F’ħoġor Herman van Rompuy

MUSCAT ROMPUY

Wara l-istqarrija tal-Ministru Manwel Mallia fil-Parlament huwa ġustifikat li nistaqsu: issa fejn sejrin?

Il-posizzjonijiet tal-Gvern u l-Opposizzjoni jikkuntrastaw mhux daqstant fl-iskop daqskemm fil-metodu.

Ilkoll kemm aħna naqblu li l-piż tal-immigrazzjoni għall-pajjiżna hu kbir. Naqblu lkoll li għandna nipproteġu l-ħajja bla limitu jew kundizzjonijiet iżda li dan l-impenn tagħna m’għandux ikun abbużat.

Ilkoll naqblu li l-għajnuna li tatna s’issa l-Unjoni Ewropeja biex nistgħu naqdu aħjar l-obbligi tagħna li nħarsu l-ħajja ta’ dawk li jeħtieġu din l-għajnuna ma jeżenta lil ħadd mill-obbligi kbar li hemm ta’ kull pajjiż li jifforma parti mill-Unjoni Ewropeja lejn il-pajjiżi fuq il-fruntiera.

Huwa ukoll fatt, li ħadd ma semma il-lejla fil-Parlament li billi l-materja tal-immigrazzjoni mhiex waħda mir-responsabbiltajiet komuni tal-Unjoni azzjoni dwarha teħtieġ l-unanimita’, jiġifieri li jaqblu l-pajjiżi kollha. U jekk din l-unanimita ma tkunx teżisti ftit li xejn jistgħu jittieħdu deċiżjonijiet .

Saru diversi tentattivi tul is-snin biex jintlaħaq xi forma ta’ ftehim. L-uniku pass li kien hemm qbil dwaru kien illi jgħin min irid, fuq bażi volontarja. Fuq it-TVM2 David Casa nhar il-Ħadd qal li kienu 4 biss il-pajjiżi li offrew l-għajnuna, liema għajnuna issarfet filli dawn ħadu madwar 700 immigrant f’pajjiżhom. Numru ferm żgħir li nqabeż anke mill-għajnuna li tatna l-Istati Uniti tal-Amerika.

Huwa f’dan il-kuntest li wieħed irid jiċcara li l-konflitt ta’ Malta mhux mal-Unjoni Ewropeja iżda mal-Kapijiet tal-Gvern li miġbura flimkien fil-Kunsill Ewropew jieħdu id-deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tkun teħtieġ li timplimenta.  Għaxra mit-28 Gvern ta’ pajjiżi fil-UE huma immexxija minn Prim Ministri Soċjalisti, 13 minn Prim Ministri ġejjin mill-Partit Popolari. Id-diversita’ ta’ opinjonijiet hi kbira għax ilkoll kemm huma jridu jirrispondu għal opinjoni pubblika kritika f’pajjiżhom.

Kollox ser idur fuq il-kapaċita ta’ Herman van Rompuy President tal-Kunsill li iktar kmieni din is-sena kien hawn Malta u indirizza l-Parlament Malti. Van Rompuy għandu l-fama ta’ consensus builder u l-probabbilta’ li l-problema tispiċċa f’ħoġru.

F’Ġunju li għadda lill-Parlament kien qallu “I am fully aware of Malta’s concerns.”  Jekk minn dan l-għarfien jirnexxilux iwassal għal soluzzjoni iżda għad irridu naraw.

 

Għal darba oħra ……………… Lampedusa

smell the coffee

Żewġ traġedji f’ġimgħa. Fit-tieni waħda kienu protagonisti l-Forzi Armati ta’ Malta li salvaw mal-150 persuna mill-għarqa. Veru li għamlu dmirhom. Imma li jirnexxilek tagħmel dmirek f’ċirkustanzi bħal dawn hu ta’ sodisfazzjon mhux żgħir.

Din id-darba kien pożittiv ukoll l-atteġġjament tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu ta’ sodisfazzjoni li bidel l-attitudni li kien ħa iktar kmieni din is-sena. Nittama li l-ħsara li laħqet saret tibda tissewwa. Dan jista’ jseħħ, iżda jieħu ż-żmien. Dejjem jekk il-bdil ta’ attitudni mhiex biss u sempliċiment bdil ta’ tattika.

