Leo Brincat: iħallas il-prezz tal-ambivalenza

 

 leo-brincat-2

Il-Parlament Ewropew iktar kmieni illum waranofsinnhar iddeċieda li ma jaċċettax in-nomina ta’ Leo Brincat bħala membru Malti tal-Qorti tal-Awdituri. Fil-Parlament ma kienx hemm diskussjoni, imma r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tas-sorveljanza tal-Budget. Kienet rakkomandazzjoni biex Leo Brincat ikun approvat. Fil-kumitat kien hemm diskussjoni u l-maġġoranza tal-kumitat qablet li Leo Brincat kellu  ikun approvat.

Waqt il-laqgħa tal-kumitat Leo Brincat wieġeb diversi mistoqsijiet mill-membri parlamentari ewropej. Il-mistoqsijiet kienu juru b’mod ċar x’kien ta’ tħassib għall-membri tal-kumitat parlamentari. Ir-raġunijiet u l-argumenti li inġiebu huma bla dubju l-bażi li fuqhom il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw u iddeċidew li ma japprovawx il-ħatra ta’ Leo Brincat.

Hemm min jitħassar lil Leo Brincat għad-deċiżjoni li ittieħdet iktar kmieni illum. Għax, jgħidu, huwa raġel validu, ippreparat u ta’ integrità. U li ma kellux jeħel hu bit-tortijiet tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Tajjeb iżda li niftakru ftit li meta Leo Brincat ġie mgħarbel mill-Kumitat Parlamentari tal-Parlament Ewropew dwar is-Sorveljanza tal-Budget ħarġet ċara ħafna li l-bniedem hu ambivalenti.

Issa l-ambivalenza tfisser l-esistenza simultaneja ta’ żewġ attitudnijiet opposti u konfliġġenti.

Leo Brincat iffaċċjat b’dak li kien qed jingħad dwar l-involviment tal-Ministru Konrad Mizzi fil-każ magħruf bħala l-Panama Papers qal illi li kien hu floku (flok Konrad Mizzi, jiġifieri) kien jirriżenja minn Ministru jew ta’ l-inqas jissospendi ruħu sakemm jiċċaraw ruħhom l-affarijiet. Leo Brincat  żied jgħid li ffaċċjat b’dak li kien qed jiġri kien hemm mumenti li kien qed jikkonsidra li huwa jirreżenja minn Ministru. Imma kieku huwa rreżenja, żied jgħid Leo Brincat, kien ikun “a hero for a day”.  Imbagħad, wara, jitwarrab u jispiċċa “in the wilderness”.

F’din is-sitwazzjoni, żied jgħid, ipprefera li jiġġieled minn ġewwa. Ma qalilniex kif jew x’għamel. Imma nafu minn dak li ħareġ fl-istampa li f’dak iż-żmien kien hemm laqgħa movimentata tal-grupp parlamentari laburista u Leo Brincat issemma flimkien ma numru ta’ veterani oħra fil-grupp Parlamentari Laburista li insistew għar-riżenja ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri l-Kasco. Imma jidher li kienu fil-minoranza.

Imbagħad ġiet is-siegħa tal-prova, l-vot ta’ sfiduċja fil-Parlament. F’din is-siegħa tal-prova Leo Brincat bil-vot tiegħu ddikjara li kellu fiduċja f’Konrad Mizzi u ivvota favur tiegħu, minkejja li fil-fehma tiegħu Konrad Mizzi kellu jirreżenja!

Ambivalenza iktar minn din qatt ma rajt u diffiċli biex nara.

Huwa veru li ma kellux freevote imma li kien obbligat mill-Partit tiegħu li ma jivvutax kontra Konrad Mizzi. Imma dik kienet l-għażla li kellu jagħmel Leo Brincat. Meta ġie biex jagħżel ivvota kontra dak li kien jemmen fih. Ivvota favur il-medjokrità u kontra s-serjeta u l-governanaza tajba.

Fil-fehma tiegħi din hi l-issue ċentrali li fuqha iddeċieda l-Parlament Ewropew meta għarbel il-ħatra ta’ Leo Brincat. Kien ċara daqs il-kristall minn kmieni. Id-dikjarazzjonijiet ta’ Leo Brincat favur l-imġieba korretta u l-governanza tajba ma jikkorrispondux mal-vot ta’ fiduċja favur Konrad Mizzi. Huma żewg affarijiet kontradittorji.

Dak hu li jfisser il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew. Min m’għandux il-kuraġġ tal-konvinzjonijiet tiegħu (għax jemmen ħaġa u jagħmel mod ieħor) mhux addattat għal karigi pubbliċi.

 

Standing Ovation għal Konrad

joseph_muscat_konrad_mizzi_ice_bucket_challengeeuropean-court-of-auditors-7-638

 

Jekk Konrad ma għamel xejn ħażin Joseph Muscat jista’ jikkunsidra li jinnominah bħala l-kandidat Malti għall-Qorti Ewropeja tal-Awdituri. Jinnominah flok Toni Abela, issa li ġie imħabbar li n-nomina ta’ Toni Abela ġiet irtirata.

