Brexit u l-artiklu 50 tat-trattat ta’ Liżbona

house-of-commons

 

Fil-Qrati Ingliżi infetaħ l-ewwel kaz dwar ir-referendum Ingliż. Il-Guardian illum tirrapporta li saret l-ewwel talba lill-Qrati Ingliżi li issostni illi l-Prim Ministru Ingliż m’għandux id-dritt li jibda l-proċess tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja mingħajr ma l-ewwel ikollu l-approvazzjoni tal-Parlament.

Uħud qed jinterpretaw dan bħala li l-Parlament Ingliż jista’ jkollu l-poter li jmur kontra x-xewqat ta-elettorat kif espress fir-riżultat tar-referendum tat-23 ta’ Ġunju. Ċertament li dan mhux il-każ. Għax għalkemm fis-sistema legali Ingliża l-Parlament hu suprem din is-supremazija legali mhux ser tintuża kontra r-rieda popolari espressa b’mod daqstant ċar mill-elettorat.

X’ser jiġri issa hu diffiċli biex tgħid. Imma hu possibli li jekk il-Qrati Ingliżi jaċċettaw it-talba li qed issirilhom u jiddeċiedu li qabel ma issir id-dikjarazzjoni skond l-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Liżbona jkun hemm il-kunsens tal-Parlament, il-Gvern ewroxekkitiku tar-Renju Unit (immexxi minn Theresa May jew Andrea Leadsom) ikun soġġett għal Parlament li fil-maġġoranza tiegħu hu magħmul minn Membri Parlamentari li m’humiex favur il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja.

Dan jista’ jwassal għal diversi kundizzjonijiet li possibilment ikun jista’ jimponi l-Parlament. Fosthom li kull ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropeja jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-istess Parlament! Dan bla dubju joħloq problemi kbar għall-applikazzjoni tal-artiklu 50 tat-trattat ta’ Liżbona. Ikun ifisser ukoll li neċessarjament ikun meħtieg perjodu ta’ negozjati qabel ma jkun applikat l-artiklu 50. Għax minkejja li l-Kummissjoni Ewropeja ma tridx tinnegozja dwar dan, it-trattat ta’ Liżbona ma jagħmilx limitazzjoni ta’ din ix-xorta.

Imma bla dubju jekk dan iseħħ ikun qed jagħti l-poter kompletament f’idejn il-Parlament u jassoġġetta lill-Gvern tal-ġurnata għall-iskrutinju strett tal-istess Parlament. Użat b’mod responsabbli, dan il-poter bla dubju jista’ jwassal għal żviluppi interessanti.

Advertisements

Brexit : issa x’imiss?

downing-street

L-istennija dwar dak li ser jiġri fir-Renju Unit wara r-riżultat tar-referendum qed tikber.

Bla dubju jista’ jkun hemm impatt ekonomiku qawwi, inkluż telf ta’ impiegi. Fil-qasam finanzjarju b’mod partikolari hu stmat li jistgħu jintilfu sa’ 70,000 impieg  matul it-tnax-il xahar li gejjin, unikament minħabba r-riżultat tar-referendum.

X’ser jiġri ser ikun jiddependi ħafna minn min jirbaħ l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Konservattiv Ingliż. Michael Gove u Theresa May diġa iddikjaraw illi jekk jirbħu huma għandhom ta’ l-inqas sal-aħħar tas-sena biex jibdew il-process tat-tluq mill-Unjoni Ewropeja. Dan ifisser li kemm Gove kif ukoll May iridu jimxu b’mod kawt. Min-naħa l-oħra, kandidata oħra għat-tmexxija konservattiva, Andrea Leadsom iddikjarat illi jekk eletta hi tattiva mill-ewwel il-proċeduri stabiliti fl-artiklu 50 tat-Trattat ta’ Liżbona.

Dewmien ma jfissirx biss effetti negattivi. Imma jfisser ukoll il-possibilità li dawk li qed jirreżistu li jkun hemm negozjati qabel mar-Renju Unit idabbar rasu jerġgħu jaħsbuha. In-negozjati mmedjati jistgħu jkunu kruċjali. Għax kif ġustament ikkummenta l-ex-Prim Ministru Laburista Ingliz Tony  Blair il-bieraħ, hu possibli li l-opinjoni pubblika terġa’ taħsibha hekk kif ikunu magħrufa l-kundizzjonijiet tat-tluq.

Hi posizzjoni fluwida ħafna, li, sakemm ma jiġrix xi ħaġa straordinarja, ser tibqa’ hekk sakemm jinħatar Prim Ministru ġdid tar-Renju Unit.