħtieġ u għandu jkun offrut bla ebda forma ta’ diskriminazzjoni. Din hi l-konsegwenza loġika ta’ politika li tmexxi l-quddiem d-drittijiet ċivili kif rinfurzata mill-emenda kostituzzjonali ta’ xi snin ilu li inkludiet il-projibizzjoni ta’ diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru fl-artiklu tal-kostituzzjoni li tagħtina protezzjoni kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Biex l-omm naturali tkun sostitwita jkun meħtieġ li toffri ruħha mara oħra li f’isem l-omm naturali iġġorr hi t-tarbija li tkun qed tifforma tul id-disa’ xhur tat-tqala. Il-proposta tal-Gvern temfasizza li din is-sostituzzjoni ser tkun permessa biss fuq bażi ta’ altruwiżmu u li taħt l-ebda ċirkustanza m’hu ser ikun permess li dan ikun kummerċjalizzat.

Il-proposta hi l-iktar waħda fl-abbozz ta’ liġi li tagħti dimensjoni umana qawwija lill-IVF. Imma hi ukoll l-iktar waħda li tista’ tkun abbużata. Kif ser tiddistingwi bejn kaz ġenwin ta’ altruwiżmu u ieħor fejn jitħallsu flejjes kbar għall-kiri tal-ġuf? Mhux faċli, anke b’regolamentazzjoni stretta.

Hemm ukoll l-argument validu li kull forma ta’ surrogacy jbaxxi lil mara li tkun soġġetta għalih u għandha tkun ipprojibita. Hekk għamlet l-iSvezja. Il-Parlament Ewropew ukoll kien ħeġġeġ biex din il-prattika tkun ipprojibita.Il-mara, b’kull forma ta’ surrogacy tkun trasformata f’fabbrika tat-tfal u lill-ebda wieħed minnhom ma tista’ issejjaħlu iben jew bint. Anke jekk għal “skop tajjeb” is-surrogacy jibqa’ sfruttament tal-mara. L-isfruttament ma jsirx biss meta jkun hemm ħlas.

Il-mistoqsija li teħtieġ tweġiba hi ħwar jekk hux aċċettabbli li biex telimina d-diskriminazzjoni kontra kategorija ta’ bnedmin tassoggetta kategorija oħra ta’ bnedmin għal sfruttament. Għax hekk ser tagħmel is-surrogacy.

Hemm ħtieġa ta’ diskussjoni iktar fil-fomd biex ilkoll nifhmu iktar il-konsegwenzi ta’ dak li qiegħed jiġi propost. L-għaġġla żejda li għaddej biha l-Gvern, anke jekk għal skop tajjeb, ma tagħmel ġid lil ħadd.

 

ikompli : (5) Jedd għall-informazzjoni u d-drittijiet tat-tfal

L-IVF mhux kapriċċ: (3) Mill-friża għall-adozzjoni

Tkellimna fuq l-iffriżar.

Alternattiva Demokratika qed tgħid li min għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma jaqbilx mal-iffriżar għandu jkollu d-dritt li juża l-IVF mingħajr iffriżar (opt-out etiku). Għandu jagħti struzzjonijiet lil konsulenti f’dan is-sens. Ovvjament il-konsulenti ser ikollhom diffikultá għax mhux trattament faċli.

Min jaċċetta l-iffriżar għandu ftit inqas diffikultajiet imma għandu ukoll responsabbiltá dwar x’ser jagħmel bl-embrijuni li eventwalment jiffurmaw. Li dawn jintużaw mill-koppja stess li tkun ipproduċiethom hi l-iktar soluzzjoni faċli. F’każ li jiġri hekk ma naħsibx li jkun hemm xi diffikultá. Anzi naħseb li tkun is-soluzzjoni idejali.

Il-problemi jibdew f’każ li l-embrijuni li qed jiffurmaw u li qegħdin fil-friża għal xi raġuni (tkun xi tkun) ma jintużawx. Il-Gvern fl-abbozz ta’ liġi qed jgħid li wara ħames snin dawn ikunu jistgħu jingħataw għall adozzjoni.

