Naqbel mad-deċiżjoni li ħa s-Segretarju Parlamentari José Herrera meta ordna lid-Direttur tal-Kunsilli Lokali biex dan jagħti struzzjonijiet lill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li hu meħtieġ li dan jirrevoka d-deċiżjoni tiegħu li jaħtar Kunsillier minn fostu bħala Works Manager tal-lokalita’ ta’ San Pawl il-Baħar.
Is-Segretarju Parlamentari aġixxa korrettement biex jassigura tmexxija ghaqlija, trasparenti u kontabbli. Tmexxija li tosserva dak li tistabilixxi l-liġi tal-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera kien l-aħħar linja ta’ difiża li kellha il-komunita’ ta’ San Pawl il-Baħar għax is-saffi l-oħra ta’ difiza jirriżultaw li fallew u ma ħadmux.
Fallew milli jaqdu dmirhom il-kunsilliera infushom li issa qed jirriżulta li ħadd minnhom ma kellu konoxxenza tal-obbligi tagħhom. Ħadd minnhom ma oġġezzjona. L-Kunsilliera Laburisti kollha ivvutaw favur. Dawk tal-PN astjenew. Ħadd minnhom ma semma leħnu u ġibed l-attenzjoni li kienet qed isseħħ irregolaritá bil-ħatra ta’ kunsillier bħala works manager.
L-anqas ma mexa sewwa il-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-offerti . F’dan l-istadju l-offerta tal-Kunsillier kellha tkun meqjusa bhala inammissibli. Dan ifisser li min ħa sehem f’dan il-proċess ma jifhimx.
L-anqas ma qeda dmiru s-Segretarju Ezekuttiv tal-Kunsill Lokali li wera b’dan il-każ li ma kellux għarfien adegwat tar-regoli tal-Kunsilli Lokali. Jekk ma jafx dawn l-affarijiet x’qiegħed jagħmel bħala Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar?
Falla ukoll id-Direttur tal-Kunsilli Lokali li kellu l-obbligu li jintervjeni fil-każ mill-ewwel minghajr ma jkun hemm il-ħtieġa li s-Segretarju Parlamentari jagħmilha ta’ suġġeritur.
Fortunatament il-Kunsilli Lokali li jaġixxu b’dan il-mod huma ftit fil-għadd.
Minn dan il-każ ta’ San Pawl il-Baħar nistgħu naslu għal numru ta’ konklużjonijiet. Hemm bżonn urġenti li kemm il-Kunsilliera kif ukoll is-Segretarji Eżekuttivi jkunu mħarrġa aħjar biex jagħrfu jaqdu sewwa r-responsabbiltajiet tagħhom. Huwa meħtieġ ukoll li l-proċess tal-aġġudikazzjoni tal-offerti jkun afdat f’idejn persuni kompetenti kif ukoll li jkun hemm iktar nies imħarrġa fil-lokalitajiet biex jaqdu din il-funzjoni. B’hekk il-Kunsilli Lokali jkunu assigurati li jkollhom pariri mingħand persuni li jifhmu.
Fl-aħħarnett huwa meħtieġ li d-Direttur tal-Kunsilli Lokali jkun iktar proattiv u jkun lest li jiċċaqlaq mingħajr il-ħtieġa li jiġbidlu l-ispaga José Herrera .