Busuttil fuq il-passi ta’ Gonzi : għan-niżla

Gonzi.Busuttil 2

 

F’diskors riċenti Simon Busuttil qal li hu bniedem differenti. M’għandux x’jaqsam mal-predeċessuri tiegħu. Qalilna li għandu ideat differenti għax iħares il-quddiem wara li tgħallem mill-iżbalji tal-passat.

Fost l-iżbalji tal-passat hemm il-posizzjoni ta’ Lawrence Gonzi li sfida l-vot tar-referendum favur id-divorzju.  Hemm ukoll il-posizzjoni inumana li l-Gvern Nazzjonalista immexxi minn Lawrence Gonzi ħa kontra t-transesswali. Dwar dan kien għamel apoloġija Mario de Marco għan-nom tal-PN.

Minn dan kollu l-PN ma tgħallem xejn. Għax kuntrarju għal dak li qal Simon Busuttil, taħt it-tmexxija ta’ Busuttil innifsu l-PN ma ivvutax favur il-Liġi li introduċiet l-Unjoni Ċivili. Busuttil baqa’ miexi fuq l-istess passi ta’ Gonzi, jisfida ir-raġuni u s-sens komun.

Il-lum f’artiklu (b’mod ironiku intitolat The Right Man for the Job) miktub minn Frank Psaila  li sal-elezzjoni ta’ Marzu 2013 kien Direttur Informazzjoni tal-PN, Busuttil ġie għal darba oħra ikkritikat b’dan l-iżball. Żball li iktar kmieni f’dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala wieħed li mhux ser jintesa.

Jekk hux the right man for the job jew le, ma jinteressanix. Li hu ċar pero hu li m’hemmx differenza minn ta’ qablu.  Miexi fuq il-passi ta’ Gonzi: għan-niżla (jekk hu possibli li tinsel iktar l-isfel).

Deċiżjoni ħażina li ħadd m’hu ser jinsa

gay-pride-1009-1280x960

Bħalissa ħerġin l-istejjer dwar x’seta ġara biex il-Partit Nazzjonalista wasal għal deċiżjoni li jastjeni fil-votazzjoni finali li saret il-Parlament dwar il-Liġi tal-Unjoni Ċivili bejn koppji tal-istess sess.

Hu ovvju li fil-PN hemm opinjonijiet li jikkuntrastaw. Minn iva sal-le. Min irraġuna b’dan il-mod minħabba dak li jemmen u min għal raġunijiet ta’ strateġija politika.

Jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni tal-Grupp Parlamentari li jastjeni hi deċiżjoni ħażina u l-PN ser ikollu jġorr il-piz politiku ta’ din id-deċiżjoni għal snin twal. Bħalma għamel meta fis-snin 40, meta ivvota kontra d-dritt li l-mara tkun tista’ teżerċita d-dritt tal-vot.

Ħadd m’hu ser jinsa l-posizzjoni politika li ħa l-PN. Fl-aħħar ħadd m’hu ser jiftakar ir-raġunijiet għalfejn il-PN astjena. Imma kulħadd ser jiftakar li fis-siegħa tal-prova l-PN ma kienx hemm, ma ivvutax favur il-Liġi tal-Unjoni Ċivili .

Għax id-drittijiet tal-gays huma drittijiet tal-bniedem ukoll.

Anniversarji u Polemiċi fl-2014

Dom Mintoff + Arc M. Gonzi

Matul l-2014 Malta tfakkar diversi anniversarji. Magħhom hemm minsuġa polemiċi tal-passat, polemiċi li bil-mod għad jinħallu u jieqfu mill-jkunu sors firda.