Il-proposta dwar l-adozzjoni tal-embrijuni mhiex proposta originali. Kienet saret f’rapport ta’ kumitat parlamentari li kien tmexxa mill-ħabib tiegħi t-Tabib Jean-Pierre Farrugia li kien mexxa kumitat parlamentari magħżul (Select Committee) dwar l-IVF fl-2010. Il-Membri Parlamentari l-ohra fil-kumitat kienu t-tobba Michael Farrugia (illum Ministru) u Frans Agius (MP minn Haż-Zabbar)

Din hi proposta li hi tajba fuq il-karta imma fil-prattika ftit tista’ taħdem għax min irid jaddotta m’hux qed jistenna l-IVF. Min imur għall-IVF jagħmel dan għax ikun jixtieq li l-wild ikun ġenetikament parti minnu. Naħseb li hi preferibbli addozzjoni normali milli addozzjoni mill-freezer tal-IVF għax tkun inqas problematika. Allura jkun iktar għaqli li l-koppji li jagħmlu użu mill-IVF jerfgħu huma stess ir-responsabbiltá sħiħa għall-embrijuni li qed jiffurmaw u li jitqegħdu fil-freezer. Dan minnu innifsu jnaqqas il-problema ta’ kumulu ta’ embrijuni li qed jiffurmaw fil-freezer.

Dan ovvjament ma jsolvix kull problema għax dejjem ser jibqa’ każi li dwarhom ma jkunx hemm qbil. Hu meħtieġ diskussjoni iktar fit-tul dwar x’jiġri mill-embrijuni qed jiffurmaw u li jitħallew fil-freezer.

Il-Gvern qed jgħaġġel iżżejjed. Hemm bżonn jieqaf ftit iktar u jisma’. L-abbozz jista’ jtejbu.

 

ikompli : (4) Surrogacy: sostituzzjoni tal-omm naturali

L-IVF mhux kapriċċ: (2) Pluraliżmu Etiku

Min jikkritika l-IVF fit-totalitá tagħha, inkella aspetti partikolari biss, naħseb li jagħmel dan bi skopijiet tajba. Ikun jixtieq jaqsam magħna lkoll il-valuri “tajba” tiegħu jew tagħha.

Ovvjament nafu li ilu li spiċċa ż-żmien li naħsbu b’moħħ wieħed. Kulħadd illum jipprova jogħmod dak li jisma’ u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. M’aħniex differenti minn pajjiżi oħra f’dan. Bħala pajjiż għaddejjin minn process li pajjiżi oħra ilhom żmien twil li għaddew minnu. Illum il-ġurnata m’għadniex iżolati u allura r-ritmu tat-tibdil għaddej b’mod aċċelerat għax aħna influwenzati minn dak kollu li naraw u nisimgħu.

Kif ġara waqt id-dibattitu nazzjonali dwar ir-referendum li wassal għad-divorzju, kulħadd illum qed jirrealizza li f’pajjiżna l-pluralitá tmur lil hinn miċ-ċikkulata u t-toothpaste. Anke lil hinn mix-xandir. Illum nitkellmu ukoll dwar pluraliżmu etiku. Għandna fil-pajjiż valuri differenti, diversi drabi konfliġġenti, li jeżistu fostna fl-istess ħin. Huwa dan li jġib l-argumenti u li jagħlef id-dibattitu pubbliku u per konsegwenza jnissel il-ħtieġa ta’ bidla li tagħmilha possibli li dawn il-valuri jikkoeżistu.

L-argument ewlieni etiku huwa dwar meta tibda l-ħajja. Jekk tibdiex mal-konċepiment jew f’xi żmien ieħor. Dan hu argument li diġa ffaċċajnieh waqt id-dibattitu pubbliku dwar il-Morning After Pill.

Il-ħajja fir-realtá ma hiex switch li tixegħlu jew titfiegħ f’xi mument partikolari. M’hemmx mument partikolari imma hu process ta’ numru ta’ siegħat fejn wara li sseħħ il-fertilizzazzjoni (l-konċepiment) iċ-ċelluli li jirriżultaw jibdew jimmutiplikaw, jiżviluppaw u eventwalment tibda l-ħajja. F’dan il-mument ikun għad ma hemm l-ebda bniedem: għalhekk hu ġustifikabbli li tintuża l-Morning After Pill li twaqqaf il-proċess kollu. Għall-istess raġunijiet huwa ġustifikabbli l-iffriżar tal-embrijun li jkun qed jifforma. Fid-daqs dan ikun daqs ta’ tikka!

Dan hu l-argument kollu li dwaru hemm opinjonijiet differenti.

L-argument ikompli dwar x’jiġri wara li toħroġ l-embrijun li qed jifforma mill-friża. Jekk il-proċess ikompli m’hemmx problema. Imma jekk jieqaf, hemm min iħoss il-kuxjenza tniggżu għax jaħseb li jkun temm ħajja.

