Il-mozzjoni Parlamentari numru 322 : kriżi ta’ imġieba

ethical-politics

 

Nhar it-Tnejn li ġej, fil-Parlament, ser jiddiskutu mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern. Hi l-mozzjoni numru 322, mressqa mill-Kap tal-Opposizzjoni, dwar il-kriżi attwali kkawżata mid-dokumenti li ħarġu mill-Panama li l-Opposizzjoni issejħilha “kriżi ta’ korruzzjoni”.

Li l-Gvern mexa ħażin ma għandi l-ebda dubju. Kellhom jittieħdu passi tmien ġimgħat ilu dwar il-“kriżi” u ma sar xejn s’issa.

Imma kemm hu korrett li jingħad li din hi “kriżi ta’ korruzzjoni”?

Fil-bidu nett, meta faqqgħet il-kriżi, l-unika informazzjoni pubblika kienet dwar il-ħolqien ta’ kumpaniji fil-Panama għall-Konrad Mizzi, Ministru, u Keith Schembri (il-Kasco) Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Iktar tard sirna nafu li kien hemm kumpanija oħra lesta biex titwaqqaf għal persuna oħra li ismu għadu mhux magħruf.

Mill-informazzjoni li ħarġet s’issa sirna nafu li Keith Schembri ried jinvesti fir-riċiklaġġ fl-India u fir-remote gaming. L-informazzjoni dwar x’ried jagħmel Konrad Mizzi mhux ċara għax hemm biss il-kelma tiegħu li l-kumpanija fil-Panama riedha biex tamministra l-ġid tal-familja. Hekk ta’ l-inqas qal li kien il-parir li tawh, u mexa fuqu. Għalkemm dak li qal Konrad Mizzi la jagħmel sens u l-anqas ma jitwemmen, s’issa ma ħarġet l-ebda informazzjoni oħra li tagħti verżjoni differenti jew li tikkuntrasta ma dak li qal hu. Bl-assi li iddikjara li għandu Konrad Mizzi ma jagħmilx sens li tmur il-Panama!

L-aħħar informazzjoni li ħarġet kienet dwar l-attentati biex jinfetaħ kont jew kontijiet bankarji f’wieħed minn diversi banek madwar id-dinja. Dan minnu innifsu m’huwiex indikazzjoni ta’ korruzzjoni. Ovvjament jista’ jintuża għalhekk ukoll! Il-kontijiet bankarji ma nfetħux (s’issa) għax il-banek talbu depożitu minimu sostanzjali!

Dan kollu jfisser li,  l-kriżi li bdiet b’suspetti kbar ta’ korruzzjoni, bl-informazzjoni li nafu sal-lum, għalkemm għad baqa’ kemm dubji kif ukoll suspetti, iktar milli  “kriżi ta’ korruzzjoni” hi “kriżi ta’ imġieba ħażina” bil-Prim Ministru, wara tmien ġimgħat għadu ma ħa l-ebda pass kontra dawk responsabbli. Xejn iżda ma jeskludi li iktar tard toħroġ informazzjoni li issaħħaħ l-argument dwar il-korruzzjoni. Imma s’issa din l-informazzjoni mhux magħruf li teżisti. Suspetti biss.

L-imġieba ħażina ta’ Konrad Mizzi toħroġ mill-fatt li huwa fetaħ il-kumpanija fil-Panama f’ġurisdizzjoni li minna nnifisha tnissel suspetti kbar ta’ korruzzjoni u li bħala riżultat ta’ dan kollu tefa’ dell tqil fuq il-Gvern u fuq il-pajjiż.

L-imġieba ħażina ta’ Keith Schembri l-Kasco toħroġ mill-fatt li filwaqt li ilu għal dawn l-aħħar tlett snin jipprova jagħti l-impressjoni li nqata’ min-negozju tiegħu xorta għadu qed jippjana investimenti ġodda għalih, b’mod li qed joħloq dubju perikoluż dwar fejn jibdew ir-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-Gvern bħala l-id il-leminija tal-Prim Minsitru u fejn jispiċċaw l-interessi tiegħu ta’ negozju.