Infakkru l-50 anniversarju tal-Indipendenza, meta Malta fl-1964 bdiet tmexxi lilha innifisha. Kienet indipendenza politika immedjata imma ekonomikament Malta kienet għadha dipendenti mill-infieq assoċjat mal-bażi militari. George Borg Olivier ħejja l-pedamenti tal-industrija tal-manufattura u beda jinkoraġixxi t-turiżmu. Wieħed mill-argumenti ewlenin fid-dibattitu politiku dwar l-Indipendenza fis-snin sittin kien dwar jekk kienx essenzjali li l-ewwel il-pajjiż ikun b’saħħtu ekonomikament u dan qabel ma jieħu rajh f’idejh. George Borg Olivier dejjem sostna li ħadd ħlief il-Maltin nfushom m’għandhom l-interess li l-pajjiż jiżviluppa ekonomija b’saħħita. Għaldaqstant għalih kienet meħtieġa l-indipendenza immedjata għax din kien iqiesha bħala ċ-ċavetta jew l-għodda essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku. Id-differenza bejn il-Partiti ewlenin ma kienitx l-Indipendenza imma l-Kostituzzjoni.  Il-partiti ż-żgħar min-naħa l-oħra riedu t-tisħiħ ekonomiku qabel l-Indipendenza.

Diversi kienu l-issues kostituzzjonali ta’ konflitt, ewlenin fosthom is-separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja u ż-żwieġ ċivili.

George Borg Oliver kien jieħu l-affarijiet bil-mod, fil-waqt li l-ħidma politika tal-Perit  Mintoff kienet karatterizzata mill-għaġġla. Żewġ metodi ta’ ħidma li t-tnejn nisslu bosta diffikultajiet. Il-ħidma bil-mod ittelfek il-paċenzja għax iddum ma tara ir-riżultati. Il-ħidma mgħaġġla iżżejjed min-naħa l-oħra tnissel problemi ta’ żbalji kultant goffi kif ukoll inġustuzzji ma min jinqabad fin-nofs.

Infakkru l-40 anniversarju mit-twaqqif tar-Repubblika fl-1974 nhar it-13 ta’ Diċembru fuq proposta ta’ Mintoff bl-appoġġ tal-parti l-kbira tal-Opposizzjoni. Baqgħu jopponu l-ħolqien tar-Repubblika George Borg Olivier flimkien mal-ħames membri parlamentari ta’ madwaru. George Borg Olivier ried iżomm il-monarkija iżda l-PN fil-Parlament bi ħġaru appoġġa l-ħolqien tar-Repubblika. Fatt dan li bosta ma jagħtuhx il-piż mistħoqq.

Infakkru l-35 anniversarju tal-egħluq tal-bażi militari li seħħet nhar il-31 ta’ Marzu 1979. Dan il-jum għandu sinifikat politiku sostanzjali għax hu l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li ma kienx hawn bażijiet militari ta’ pajjiżi barranin. Kienet aspirazzjoni politika ewlenija tal-Perit Mintoff, bla dubju imsejsa fuq l-osservazzjonijiet u s-sensittivitajiet ta’ tfulitu. Il-fatt li missieru ħadem għal numru ta’ snin mal-Kap Kmandant tal-Forzi Militari Ingliżi f’Malta (Lord Louis Mountbatten) ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja bla dubju  kien element ewlieni fid-determinazzjoni tiegħu li jilħaq dan l-iskop. Għalih Malta “ħelset mill-barrani” u minn hawn ir-referenza għal Jum il-Ħelsien. Titlu li jinstema ftit bombastiku għal uħud iżda li fir-realta hu rifless tal-emozzjonijiet ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin li ġustament ħolmu li għad jasal il-jum li f’Malta ma jkunx hawn iżjed forzi militari barranin.

Infakkru l-10 anniversarju tat-tisħib tal-Malta fl-Unjoni Ewropeja. L-aħħar kapitlu f’din l-istorja riċenti ta’ ġensna. Kapitlu frisk mimli suċcessi kif ukoll affarijiet li setgħu saru aħjar. Kapitlu li għadu qiegħed jinkiteb.

Dawn l-anniversarji u l-kontroversji assoċjati magħhom inħmew matul dawn l-aħħar 50 sena. Sawru lil ġensna kif inhu illum. Bil-pożittiv, bin-negattiv u bil-preġudizzji kollha immaġinabbli.