Huwa għal din ir-raġuni li Alternattiva Demokratika qed tgħid li min għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma jaqbilx mal-iffriżar għandu jkollu d-dritt li juża l-IVF mingħajr iffriżar. Dan ovvjament jista’ jillimita is-suċċess tat-trattament tal-IVF. Imma min ikollu din id-diffikulta etika għandu kull dritt li japplika l-brejk fuq il-konsulenti li qed jagħtuh it-trattament.

Min-naħa l-oħra min m’għandu l-ebda diffikulta dwar l-iffriżar għandu jkollu kull dritt li jibbenefika ruħu mit-trattament sħiħ.

Din hi materja serja ħafna u qed nagħmlu tajjeb li qed niddiskutuha f’mod intens. Huwa sinjal posittiv anke bħala pajjiż.

 

ikompli : (3) Mill-friża għall-adozzjoni

L-IVF mhux kapriċċ: (1) In-natura tmexxina hi?

 

Ħadd ma jirrikorri għall-IVF b’kapriċċ. Kull koppja li tirrikorri għas-servizz tal-IVF tagħmel dan għax tkun muġugħa – tixtieq li jkollha l-ulied u ma jkunx possibli li dawn tnissilhom b’mod naturali.

L-IVF (in vitrio fertilisation) jista’ jipprovdi soluzzjoni, għax hu servizz favur il-ħajja billi jgħin lill-koppji fit-tnissil bl-użu tax-xjenza. Ix-xjenza tipprovdi dak li tkun qed iċċaħħad minnu n-natura.

Jeħtieġ iżda li dan is-servizz ikun użat b attenzjoni u b’responsabbilta. Għalhekk id-dibattitu pubbliku li hawn ġhaddej bħalissa, b’intensitá qawwija u emozzjonijiet kbar.

L-IVF ilu f’Malta. Sa ftit snin ilu kien offrut mis-settur privat li għamel flejjes kbar minn fuq il-miżerja tan-nies. Dan l-aħħar snin is-servizz twessa’ u beda joffrieh ukoll l-istat.

Għal snin, f Malta, l-istat ħalla lis-settur privat jagħmel li jrid. Ma kien hemm l-ebda forma ta’ regolamentazzjoni tas-settur. Nafu minn dikjarazzjonijiet pubbliċi li saru, li l-prattiċi addottati, diversi drabi wasslu għal tqala multipli u kull meta dan inqala’, s-settur privat tefa’ l-piz fuq l-isptar pubbliku għax is-settur privat ma kellux il-faċilitajiet neċessarji. Dan apparti l-kumplikazzjonijiet għal saħħet dawk kollha effettwati.

Hawn min hu kontra l-IVF fil-prinċipju, għax jidhirlu li għandna nħallu n-natura bi kwieta, tmexxina hi. Ovvjament dawn, meta jkunu ma jifilħux jaraw tabib u jieħdu l-medicini: lin-natura ma jħalluwiex tagħmel li trid. Jagħmlu ukoll l-operazzjonijiet jekk dawn ikunu meħtieġa, u jagħmlu tajjeb. Għax il-mediċina ġiet żviluppata biex tkun għas-servizz tal-bniedem. Għas-servizz tagħna lkoll.

L-istess l-IVF. B’differenza importanti għax fil-waqt li s-servizzi mediċi l-oħra jipproteġu l-ħajja, bl-IVF nissieħbu man-natura biex innisslu l-ħajja. Dan minnu innifsu jitfa’ responsabbiltá kbira fuq kull min imiss mal-IVF.

 

ikompli : (2) Pluraliżmu Etiku

By carmelcacopardo Posted in IVF Tagged

IVF: ir-riżervi ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-proposti li saru

Alternattiva Demokratika il-bieraħ ippubblikat dokument bil-fehmiet tagħha dwar il-proposti tal-Gvern biex jestendi is-servizz tal-IVF.

Il-proposti li saru mill-Gvern jestendu l-faċiltá eżistenti tal-iffrizar minn waħda użabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali għal użu normali, ineħħu l-limitazzjoni konnessi mal-ġeneru għal aċċess għas-servizz, joħloq per konsegwenza d-dritt ta’ donazzjoni kemm tal-isperma mingħand raġel kif ukoll ta’ bajd mingħand mara kif ukoll jippermettu li jkun hemm min joffri ruħu bħala sostitut (surrogate) flok l-omm biex iġġorr it-tarbija waqt it-tqala.

Alternattiva Demokratika iddikjarat li taqbel mal-linji ġenerali tal-proposti imma għandha numru ta’ riżervi importanti dwar dak li qiegħed jiġi propost.