Din hi l-kriżi reali li għandu quddiemu l-pajjiż. Hi kriżi ta’ serjetà kbira, mhux eżatt kif qed jgħid il-Kap tal-Opposizzjoni. Imma xorta hemm ġustifikazzjoni li jirriżenjaw kemm Konrad Mizzi kif ukoll Keith Schembri. Xorta timmerita mozzjoni ta’ sfiduċja fil-Gvern għax wara tmien ġimgħat għadu ma ċċaqlaqx.

Advertisements

Ir-responsabbiltà politika tinġarr bir-riżenja jew tkeċċija

Australian Financial Review 130416 headline

 

Il-kontroversja f’Malta dwar il-kumpaniji tal-Panama hi kbira u ikkumplikata. L-informazzjoni ħierġa ftit ftit u bħala konsegwenza hemm il-periklu kontinwu ta’ misinterpretazzjoni ta’ din l-informazzjoni.

Il-kumpaniji ġew imwaqqfa. Tnejn nafu ta’ min huma. It-tielet waħda ma nafux għax donnu l-isem ta’ sidha kien sensittiv wisq u għalkemm il-kumpanija kienet intenzjonata għal din il-persuna jidher li l-kumpanija baqgħet hemm fuq l-ixkaffa.

Safejn hu magħruf, l-iskop li għalih twaqqfu dawn il-kumpaniji ma kienx hemm ċans li jitwettaq minħabba li bil-ħruġ tal-Panama Papers waqaf kollox. Baqa’ biss il-pjanijiet dwarhom fl-emails li ħerġin ftit ftit. Hemm ukoll l-ispjegazzjonijiet li qed jagħtu jew taw Keith Schembri l-Kasco u Konrad Mizzi.

Keith Schembri għandu “cover” tajjeb wara xiex jistaħba minħabba l-business tiegħu. Konrad Mizzi m’għandux ħajt ta’ kenn, l-ispjegazzjoni tiegħu diffiċli biex titwemmen.

L-artiklu tal-bieraħ 13 t’April 2016 fl-Australian Financial Review intitolat : The Panama Papers: Maltese leaders told Mossack Fonseca of secret gaming plan jikkwota minn emails ta’ rappreżentanti ta’ NexiaBT dwar l-investimenti. Kontinwament issir referenza għal żewġ kumpaniji. Hemm ukoll l-inizzjali tal-persuni involuti (KS għal Keith Schembri u KM għal Konrad Mizzi) biex b’hekk hu ċar li r-referenza hi għat-tnejn.

L-investimenti, jgħidu l-emails ikkwotati, kienu intenzjonati għal remote gaming u għar-riċiklaġġ. Imma l-artiklu Awstraljan , meta jidħol fid-dettall ma jibqax jirreferi għaż-żewġ persuni iżda jaqleb għal persuna waħda u jgħid hekk : “Mr Schembri has an existing recycling business in Malta.” Konrad Mizzi ma jissemmiex iktar. L-artiklu, minkejja t-titlu, ma jgħid xejn dwar l-investiment fir-remote gaming.

Jista’ jkun hemm emails oħra li s’issa għad ma ġewx ippubblikati, imma dwar dawn wieħed ikun jista’ jikkummenta meta dawn l-emails jaraw id-dawl tax-xemx.

Fl-aħħar kullma jibqa’ huma l-fatti. Il-kumpaniji fil-Panama infetħu. Il-ġurisdizzjoni tal-Panama m’għandhiex fama tajba, anzi għandha fama ta’ segretezza liema segretezza hi intenzjonata biex taħbi dak li banda oħra  facilment jinkixef.

Hemm il-korruzzjoni?