Kif kien xieraq il-prijorita’ kienet li jsalvaw in-nies. Imma ġustament ġie emfasizzat li l-Unjoni Ewropeja teħtieġ li tiċċaqlaq.

Sal-lum id-dħul tal-immigranti m’hiex responsabbilta’ tal-Unjoni Ewropeja iżda tal-Istati membri individwali. Dan m’għandux jibqa’ hekk. Għax  l-istati fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa (Malta, l-Italja, Spanja, l-Greċja u Ċipru) qed jerfgħu piż kbir li lkoll, kif nafu, ma jifilħux għalih.

Ir-responsabbilta’ għall-immigranti għandha tintrefa’ mill-Unjoni Ewropeja kollha, f’isem u għan-nom tal-istati membri kollha. Għax dak li jiġri mill-fruntiera l-ġewwa hu responsabbilta’ ta’ kulħadd, inkluż tagħna l-Maltin. Jiġifieri hu meħtieg li r-responsabbilta’ li tatna l-ġografija jgħinuna nerfgħuha.( Il-fruntiera mhiex importanti biss biex jinġabar dak dovut għad-dwana.)

Biex dan iseħħ hemm bżonn li jinbidlu r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea magħrufin bħala Dublin II (magħrufa ukoll bħala l-Konvenzjoni ta’ Dublin). It-tibdil meħtieġ jagħmilha possibli li immigranti jiċċaqalqu mill-pajjiż fejn jaslu għal pajjiż ieħor fejn tkun tista’ tiġi ipproċessata t-talba tagħhom għal status ta’ refuġjat.

Alternattiva Demokratika ilha snin li ikkonvinċiet lill-partiti l-Ħodor Ewropej li din hi t-triq il-quddiem: triq li permezz tagħha r-responsabbilta’ li illum qed terfa’ Malta u l-istati l-oħra fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa tibda  tintrefa’ minn kulhadd flimkien.

Imma mhux kulħadd jaqbel ma dan. Il-Partiti l-oħra fl-Ewropa s’issa ma qablux ma dan.

Il-Ġermanja, per eżempju hu wieħed minn 24 pajjiż fl-Unjoni Ewropeja li ma jridx jibdel l-affarijiet. Jippreferi  li d-deċiżjonijiet dwar kemm il-pajjiż jieħu refuġjati joħodhom hu. Fil-fatt fil-Ġermanja matul is-sena li qegħdin fiha ser ikunu ġew aċċettati 100,000 refuġjat.  Punt interessanti fl-aħbarijiet fi tmiem il-ġimgħa kien dak li intqal minn Katrin Göring-Eckardt co-leader ġdida tal-Ħodor Ġermaniżi li indikat li biex  id-diskussjonijiet dwar il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid Ġermaniż bejn id-Demokristjani u l-Ħodor jipproċedu huwa essenzjali (fost ħafna affarijiet oħra) li jkun hemm tibdil fil-posizzjoni dwar l-immigrazzjoni attwalment f’idejn il-Ministru tal-Intern Hans  Peter Friedrich, allejat lemini ta’ Angela Merkel mis-CSU tal-Bavaria. (ara New York Times  tal-11 t’Ottubru 2013 : Sinking of Migrant Boat off Italy complicates politics in Germany).

Fid-dawl ta’ dan hu ċar li l-uġiegħ ta’ ras ta’ Joseph Muscat qabel ma jikkonvinċi lill-istituzzjonijiet Ewopej hi biex jikkonvinċi lil sħabu fil-partiti Soċjalisti Ewropej li minn fosthom hemm 10 Prim Ministri.  Jekk dawn jagħtuh l-appoġġ ikun iktar faċli li naslu bħala pajjiż. Imma ħlief Enrico Letta, Prim Ministru tal-Italja, s’issa l-ebda kap ta’ Gvern fl-Unjoni Ewropeja għadu ma esprima ruħu.

