Kif tagħmel …………… jagħmlulek

 30 ta’ Diċembru 2009
 

 

Naħseb li lkoll kemm aħna konxji li l-klima qiegħda tinbidel. L-is­ta­ġuni ma tafx iżjed meta jibdew jew meta jispiċċaw. Fis-sajf sħana kbira li dejjem iżżid. Xita qawwija f’ħin qasir f’kull żmien tas-sena b’għargħar aktar ta’ spiss. Qegħdin niffaċċjaw estre­mi ta’ temp. Dawn huma wħud mill-indikazzjonijiet li għandna f’Malta li l-klima qiegħda tin­bidel.

F’pajjiżi oħrajn it-temp inbidel ukoll. Insegwu dak li qed jiġri fuq il-televiżjoni, bħall-għargħar riċenti f’Cumbria fit-Tramuntana tal-Ingilterra jew l-urugan Kat­rina li ħarbat l-istat ta’ New Orleans fl-Istati Uniti tal-Amerika fi tmiem Awwissu, 2005. Inkella l-urugani spissi fl-istat Ameri­kan ta’ Florida. Anki fl-Ewropa segwejna każi estremi ta’ temp kemm f’dik li hi temperatura kif ukoll għargħar ikkawżat diret­ta­ment mix-xita inkella mill-faw­ran ta’ xmajjar.

Il-parti l-kbira tax-xjenzjati jaqblu li dan kollu hu prinċi­pal­ment ir-riżultat akkumulat tul is-snin ta’ emissjonijiet mill-ħruq ta’ żjut u faħam biex il-bniedem jipproduċi l-enerġija, kif ukoll mit-trasport u minn proċessi industrijali. Naqsu wkoll il-foresti f’kull parti tad-dinja biex jittieħed l-injam tagħ­hom għall-ħatab, għall-bini ta’ djar jew għal xi użu ieħor bħall-bini tax-xwieni fi żminijiet oħ­rajn. Il-foresti naqsu wkoll biex żdiedet l-art għall-agrikoltura.

B’hekk id-dinja qiegħda żżomm is-sħana tax-xemx bħal f’serra bir-riżultat li t-tem­pe­ra­tura madwarna qiegħda togħla ftit ftit. Dan iżda ma jseħħx bl-istess mod kullimkien. Ix-xjen­zati huma tal-opinjoni li jekk it-temperatura taqbeż dik tal-bidu taż-żmien industrijali b’aktar minn 2 gradi Celsius, iseħħu tibdiliet kbar fil-klima. Tibdiliet li ħdejhom dak li seħħ s’issa jitqies bħala insinjifikanti. Rap­preżentanti ta’ gżejjer kemm fil-Paċifiku kif ukoll fil-Karibew qegħ­din jinsistu li l-limitu mas­simu għandu jkun 1.5 gradi Celsius fuq it-temperatura taż-żmien pre-industrijali. Dan qegħdin jgħiduh għax huma diġà qegħdin iħossu wieħed mill-effetti tal-bidla fil-klima. Il-livell tal-baħar qed jogħla u dawk li joqogħdu f’uħud minn dawn il-ġżejjer diġà qed ikoll­hom idabbru rashom. L-ewwel refuġjati tal-klima fil-fatt kienu r-residenti tal-gżejjer Carteret fil-Papua New Guinea liema gżejjer diġà bdew jiġu mgħot­tijin bl-ilma baħar. Sal-2015, hu kkalkolat li dawn il-gżejjer ikunu mgħarrqin kompletament bħala riżultat tal-bdil gradwali fil-livell tal-baħar.

Fl-Afrika wkoll it-temp inbidel drastikament. F’uħud mill-pajjiżi Afrikani bħas-Somalja, l-Etjopja u l-Eritrea hemm nixfa kbira u dan bħala riżultat ta’ nuqqas ta’ xita fuq perjodu twil ta’ żmien. Bħala riżultat ta’ dan, l-agrikoltura mhix tirrendi u n-nies m’għandhiex x’tiekol. Iffaċ­ċati b’dan, in-nies qegħdin jitil­qu minn dawn il-pajjiżi u qegħ­din jemigraw lejn pajjiżi oħrajn. Jaslu sal-Libja jew xi pajjiż ieħor bħall-Marokk u mbagħad jaq­smu lejn l-Ewropa b’numru minn­hom jispiċċaw Malta. Numru mhux żgħir minn dawn l-immigranti li f’pajjiżna nsej­ħul­hom “immigranti illegali” huma vittmi tal-bidla fil-klima.

Il-bidla fil-klima lilna f’Malta tista’ teffettwana b’mod dras­ti­ku wkoll u dan fi żmien mhux wisq ’il bogħod. In-nuqqas ta’ xita u l-għoli tal-livell tal-baħar se jkollhom effett dirett fuq l-agrikultura. L-ilma tal-pjan na­qas sewwa kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità. Dan riżultat tal-‘boreholes’, kemm dawk legali kif ukoll dawk illegali. Jekk ikun baqa’ ilma tal-pjan, dan se jkompli jiġi mgħarraq għax ikun diġà sar salmastru hekk kif il-livell tal-baħar jogħla ftit ftit. L-ilma ma jkunx iżjed tajjeb biex jintuża la għax-xorb, la għat-tisqija u lanqas għall-industrija għax ikun wisq mie­laħ. Ikun jeħtieg li jiġi trattat bir-‘reverse osmosis’ jew xi pro­ċess ieħor li jkollu bżonn ħafna enerġija. Bla ilma, kif nafu, ma jista’ jsir xejn.

Dakinhar li pajjiżna jirrealizza li ġie wiċċ imbwiċċ ma’ din il-prob­lema, dawk minna li jkunu għadhom jgħixu hawn, ikunu fl-istess pożizzjoni ta’ dawn l-“im­migranti illegali”, refuġjati tal-klima huma wkoll u jibdew ifittxu x’imkien ieħor fejn jistgħu jgħixu.

Tgħid ikunu lesti li jaċċettaw li jkunu trattati bħall-immigranti li jaslu Malta illum: li jkunu msakkrin, bl-għassa u b’deten­zjo­ni ta’ 18-il xahar imposta fuq­hom mingħajr ma qatt għamlu ħsara lil ħadd?

Wara kollox mhux kif tagħ­mel jagħmlulek?

Advertisements