Fil-qosor id-dokument ta’ Alternattiva Demokratika jagħmel dawn l-osservazzjonijiet

  1. Għandna nirrispettaw il-pluralità ta’ valuri etiċi fil-pajjiż u għaldaqstant għandu jkun possibli li persuna li għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma taċċettax l-iffriżar tal-embrijuni jkollha l-opinjoni tagħha rispettata u per konsegwenza jkun possibli li tagħmel użu mis-servizz tal-IVF b’din il-limitazzjoni, (opt-out etiku mill-iffrizar): dan id-dritt għandu jkun rikonoxxut minn stat lajk;
  2. Li f’kull ħin għandu jkun rispettat id-dritt tal-informazzjoni, kemm tal-persuna li ser tirċievi d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda kif ukoll ta’ kull wild li jirriżulta, id-dritt tal-informazzjoni jfisser li l-identità ta’ min ikun qed jagħmel id-donazzjoni għandha tkun magħrufa kemm lil min ikun ser jirċievi d-donazzjoni, kif ukoll lill-ulied ġġenerati meta dawn jagħlqu is-16-il sena: is-segretezza mhiex aċċettabbli;
  3. Li hu neċessarju li jsir screening tal-isperma u l-bajda għal mard trasmess ġenetikament;
  4. Nifhmu li s-surrogacy qed tkun proposta bil-kundizzjoni li dan ma jkunx kummerċjalizzat, però għadu mhux ċar kif dan ser isir għax ġaladarba jkun infetaħ il-bieb ser ikun diffiċli li jkun hemm kontrolli effettivi tal-kummerċjalizzazzjoni;
  5. Il-proposta tal-addozzjoni tal-embrijuni ma jidhirx li tista’ tkun implimentata u teħtieġ diskussjoni iktar profonda.

Fid-dawl ta’ dan għandha jkun emfasizzata l-ħtieġa li f’soċjetá li tħaddan il-pluraliżmu etiku nirrispettaw iktar l-opinjonijiet ta’ xulxin. Ovvjament, l-iktar mumenti fejn hu meħtieġ dan ir-rispett hu fejn il-fehmiet jikkuntrastaw: għax fejn dawn jaqblu ma hemm bżonn l-ebda sforz!

Huwa meħtieġ li ma jkunx hemm għaġġla żejda fid-diskussjoni pubblika. Il-Gvern qed jgħaġġel ħafna u mhux jagħti biżżejjed ċans lill-opinjoni pubblika biex tiddiġerixxi biżżejjed dak li qed ikun propost. Għad hemm diversi punti li jeħtieġu iktar ħsieb għax is-soluzzjonijiet proposti mhux ċari. Ikun għaqli għall-Parlament li jidħol f’iktar dettall dwar l-implikazzjonijiet tas- soluzzjonijiet proposti u dan billi fost oħrajn jitlob direttament hu l-assistenza ta’ esperti biex jgħinuh jindirizza xi difetti tal-proposti li qed jipproponi l-Gvern.

Alternattiva Demokratika tittama li l-Parlament jagħmel xogħolu sewwa. L-ebda mandat elettorali ma jagħti lill-Gvern is-setgħa li jagħmel li jrid. Tajjeb li niftakru li għalkemm diffiċli biex jitħaddmu jeżistu rimedji f’kaz li l-Parlament jonqos mill-jagħmel xogħolu sewwa.

Il-PN fis-sqaq tal-fundamentaliżmu

Adrian Delia appunta lilu nnifsu l-gwardjan tal-morali tal-pajjiż. Għalhekk, qal, li l-PN fil-Parlament ser jopponi l-avviż legali li jintroduċi 100 siegħa leave bi ħlas għal dawk li jfittxu trattament tal-IVF barra minn Malta (nisa infertili u lesbjani).

Billi l-liġi tal-IVF presentment fis-seħħ dan ma tippermettieħx Delia qed tniggżu l-kuxjenza u jidhirlu li għal din ir-raġuni għandu jopponi.

Adrian Delia għadu kif ħa ġurament ta’ lealtà lejn il-Kostituzzjoni. Fl-aħħar leġislatura din il-kostituzzjoni ġiet emendat biex anke id-diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u l-orientazzjoni sesswali tkun ipprojibita.

Fit-triq li qabad favur il-fundamentaliżmu Delia mhuwiex jirrealizza li qiegħed ikasbar il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li tobbliga anke lilu li jitbiegħed minn kwalunkwe diskriminazzjoni: f’dan il-kuntest id-diskriminazzjoni a bażi tal-ġeneru u l-orientazzjoni sesswali.