Ħafna drabi jsir l-iżball li ninsisitu b’qawwa kbira dwar x’għandha tagħmel l-Ewropa mingħajr ma nirrealizzaw li l-Ewropa hi aħna ukoll, kif ukoll dawk ta’ madwarna.

Alternattiva Demokratika diġa’ ħadet posizzjoni ċara dwar dan kollu. Għax aħna ukoll parti mill-Ewropa għamilna l-parti tagħna u wittejna t-triq. Wrejna li hu possibli li fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja jkun hemm appoġġ biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti li illum qed jintrefa minn Malta waħedha tibda jintrefa minn kulħadd. Il-Ħodor Ewropej bdew. Il-Ħodor Ewropej tawna l-appoġġ billi qablu ma ħtieġa ta’ riforma tal-Konvenzjoni ta’ Dublin bħala pass essenzjali biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti nerfgħuha flimkien. Dan hu l-uniku mod li bih nistgħu naslu. B’solidarjeta’ ta’ vera.

kif ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 14 t’Ottubru 2013

Il-Labour: jgħid ħaga u jagħmel oħra

Il-Grupp Parlamentari Soċjalista fil-Parlament Ewropew (imsejjaħ il-Progressive Alliance of Socialists and Democrats) mhux konvint li l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti Tonio Borg hu l-persuna adatta għall-Kummissarju tal-Unjoni Ewropeja. Ġie rappurtat fil-medja lokali li s-soċjalisti għandhom diffikulta’ dwar il-posizzjoni li ħa Tonio Borg dwar id-drittijiet tal-omosesswali meta l-Parlament Malti iddiskuta t-tibdil fil-liġijiet tal-kera u irrifjuta emenda imressqa mill-Opposizzjoni fil-Parlament imma iktar qabel proposta ukoll minn Alternattiva Demokratika.

Hannes Swoboda President tal-Grupp Soċjalista fil-Parlament Ewropew fi stqarrija maħruġa nhar il-25 t’Ottubru 2012 qal hekk dwar Tonio Borg:

“Regardless of the circumstances surrounding Mr Dalli’s resignation, we will look carefully into the qualifications of his proposed successor. In view of some comments from Mr Borg on the rights of homosexuals we intend to question him closely on whether his views are compatible with Europe’s fundamental values on civil liberties and non-discrimination.

“There has already been one case where the European Parliament rejected a candidate who could not convince MEPS of his readiness to accept basic European values. We do not need a second Rocco Buttiglione.”

Ma jidhirx li l-4 membri parlamentari soċjalisti Maltin oggezzjinaw għal dan. Imma f’Malta b’mod ipokritu jibqgħu jgħidu li qed jappoġġaw il-kandidatura ta’ Tonio Borg.

Bħal dejjem il-Labour jgħid ħaġa u jagħmel oħra: f’Malta jitkellem favur Tonio Borg. Barra qiegħed jappoġġa lil min jikkritikah. M’humiex kapaċi jkunu konsistenti.

Hekk kienu u hekk jibqgħu. Jagħmlu dak li jaqbel fil-mument. F’Malta jitkellmu favur il-kandidatura ta’ Tonio Borg. Barra minn Malta jilgħabuha ta’ progressivi!

Sadanittant Alternattiva Demokratika kienet ċara daqs il-kristall. Il-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew kif fisser Arnold Cassola, kelliemi għal Affarijiet Internazzjonali u Ewropej ta’ Alternattiva Demokratika m’huwiex konvint li Tonio Borg hu l-persuna adatta biex tkun Kummissarju Ewropew u dan minħabba l-posizzjoni tiegħu fuq drittijiet ċivili u drittijiet umani. L-issue m’hiex biss dwar il-posizzjoni ta’ Tonio Borg fuq id-drittijiet ċivili tal-gays imma ukoll fuq il-posizzjoni tiegħu dwar r-refuġjati . Il-Ħodor Ewropej huma xettiċi dwar Tonio Borg fid-dawl ta’ rapporti mill-Kummissjoni Għolja dwar ir-Refuġjati u Amnesty International.

Tonio Borg għandu ħafna x’jispjega. Jekk ma jispjegax ser ikollu ħafna diffikultajiet.