Il-ġenerazzjoni tiegħi għexet kull wieħed minn dawn l-avvenimenti. Ma jdejjaqni l-ebda wieħed minnhom. Ma jfissirx li naqbel ma kif żvolġew. Imma kollha huma avvenimenti li huma parti integrali minn ħajti. Għexthom u naf xi jfissru.

Konxju li fil-pajjiż mhux kulħadd jaħsibha b’dan il-mod. Għad hawn min jixtieq iħassar mill-memorja kollettiva wieħed jew iktar minn dawn l-avvenimenti. Ma naħsibx li dan hu possibli. L-iżvilupp paċifiku ta’ dan il-pajjiż ikun possibli jekk ilkoll naċċettaw li pajjiżna għandu is-sura li għandu illum bħala riżultat ta’ diversi ħidmiet li għalihom ikkontribwixxa kulħadd.

Naf li mhux faċli. Imma fiduċjuż li naslu.

Snippets from AD’s electoral manifesto: (18) Sexual Orientation. Lesbians, Gays, Bisexuals and Transexuals (LGBT).

gay-pride-1009-1280x960

The following extract is taken verbatim from Chapter 15 of AD’s Electoral Manifesto

Sexual Orientation. Lesbians, Gays, Bisexuals and Transexuals (LGBT).

There should be full equality between same-sex couples and heterosexual couples in every aspect of life. The state should open the institution of civil marriage to same-sex couples and hence provide the same rights and obligations to all couples (irrespective of whether they are heterosexual or of the same sex).

Full equality should also be guaranteed, among others, for the right to IVF treatment and to adoption regardless of sexual orientation and civil status.

There should be a national human right and equality plan ensuring full inclusion of LGBT persons in Maltese society. This plan should be developed following a dialogue with the Maltese LGBT community.

There should be a constitutional amendment by means of which discrimination on the basis of sexual orientation and gender identity would be prohibited.

The state should immediately recognise the gender identity of persons who have assumed a new gender identity and this should be reflected in the person’s official documents such as identity card and passport. The state should allow these persons to marry.

Protocol 12 of the European Convention on Human Rights should be ratified, and Malta should take a more active role in the promotion of human rights of LGBT

L-Estratt segwenti hu mehud kelma b’kelma mill-Kapitlu 15 tal-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika

Orjentazzjoni Sesswali.Lesbjani, Gays, Bisesswaliu Transesswali (LGBT).

Għandu jkun hemm ugwaljanza sħiħa bejn koppji tal-istess sess u koppji eterosesswali f’kull aspett tal-hajja. L-istat għandu jiftaħ l-istituzzjoni taż-żwieg ċivili għall-koppji tal-istess sess u għaldaqstant jagħti l-istess drittijiet u obbligi lil kull koppja (kemm dawk eterosesswali kif ukoll dawk tal-istess sess).

Ugwaljanza sħiħa ghandha tkun garantita ukoll, fost oħrajn, għad-dritt għall- IVF u għall-adozzjoni, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali u l-istat ċivili ta’ dak li jkun.

Għandu jkun hemm pjan nazzjonali għat-tisħiħ tad-drittijiet u l-promozzjoni tal-ugwaljanza tal-persuni LGBT f’kull qasam tal-ħajja. Dan il-pjan għandu jiġi żviluppat bi djalogu mal-komunita’ LGBT.

Għandu jkun hemm emenda fil-kostituzzjoni li permezz tagħha d-diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali u identita’ tal-generu tiġi ipprojbita.

L-istat għandu immedjatament jagħraf l-identita` tal-ġeneru ta’ persuni li jkunu assummew identita’ ġdida u din għandha tkun riflessa fid-dokumenti uffiċjali tal-persuna bħall-karta tal-identita` u l-passaport. L-istat ghandu jippermetti li dawn il-persuni jiżżewġu.

Għandu jiġi ratifikat Protokol 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u Malta għandha tieħu rwol aktar attiv fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBT fuq livell internazzjonali.