L-Onorevoli

Arlogg tal lira 2

L-Onorevoli jingħaraf mill-imġieba tiegħu mhux minn kemm jissejjaħ Onorevoli.

Il-mozzjoni ta’ l-Opposizzjoni li tressqet fil-Parlament iktar kmieni  din il-ġimgħa hi għaldaqstant flokha meta teżiġi li jkun hemm min jissorvelja li l-Onorevoli jġibu ruħhom b’mod denju ta’ isimhom.

l-Onorevoli ġieli jagħmlu żbalji kbar u xi drabi jagħmlu żbalji żgħar ukoll!

Bħal meta jkun hemm min jinsa’ jiddikjara xi kont bankarju kemm f’Malta, fi Brussels inkella fl-Iżvizzera. Kollha jgħidu li  jkun żball ġenwin. Teħduhiex bi kbira li bosta drabi ma jkun żball xejn.

Kellna ukoll membri parlamentari  li repetutament ma ippreżentawx id-dikjarazzjoni annwali tad-dħul u l-assi tagħhom.  Dan mhux żball. L-anqas traskuraġni.

Li l-Membri Parlamentari kif ukoll il-membri tal-Kabinett kull sena jippreżentaw dikjarazzjoni tad-dħul u l-assi tagħhom hemm skop speċifiku warajha: biex kull wieħed mill-Membri Parlamentari jagħti kont ta’ egħmilu.

Allura min ma jippreżentax id-dikjarazzjoni jrid iwieġeb u jispjega għaliex. Jekk jipprova jaħbi tista’ tiġih agħar. L-istess min jagħmel dikjarazzjoni bin-nieqes jew dikjarazzjoni żbaljata.

Diġa kellna diversi każijiet bħal dawn. Bħalma kellna min aċċetta rigali li ma kellux jaċċetta: mhux biss l-arloġġ tal-lira imma ukoll il-vjaġġ ma nies tal-business biex jara lill-Arsenal jilgħabu logħba futball!

Kellna ukoll min messu waqaf mill-prattka tal-professjoni tiegħu għax sar Ministru jew Segretarju Parlamentari u ma waqafx.

In-nuqqas ta’ Membru Parlamentari jew ta’ membru tal-Kabinett li jimxi mar-regoli hi xi ħaġa serja ħafna.  Din l-imġieba ma fiha xejn Onorevoli, u min jagħmilha jeħtieġ li jibda jerfa’ l-konsegwenzi.

Kif ippubblikat fuq iNews, it-Tlieta 1 t’Ottubru 2013