Bejn il-Freeport u t-tanker tal-gass : min jagħmel l-iktar ħsara?

gas at Marsaxlokk

 

Bħalissa għaddejjin numru ta’ argumenti bejn il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista dwar il-Bajja ta’ Marsaxlokk. Dwar il-kuntrast bejn l-impatti tal-Freeport u dawk tat-tanker tal-gass li dalwaqt ikun qiegħed fi triqtu lejn Malta minn Singapore!

Il-Partit Laburista fl-aħħar induna li l-Freeport għandu impatt negattiv fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Qed ngħid li fl-aħħar induna, għax għal numru kbir ta’ snin ħadd mill-Partit Laburista ma fetaħ ħalqu dwar dan is-suġġett. Inkluż meta l-Grupp Parlamentari Laburista kollu, unanimament, ivvota favur li l-konnċessjoni tat-Terminal tal-Port Ħieles lis-CMA-CGM tiżdied minn 30 għal 65 sena. Dakinnhar ħadd mill-Partit Laburista ma kellu riżervi favur ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Imma biż-żmien il-Partit Laburista fetaħ għajnejħ. Iktar għall-konvenjenza milli b’konvinzjoni. Imma fetaħhom.

Allura issa li l-Partit Laburista fetaħ għajnejh dwar il-Freeport qed jakkuża lill-Partit Nazzjonalista li hu ma jimpurtahx mill-impatti fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Kif kien il-Partit Laburista sa ftit ilu!

Ir-risposta tal-Partit Nazzjonalista, kif antiċipat, hi emfasi fuq it-tanker tal-ħażna tal-gass li ser ikun sorġut fil-Bajja ta’ Marsaxlokk għal numru ta’ snin sakemm isir il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija.

Il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista jridu jdaħħqu dwar min għamel l-iktar ħsara!

Ir-realtà hi li l-ħsara jagħmluha t-tnejn imma din m’hiex ħsara komparabbli.

Il-ħsara kkawżata mill-Freeport Terminal hi riżultat ta’ ippjanar ħażin li ma qiesx l-impatti tal-operat tal-Freeport Terminal fuq ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Huwa nuqqas li jmur lura sal-1962, li seta jkun ikkoreġut fis-snin tmenin u li minflok sar agħar bil-plots għad-djar li ħareġ il-Gvern fil-viċinanżi!

Il-ħsara li jista’ jikkawża t-tanker tal-gass hi li jqarreb il-periklu (anke jekk remot) lejn ir-residenti ta’ Birżebbuġa. Hawn ukoll hawn nuqqas ta’ ippjanar. Imma tajjeb, for the record, niftakru li l-Gvern Taljan permezz tal-ENI fl-1999 ried jagħmel il-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Imma l-Gvern, dakinnhar immexxi mill-PN, ma wasalx għal ftehim!

Kieku l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista ippjana l-politika tal-enerġija sewwa ilna iktar minn 10 snin li qlibna għall-gass u bla dubju ma jkunx hemm bżonn l-ebda tanker tal-gass!

Allura, ser jibqgħu għaddejjin biha dwar min għamel l-iktar ħsara?

Advertisements