Wara l-aħħar straġi f’ Lampedusa: l-isfida tagħna lkoll

ITALY-IMMIGRATION-REFUGEE-ACCIDENT

L-iġsma bla ħajja tal-immigranti f’ Lampedusa huma l-aħħar avviż ta’ problema wara l-bieb. Li hemm min għandu bżonn l-għajnuna u m’hux isibha.

L-immigrazzjoni m’hiex problema tal-Unjoni Ewropeja. Hi problema tagħna lkoll, għax aħna ukoll parti minn din l-Ewropa ta’ bla qalb li tippreferi tibki lill-mejtin bid-dmugħ tal-kukkudrilli milli tipprova tgħinhom waqt li għadhom qed jippruvaw jgħixu.

L-Unjoni Ewropeja teħtieġ politika Euwopeja dwar il-migrazzjoni li tkun waħda komuni. Dan li jfisser meta ngħidu li din il-problema hi tagħna lkoll. Politika komuni li tkun ibbażata fuq is-solidarjeta li twarrab il-kultura tal-indifferenza u l-mibgħeda li uħud ilhom ixerrdu kontra dawk li huma maħruba minn pajjiżhom u jispiċċaw fuq xtutna.

Il-migrazzjoni hi piż li l-pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa qed jerfgħuh waħedhom. Malta, l-Italja, l-Greċja, Spanja w Ċipru ilkoll qed jerfgħu iktar milli jifilħu. Dan ilna ngħiduh. Bħalma għidna dejjem ukoll li r-rażżiżmu u l-xenofobija  ta’ uħud qed iċajpru l-viżjoni ta’ bosta u jwasslu biex ikabbru t-tensjoni u jkattru l-mibgħeda.

Is-sentiment ta’ mibgħeda kontra l-immigranti jeżisti f’diversi pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja. Għax fil-verita’ l-ebda pajjiż m’għandu l-monopolju tal-kultura tal-indifferenza. L-isforz biex din il-kultura tingħeleb irid ikun wieħed komuni. Għax din ukoll hi problema tagħna lkoll.

F’kull wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja hemm ukoll  sens ta’ solidarjeta’ li pero s’issa għadu m’huwiex qawwi biżżejjed.

Li aħna bħala Maltin nistennew li l-Unjoni Ewropeja tinvolvi ruħha iktar fil-migrazzjoni hu dritt. Pero’ biex dan id-dritt neżerċitawħ b’responsabbiltá hu meħtieġ li nifhmu ukoll li l-posizzjoni ġeografika tagħna titfa’ fuqna ukoll l-obbligu li nagħtu l-eżempju.

L-ospitalita’ li Malta u l-Maltin dejjem urew fil-passat hu prova li Malta dejjem refgħet ir-responsabbiltajiet tagħha. Li ninsistu għall-għajnuna ma jfissirx li ma irridux nerfgħu iktar imma hu karba li l-piż qed jikber wisq biex inkunu nistgħu nibqgħu nerfgħuh waħedna.

Li tipprattika is-solidarjeta’ fi żmien diffiċli hu xhieda ta’ valuri umani li Malta dejjem ħaddnet.  Ma irriedux inċedu taħt l-effett tal-piż.  Malta qatt ma ħaddnet il-kultura tal-indifferenza. Nistġhu iżda naħdmu iktar flimkien biex l-ilħna favur is-solidarjeta fl-Unjoni Ewropeja jissaħħu.

Is-solidarjetá tgħaqqadna. L-indifferenza tifridna. Din hi l-isfida tagħna lkoll.

Ir-riżenja ta’ George Pullicino

Naf li qed noħlom meta ngħid li George Pullicino għandu jirreżenja. Imma naf ukoll li l-politika hi t-twettiq tal-ħolm.

Pullicino għandu jirreżenja għax arroganti u inkompetenti. Dwar l-arroganza tiegħu inkiteb ħafna matul il-perjodu li kien responsabbli għall-MEPA. L-agħar perjodu għal ħafna snin għall-ambjent f’pajjiżna.

