Qed tinħoloq bejta għall-kriminalità organizzata

Mafia linked-companies

 

 

Hu ta’ serjetà kbira li l-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Lotteries and Gaming Authority) tirtira liċenzja.

Matul dawn il-ġranet irtirat diversi liċenzji u dan wara rapport ta’ investigazzjoni minn awtoritajiet Taljani li indikaw illi xi kumpaniji tal-iGaming f’Malta kienu qed iservu għall-ħasil tal-flus ġejjin mid-droga negozjata mill-kriminalità organizzata Taljana.

Ġew arrestati numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità Taljana, liema persuni kienu identifikati mill-awtoritajiet Taljani.

Din hi biss parti mill-problema.

Dawn il-kumpaniji tal-iGaming, (logħob tal-azzard online) biex ġew irreġistrati f’Malta kienu eżaminati b’reqqa kbira, qalulna. Anzi “very stringent procedures“. Mhux biss il-kumpaniji, iżda ukoll kull min għandu jew kellu x’jaqsam magħhom. Dan l-eżami bir-reqqa, li jissejjaħ due diligence (kliem tqil biex jippruvaw ifhemuna s-serjetà kbira ħafna li hemm assoċjata ma dawn l-affarijiet) sar kemm mill-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Lotteries and Gaming Authority) kif ukoll mid-ditti professjonali li jagħtu s-servizzi meħtieġa lil min jaħdem f’dan il-qasam.

Wieħed minn dawn il-professjonisti, f’mument ta’ serjetà kbira, fisser lill media fiex kienet tikkonsisti l-investigazzjoni ta’ għamlet waħda minn dawn id-ditti professjonali. Qalilna li din id-ditta : “carried out its own due diligence process to ascertain that the individuals concerned were of good standing. This was done by requesting certified copies of the ultimate shareholders’ passports, proof of residential address, as well as copies of their police conduct records.”

Tassew impressjonanti, xi profondità ta’ investigazzjoni. Mhux diffiċli biex tifhem li din l-investigazzjoni kif deskritta hi waħda superfiċjali għall-aħħar. Din hi kollezzjoni ta’ dokumenti u bl-ebda mod ma tista’ titqies investigazzjoni jew due diligence.

Fuq il-website tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor issibu l-ismijiet tal-kumpaniji tal-iGaming li f’dawn il-ġranet kellhom il-liċenzja tagħhom irtirata: Fenplay Limited, Soft Bet Limited, Soft Casino Limited, Uniq Group Limited, Betsolutions4U Limited u Alibaba Casino Limited.

Tul is-snin li għaddew il-Gvernijiet differenti qalulna li l-kumpaniji tal-iGaming [jiġifieri kumpaniji bħal dawn li kellhom il-liċenzja irtirata] kienu qed jiġġeneraw ix-xogħol u kien ġustifikat (qalulna) li niġbduhom lejn Malta billi nagħtuhom rati favorevoli ħafna ta’ taxxa. Fil-fatt, taxxi, jħallsu ftit li xejn.

Qiegħed jidher ċar, u dan hu biss dak li nafu s’issa, illi Malta jidher li saret attrazzjoni għall-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata. Sfortunatament l-“investigazzjonijiet profondi” li mingħalihom qed jagħmlu l-awtoritajiet Maltin (kif ukoll uħud mill-uffiċini professjonali f’Malta) ma kienux kapaċi jindunaw li mix-xibka tal-kontrolli kollha soffistikati li kellhom, għadda dan il-laqqx.

Ovvjament hemm kumpaniji li ma ħolqu l-ebda problemi. Imma sfortunatament huma l-kumpaniji li rtirawlhom il-liċenzja f’dawn il-ġranet li qed jagħtuna isem ħażin. Minn dan jista’ jbati l-pajjiż kollu. Għax qed nitilfu l-kredibilità u bil-mod qed nieħdu l-fama ta’ bejta għall-kriminalità organizzata.

Il-Cafè Premier u l-Lottu

Cafè Premier 2

Qed jgħidulna li l-Gvern kien trasparenti ħafna fil-każ tal-Cafè Premier. Il-Gvern, qalilna l-Prim Ministru, għadda lill-Awditur Ġenerali l-informazzjoni kollha, bla ma ħalla xejn barra.

Ir-rapport tal-Uffċċju Nazzjonali tal-Verifika jgħid li Mario Camilleri ta’ Cities Entertainment Limited kien diġa offra l-Cafè Premier lill-Gvern preċedenti, li ma kienx interessat. Jgħidilna ukoll li wara l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2013 kien talab laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Din il-laqgħa saret nhar is-17 t’April 2013 meta Mario Camilleri ġedded l-offerta lill-Gvern biex jieħu lura l- Cafè Premier. Sussegwentement bdew in-negozjati.

Meta l-Gvern preċedenti informa lil Mario Camilleri li ma kienx interessat illi jakkwista l-Cafè Premier ikun interessanti ħafna x’għamel Camilleri meta kien infurmat bil-posizzjoni tal-Gvern. Ikun interessanti ħafna jekk Camilleri ippruvax jiskopri x’kien jaħseb il-Partit Laburista fl-Opposizzjoni dwar dan.

S’issa aħna infurmati li Camilleri iltaqa’ darbtejn ma Joseph Muscat meta kien għadu Kap tal-Opposizzjoni. Miegħu tkellem dwar is-shareholding li Camilleri kellu fil-kumpanija li għandha l-liċenzja tal-Lottu f’pajjiżna. It-Times online il-bieraħ , fil-fatt qaltilna hekk : “Admitting that he had met Mario Camilleri – one of the owners of Cafè Premier twice before the election, he said that the financial position of the establishment was never mentioned. Instead he said that Mr Camilleri’s shareholding in lotto was discussed.”

Mario Camilleri kien inkwetat u skond Joseph Muscat iddiskuta miegħu x’kien jaħseb il-Partit Laburista dwar it-tiġdid tal-liċenzja tal-Lottu.

Mill-informazzjoni li ngħatajna s’issa, minkejja li l-Gvern preċedenti ma kienx interessat illi jixtri lura l-Cafè Premier, Mario Camilleri ma jidhirx li kien inkwetat. Għaliex fuq l-agenda bejn Muscat u Camilleri filwaqt li kien hemm il-Lottu, ma kienx hemm il-Cafè Premier.

Ma nafx jien, imma daqsxejn diffiċli biex titwemmen din.  Naħseb li hemm hemm ħafna iktar li għadna ma nafux!

Il-kobba tidher li hi imħabbla sewwa!