S’issa suspetti biss hemm u ħafna spekulazzjoni fuq jigsaw puzzle ta’ biċċiet ta’ informazzjoni. Minħabba l-fatt li dawn iċ-ċirkustanzi ġustament inisslu suspetti ta’ korruzzjoni għandu jkun iktar ċar għaliex Konrad u Keith għamlu ħażin meta aċċettaw il-parir li jmorru l-Panama bil-kumpaniji tagħhom. Esponew lilhom infushom u lill-Gvern li jiffurmaw minnu għal din il-kritika.

Ma kienx ġustifikat li Konrad Mizzi, Keith Schembri u l-persuna l-oħra li s’issa isimha mhux magħruf imorru l-Panama għax b’dan il-fatt biss tefgħu dell tqil fuq Malta u ngħata messaġġ żbaljat. Hu żball oħxon, li, meta jsir minn persuni li qed jamministraw l-poter politiku (bħal Keith Schembri u Konrad Mizzi) ma hemm l-ebda soluzzjoni għalih ħlief riżenja immedjata inkella tkeċċija.

B’hekk biss tista’ tinġarr ir-responsabbiltà politika.

It-timbru tal-Mafja u l-‘Ndraghetta

diligence

 

L-ebda Awtorità f’Malta m’hi ser tgħidilna x’verifiki għamlet qabel ma ħarġet il-liċenżji. Dan jgħodd ukoll għal dawk il-liċenzji li ġew sospiżi dan l-aħħar wara l-ħruġ ta’ mandat t’arrest Ewropew għal sitt ċittadini taljani . Qed nirreferi għal dawk li kienu involuti fil-logħob tal-azzard elettroniku liċenzjat : iGaming jew remote gaming.

Li kieku l-Awtorità tagħti din l-informazzjoni ma tkunx serja għax tkun qed tikxef idejha!

Jibqa’ peró l-fatt li wara li ilna snin nisimgħu dwar kemm Malta hi l-iktar pajjiż serju f’dan il-qasam, tfaċċaw dawn il-każi. Ir-reazzjoni ġenerali hi li dawn qed jitfgħu dubju fuq is-serjetà li ilna nisimgħu biha.

Biex tgħaxxaqha kien hemm wieħed avukat li qalilna li ankè hu jagħmel il-verifiki (due diligence) dwar il-klijenti tiegħu. Peró dan l-avukat qalilna iktar minn hekk. Għax qalilna x’verifiki jagħmel. Fi stqarrija li huwa stess ħareġ dan l-avukat informa lil kulħadd li l-kumpanija tiegħu tivverifika l-passaport, il-kondotta tal-Pulizija kif ukoll li min japplika jkollu residenza fissa u li din tkun dokumentata.

Issa din l-informazzjoni hi kollha importanti. Li jkollok passaport validu, indirizz fiss u kondotta tal-Pulizija huwa tajjeb bħala punt tat-tluq. Imma ma naħsibx li hu biżżejjed biex tinduna jekk klijent huwiex assoċjat mal Mafja jew mal-‘Ndraghetta. . Imma wisq nibża’ li ftit li xejn qed isir tiftix iktar minn hekk għax kieku hu impossibli li jkun hemm daqstant li qed jiġru warajhom il-Pulizija Taljana u jinstabu fostna.

Wara kollox ħadd ma għandu timbru fuq moħħu jew fuq il-passaport li hu assoċjat mal Mafja jew mal-‘Ndraghetta.

Jiena ma naħsibx li xi ħadd hawn Malta fid-deher fittex li jissieħeb mal-kriminalità organizzata f’dan il-qasam. Probabbilment li kienu huma li bi ħsieb fittxew li jinqdew b’dawk il-professjonisti li isimhom ħasbu li seta jiftħilhom il-bibien mingħajr ħafna mistoqsijiet li huma jqisu żejda.

Hemm bżonn li l-verifiki jsiru ferm aħjar minn dak li jidher li sar s’issa. Fuq kollox hemm bżonn li titneħħa s-segretezza minn dan il-qasam.

Għax għalkemm in-numru ta’ dawk li qed ikunu kawża ta’ problema huma ftit, kull wieħed hu żejjed.