Nhar is-7 t’Awissu 2012 il-Kummissjoni Ewropea ippubblikat rapport analitiku dwar kif qed titħaddem fis-27 pajjiż membru l-politika dwar l-immaniġjar tal-iskart. Dan ir-rapport hu intitolat Screening of Waste Management Performance of EU Member States.

F’dan ir-rapport Malta ġiet ikklassifikata fost dawk il-pajjiżi li għandhom deficit fi prattikament l-oqsma kollha tal-implimentazzjoni tal-politika tal-immaniġjar tal-iskart. Ir-rapport hu iktar iebes minn hekk, juża l-kliem implementation gap. Jiġifieri ghad baqa’ ħafna ħafna xi jsir biex il-paroli u l-fatti ma jibqgħux jikkuntrastaw!

Il-Greċja u l-Bulgarija biss ġew ikklassifikati agħar minn pajjiżna. Il-Greċja qegħda f’tarf ta’ kollass ekonomiku u l-Bulgarija mifnija bil-korruzzjoni! Il-Litwanja kklassifikati daqsna!

Dak ċertifikat!

Għal dawn l-aħħar tmien snin ir-responsabbilta’ politika għall-politika dwar l-iskart kienet ta’ George Pullicino.

Kienet responsabbilta li għaddhielu Lawrence Gonzi fl-ewwel Kabinett tiegħu. Responsabbilta’ li ħadha mingħand Ninu Zammit u għaddiha lil Pullicino f’Marzu 2004.

F’dawn it-tmien snin Pullicino iktar kien moħħu fil-konfront politiku bħal dak li infexx fih f’Marsaskala dwar l-Impjant ta’ Sant Antnin milli li jiżviluppa politika dwar l-iskart li taħdem għax hi aċċettata. Bl-arroganza tipika tiegħu rnexxielu jkisser il-possibilita ta’ kunsens mal-komunitajiet u tefa lura ħafna l-iżvilupp ta’ sens komunitarju fil-politika tal-immaniġjar tal-iskart. Ir-riperkussjonijiet għadhom qed jinħassu anke’  illum.

Hu veru li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea janalizza l-qagħda kif kienet sentejn ilu u dan għax jaħdem fuq statistika u rapporti li ilhom ftit ippubblikati. Imma dan ma jgħoddx biss għal pajjiżna. Jgħodd ukoll għal pajjiżi bħall-Awstrija, l-Olanda, id-Danimarka u l-Ġermanja li kienu fuq quddiem nett fil-klassifika u komplew jissaħħew!

Anke’ jekk imxejna ftit il-quddiem, ftit iktar milli jindika r-rapport, xorta għadna lura ħafna. Għal dan jaħti biss George Pullicino.

Ir-rapport juri falliment fil-parti l-kbira mill-kriterji addottati biex jitkejjel il-performance tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.

Dan hu ċertifikat ta’ falliment li għalih għandu jassumi responsabbilta politika l-Ministru George Pullicino. Jiġifieri għandu jkun raġel u jgħid “fallejt” u jirreżenja. Jagħmel il-wisa’ għal min jista’ jagħti kontribut pożittiv għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-iskart.

Il-Greċja …. fi ġlieda bejn Franza u l-Ġermanja

Il-Greċja qegħda f’nofs ġlieda bejn Franza u l-Ġermanja minħabba s-suq tal-armamenti!

 F’artiklu f’Der Spegel International intitolat : France to sell Frigates to Greece in Controversial Deal  jingħataw id-dettalji ta’ ftehim dwar bejgħ ta’ vapuri tal-gwerra minn Franza lill-Greċja. Dan il-bejgħ ser isir bi skont sostanzjali inkluż sospensjoni tal-pagamenti għal 5 snin minħabba l-qagħda finanzjara tal-Greċja. Il-vapuri tal-gwerra inbnew mill-kumpanija statali Franċiża DCNS.