Fil-Parlament ftit ġimgħat ilu kellna d-dmugħ tal-kukkudrilli ta’ dawk li iddispjaċihom li kienu astjenew fil-vot dwar id-drittijiet LGBTIQ fil-leġislatura l-oħra fosthom Mario de Marco u Claudette Buttigieg. Nistennew u naraw jekk bidlux il-fehma tagħhom.

S’issa fil-PN qiegħed jinstema leħen wieħed biss favur ir-raġuni : dak ta’ Norman Vella.

Sadanittant il-PN jibqa’ dieħel il-ġewwa fis-sqaq tal-fundamentaliżmu, u minn hemm ser ikunlu diffiċli li joħroġ.

Tagħżel it-tfal mill-katalgu tal-isperma

Lesbian couple given wrong donation at Sperm Bank

L-iskop li jkun hemm it-tnissil assistit tal-ulied biex tgħin koppji li għandhom diffikultà biex inisslu hu wieħed nobbli.

Imma …………… għax dejjem hemm l-imma, safejn għandna naslu?

Hemm diversi punti ta’ diskussjoni. Mhux ser insolvihom jiena. Imma ser nagħti l-fehma tiegħi dwar uħud minnhom kif għandi l-obbligu li nagħmel.

L-ewwel punt huwa dwar il-proċess tal-IVF innifsu: hawn dibattitu dwar jekk għandhiex tkun iffriżata l-bajda tan-nisa, inkella jekk għandux ikun iffriżat l-embrijun, jiġifieri l-bajda ffertilizzata. Bħalissa l-liġi Maltija teskludi li jkunu iffriżati l-embrijuni. L-oġġezzjoni kienet waħda etika, u ċjoe dwar x’ser jiġri mill-embrijuni li ma jkunux utilizzati. Jintremew? Jingħataw għar-riċerka?

Ħafna minna jemmnu li l-embrijun hu persuna umana li għadha qed tiżviluppa. Ma jistax jgħix waħdu u allura hu fi stat ta’ vulnerabilita kbira. Il-liġi Maltija, kif inhi, sabet kompromess li jidher li wassal għall-istess rata ta’ suċċess tal-IVF barra mill-pajjiż fejn jiffriżaw l-embrijuni mhux użati.

Allura, nistaqsi jiena, x’hemm bżonn li nibdlu s-sistema jekk għandna l-istess rata ta’ suċċess mingħajr id-dilemma etika ta’ x’ser jiġri mill-embrijun?

Hu inevitabbli li d-diskussjoni issa twessgħet biex jibda jiġi ikkunsidrat id-donazzjoni kemm taż-żerriegħa tar-raġel kif ukoll tal-bajda tal-mara.

Dan ser jinkludi ukoll li mara toffri l-għajnuna lil koppja billi ġo ġufha ġġorr tarbija tal-koppja (surrogacy). Apparti l-kompatibilita medika, u irrispettivament minn jekk dan isirx bi ħlas jew b’xejn, hawnhekk jinfetħu l-bibien għal numru ta’ diffikultajiet.

Ser nillimita ruħi għalissa għall-ovvju f’każ ta’ donazzjoni tal-isperma.

Ilkoll insegwu x’jiġri barra u propju f’dawn il-ġranet inqala’ każ fl-Istati Uniti tal-Amerika, f’Illinois, fejn koppja lesbjani li riedu tarbija għażlu kampjun mill-bank tal-isperma. L-amministraturi tal-bank tal-isperma ħadu żball u użaw kampjun b’ieħor u t-tarbija li twieledet ġiet ta’ kulur differenti milli ippjanat.

Dan hu żball li iktar ma jkun hemm IVF b’donazzjoni, iktar ser ikun hemm minnu. Għax flok mat-tfal jiġu bil-vapuri issa tagħżilhom minn fuq il-katalgu.

 

Dawn huma materji delikati ħafna. Jista’ jfissru l-ferħ jew il-weġgħa ta’ ħafna. Għaldaqstant qabel mal-Gvern jiċċaqlaq għandu l-obbligu li joħroġ White Paper dettaljata li tispjega sew dak li ser jiġi propost. Hekk jixraq biex ikollna diskussjoni infurmata.

Hemm bżonn li nitkellmu mhux biss dwar id-dritt li jkollna l-ulied, imma ukoll fuq kollox dwar id-drittijiet tal-ulied infushom, inkluż tal-ulied li għadhom ma tweldux. Għax  issa ser ikun hemm min jikkunsidrhom qieshom prodott li tixtri minn fuq xkaffa tas-supermarket.