Ikollu l-opportunità li jkun intervistat minn Kumitat tal-Parlament Ewropew u jkun jista’ jispjega lil udjenza ferm ikbar milli għamel s’issa għaliex għamel sewwa meta fetaħ kumpanija sigrieta fil-Panama.

Bla dubju għandu esperjenza ħafna iktar minn Toni Abela.

It-Taljan Gianni Pitella, bla dubju jagħtih l-appoġġ kollu li jista’, tiegħu u tas-Soċjalisti u Progressivi fil-Parlament Ewropew!

Titħajjar?

Ma tafx kif jispiċċa bi standing ovation oħra!  Tlieta fil-fatt: waħda għalih, oħra għal Joseph u oħra għal Malta għax l-aqwa fl-Ewropa.

 

Toni Abela fir-raba’ sular

Toni Abela. EU hearing 160316

Id-deċiżjoni tal-bieraħ tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Kontroll tal-Budget setgħet kienet antiċipata. Toni Abela hu persuna li qatt ma ħarab il-kontroversja, u l-istess kontroversja bla dubju baqgħet tiġri warajh.

Bħal ħafna oħrajn jiena kont sorpriż meta l-Gvern iddeċieda li jinnomina lil Toni Abela għall-Qorti tal-Awdituri, prinċipalment minħabba li m’għandu l-ebda esperjenza ta’ amministrazzjoni pubblika. Qatt ma miss direttament b’idejh id-deċiżjonijiet politiċi dwar l-allokazzjoni ta’ fondi pubbliċi u l-infieq tagħhom. Esperjenza f’dan il-qasam ma kellu xejn.  L-esperjenza bħala Viċi Sindku tal-Ħamrun 24 sena ilu, fil-fehma tiegħi ma tfisser assolutament xejn.

Ma dan trid iżżid il-kontroversja dwar id-droga fil-Każin Laburista ta’ Ħal-Safi li dwarha, l-ispjegazzjoni li ta Toni Abela, anke jekk probabilment hi korretta, qatt ma kienet sodisfaċenti. Hi spjegazzjoni li ma kkonvinċiet lil ħadd. Hi kontroversja li wasslet ċar il-messaġġ li l-Partit Laburista ipproteġa l-kriminalità fil-każini tiegħu.

Dan kollu, trid tarah ukoll fid-dawl tad-dibattitu kurrenti dwar il-korruzzjoni fil-pajjiż kif ukoll fid-dawl tal-fatt li l-kaz John Dalli ta lil Malta isem ħażin fuq l-livell Ewropew. Dan hu salib li bħala pajjiż irridu inġorru għal snin kbar u minħabba fih kulħadd ser jeżamina kull ma nagħmlu u nipproponu bil-lenti.

Hemm min qed jgħid li dan kollu hu riżultat ta’ kampanja negattiva mill-membri parlamentari tal-PN fil-Parlament Ewropew. Issa jiena ma nafx dawn x’għamlu, imma naf li illum il-ġurnata, sempliċi search fuq l-internet, f’tebqa’ t’għajn tagħtik l-informazzjoni kollha li tkun trid jew teħtieġ, mhux biss dwar Malta iżda ukoll dwar Toni Abela.

Fid-dawl ta’ dan kollu Toni Abela seta faċilment antiċipa r-riżultat tal-bieraħ. Żbalja bil-kbir meta aċċetta n-nomina.

Għadni ma nistax nifhem kif l-istrateġisti tar-raba’ sular dan kollu ma fehmuhx.

Louis Galea u r-Reshuffle fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat

Louis Galea ECAEuropean Court of Auditors 2014

 

Diversi, fosthom il-maltarightnow.com  qed jispekulaw li ser issir reshuffle fil-Kabinett dal-waqt biex jinħoloq post ħalli jerġa’ jinħatar Manwel Mallia bħala Ministru.

Dan hu possibli li jsir. Imma waħda mir-raġunijiet li qed tissemma biex tiġġustifika għaliex ser ikun hemm reshuffle hi l-post Malti fil-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropeja fil-Lussemburgu.

Preżentement hemm Louis Galea, li kien inħatar f’Mejju 2010. Qablu kien hemm Josef Bonnici li dam fil-ħatra bejn Mejju 2004 u Mejju 2010, jiġifieri sitt snin. Dan ifisser li l-ħatra tal-Louis Galea hi għal sitt snin. Allura l-ħatra mill-Gvern Malti tas-suċċessur ta’ Louis Galea ma tidħolx fis-seħħ f’Mejju 2015, iżda f’Mejju 2016.

Ovvjament jekk ser issir reshuffle dal-waqt mhiex ser issir minħabba s-suċċessur ta’ Louis Galea!