 Dawn il-vapuri tal-gwerra jiswew $412 miljun il-wieħed.

 Hekku Franza solidali mal-Greċja !

Is-siġġu ta’ Joseph Cuschieri u George Papandreou

Joseph Cuschieri bir-raġun kollu jrid is-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew. Wara kollox għandu dritt għalih mhux biss għax ivvutawlu n-nies, iżda fuq kollox għax hu kien li ċeda postu lil Dottor Joseph Muscat fil-Parlament Malti.

Għamel tajjeb Joseph Cuschieri meta qal li l-Prim Ministru ta’ Malta Lawrence Gonzi għandu jinsisti mal-Prim Ministru tal-Greċja George Papandreou biex il-Greċja ma tibqax tkaxkar saqajha u tapprova l-protokol li permezz tiegħu jkun possibli illi huwa (Cuschieri) jieħu postu fi Brussels.

 Veru li Cuschieri żgarra waħda kbira meta qal li Malta għandha (sakemm il-Greċja tapprova s-siggu tiegħu) timblokka l-għajnuna tal-Unjoni Ewropea lill-Greċja biex din tkun tista’ tirpilja mill-kriżi finanzjarja li tinsab fiha frott il-korruzzjoni u t-tmexxija ħażina tul is-snin. Imma dak għamlu għax il-boy għadu ma jafx l-affarijiet sew miskin. Għadu qed jimmatura. U ngħiduha kif inhi, fil-Parlament Malti ma tantx kellu opportunitajiet biex jiftah ftit moħħu.  

Imma ngħid jiena George Papandreou imbarra Prim Ministru tal-Greċja mhux ukoll Mexxej tal-Partit Soċjalista Grieg?  U dawn mhux aħwa tas-Soċjalisti Maltin li illum isejħu ruħhom laburisti?

Ngħid jien ma jkunx għaqli li s-Sur Cuschieri jgħid lill-Kap tal-Partit Soċjalista Malti Dottor JosephMuscat biex jaqbad it-telefon u jkellem ftit lill-Kap tal-Partit Soċjalista Grieg  u jgħidlu biex jiċċaqlaq ftit? Jew forsi diġa ċempillu u injoraħ?

Forsi Joseph Cuschieri jgħidilna ftit, għax wara kollox huwa Dottor Joseph Muscat li l-iktar għandu jgħinu mhux hekk ? 

Papandreou : 5 proposti ambjentali għall-Opposizzjoni Griega

 

 

 

Is-Soċjalisti Griegi, l-PASOK fl-Opposizzjoni, ukoll qed jitkellmu favur l-Ambjent. Issa kulħadd favur !

 

George Papandreou f’attivita’ f’Ateni ippreżenta ħames proposti għall-ambjent.

 

1)      Irid iwaqqaf Ministeru li jkun responsabbli għall-Ambjent biss,

2)      Irid jinkuraġixxi l-konservazzjoni tal-enerġija in partikolari fit-trasport u fil-bini, kif ukoll jgħin lil intrapriża biex tieħu miżuri ta’ fejda ambjentali,

3)      Irid pjan strateġiku ġdid għall-kampanja għax qed jgħid li l-konservattivi tan-Nea Demokratia qed jinkuraġixxu l-individwaliżmu u jgħalqu għajnejhom għall-ksur tal-liġi – kulħadd jagħmel li jrid,

4)      Stieden lill-partiti l-oħra tax-xellug għall-kooperazzjoni mas-soċjalisti dwar politika ambjentali komuni,

5)      Emfasizza li l-ġustizzja soċjali u l-ħarsien tal-ambjent għandhom jimxu id f’id għax il-ħsara ambjentali l-ewwel li teffettwa hu lill-faxx t’isfel tas-soċjeta, jiġifieri dawk li diġa huma mgħaffġa jitgħaffġu iktar.