IVF: ir-riżervi ta’ Alternattiva Demokratika dwar il-proposti li saru

Alternattiva Demokratika il-bieraħ ippubblikat dokument bil-fehmiet tagħha dwar il-proposti tal-Gvern biex jestendi is-servizz tal-IVF.

Il-proposti li saru mill-Gvern jestendu l-faċiltá eżistenti tal-iffrizar minn waħda użabbli f’ċirkustanzi eċċezzjonali għal użu normali, ineħħu l-limitazzjoni konnessi mal-ġeneru għal aċċess għas-servizz, joħloq per konsegwenza d-dritt ta’ donazzjoni kemm tal-isperma mingħand raġel kif ukoll ta’ bajd mingħand mara kif ukoll jippermettu li jkun hemm min joffri ruħu bħala sostitut (surrogate) flok l-omm biex iġġorr it-tarbija waqt it-tqala.

Alternattiva Demokratika iddikjarat li taqbel mal-linji ġenerali tal-proposti imma għandha numru ta’ riżervi importanti dwar dak li qiegħed jiġi propost.

Fil-qosor id-dokument ta’ Alternattiva Demokratika jagħmel dawn l-osservazzjonijiet

  1. Għandna nirrispettaw il-pluralità ta’ valuri etiċi fil-pajjiż u għaldaqstant għandu jkun possibli li persuna li għal raġunijiet ta’ kuxjenza ma taċċettax l-iffriżar tal-embrijuni jkollha l-opinjoni tagħha rispettata u per konsegwenza jkun possibli li tagħmel użu mis-servizz tal-IVF b’din il-limitazzjoni, (opt-out etiku mill-iffrizar): dan id-dritt għandu jkun rikonoxxut minn stat lajk;
  2. Li f’kull ħin għandu jkun rispettat id-dritt tal-informazzjoni, kemm tal-persuna li ser tirċievi d-donazzjoni tal-isperma jew il-bajda kif ukoll ta’ kull wild li jirriżulta, id-dritt tal-informazzjoni jfisser li l-identità ta’ min ikun qed jagħmel id-donazzjoni għandha tkun magħrufa kemm lil min ikun ser jirċievi d-donazzjoni, kif ukoll lill-ulied ġġenerati meta dawn jagħlqu is-16-il sena: is-segretezza mhiex aċċettabbli;
  3. Li hu neċessarju li jsir screening tal-isperma u l-bajda għal mard trasmess ġenetikament;
  4. Nifhmu li s-surrogacy qed tkun proposta bil-kundizzjoni li dan ma jkunx kummerċjalizzat, però għadu mhux ċar kif dan ser isir għax ġaladarba jkun infetaħ il-bieb ser ikun diffiċli li jkun hemm kontrolli effettivi tal-kummerċjalizzazzjoni;
  5. Il-proposta tal-addozzjoni tal-embrijuni ma jidhirx li tista’ tkun implimentata u teħtieġ diskussjoni iktar profonda.

Fid-dawl ta’ dan għandha jkun emfasizzata l-ħtieġa li f’soċjetá li tħaddan il-pluraliżmu etiku nirrispettaw iktar l-opinjonijiet ta’ xulxin. Ovvjament, l-iktar mumenti fejn hu meħtieġ dan ir-rispett hu fejn il-fehmiet jikkuntrastaw: għax fejn dawn jaqblu ma hemm bżonn l-ebda sforz!

Huwa meħtieġ li ma jkunx hemm għaġġla żejda fid-diskussjoni pubblika. Il-Gvern qed jgħaġġel ħafna u mhux jagħti biżżejjed ċans lill-opinjoni pubblika biex tiddiġerixxi biżżejjed dak li qed ikun propost. Għad hemm diversi punti li jeħtieġu iktar ħsieb għax is-soluzzjonijiet proposti mhux ċari. Ikun għaqli għall-Parlament li jidħol f’iktar dettall dwar l-implikazzjonijiet tas- soluzzjonijiet proposti u dan billi fost oħrajn jitlob direttament hu l-assistenza ta’ esperti biex jgħinuh jindirizza xi difetti tal-proposti li qed jipproponi l-Gvern.

Alternattiva Demokratika tittama li l-Parlament jagħmel xogħolu sewwa. L-ebda mandat elettorali ma jagħti lill-Gvern is-setgħa li jagħmel li jrid. Tajjeb li niftakru li għalkemm diffiċli biex jitħaddmu jeżistu rimedji f’kaz li l-Parlament jonqos mill-jagħmel xogħolu sewwa.

Il-proposta dwar l-abort

 

Il-pubblikazzjoni mill-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ta’ dokument li jipproponi strateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali hu pass il-quddiem f’dan il-pajjiż. Fid-dokument, intitolat Women’s Sexual & Reproductive Health & Rights, il-fondazzjoni tagħmel 7 rakkomandazzjonijiet dwar il-kontraċezzjoni, l-ippjanar tal-familja, l-edukazzjoni sesswali u l-aċċess legali u sigur għall-abort.

Min-natura tagħhom dawn huma proposti kontroversjali li jeħtieġu diskussjoni matura li hi tant nieqsa f’dan il-pajjiż.

Meta f’Settembru li għadda, fl-ewwel indirizz tiegħi bħala Chairman ta’ Alternattiva Demokratika kkummentajt dwar dak li kien ġie diskuss fil-Parlament taż-Żgħażagħ ftit qabel u għidt li l-pajjiż jeħtieġlu diskussjoni serja u matura dwar l-abort kien hemm min staqsieni “għaliex dan”? Din id-diskussjoni ma hemmx bżonnha, kien hemm min qal.

It-tweġiba għal dan hi waħda sempliċi: għax aħna niffurmaw parti minn pajjiż demokratiku u l-politika tal-pajjiż, inkluż dik dwar is-saħħa sesswali u reproduttiva hi suġġetta għall-iskrutinju pubbliku. Ħadd m’għandu l-ebda dritt li jagħlaq ħalq ħadd billi jostakola diskussjoni. Għandna bżonn iktar diskussjoni pubblika u inqas tkeskis u tfesfis fil-widnejn.

Bla dubju din hi diskussjoni li ser tkun waħda emottiva u ser tirrifetti l-fatt li l-pajjiż għaddej minn trasformazzjoni radikali fejn il-pluraliżmu qiegħed bil-mod il-mod jinfirex fl-oqsma kollha tal-ħajja inkluż fl-etika u l-valuri li nħaddnu.

Din hi bidla li ħadet spinta bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Għax fl-2004 ma bqajniex iktar gżira iżda sirna parti effettiva mill-kontinent Ewropew. Dan ġieb u għad irid iġib tibdil li jingħoġob imma ukoll tibdil li jdarras.

Mela ħalli d-diskussjoni tibda bis-serjetá.

L-abort: x’inhu jiġri madwarna

Diskors minn Carmel Cacopardo, Chairperson, Alternattiva Demokratika
fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħajja, organizzat mill-Malta Unborn Child Movement
Oratorju tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Belt Valletta, Il-Ħadd 4 ta’ Frar 2018

 

Uħud minnkom, wara dak kollu li ilu jingħad, bla dubju qed jistaqsu dwar meta u min ser idaħħal l-abort f’Malta. It-tweġiba għal din il-mistoqsija hi waħda sempliċi ħafna: ħadd. Għax l-abort ilu fostna. Il-fatt li l-liġi Maltija ma tippermettieħx ma hu ta’ l-ebda xkiel għal min jidhirlu li għandu jagħmel għażla ta’ din ix-xorta.

Rapporti annwali mediċi fir-Renju Unit jindikaw li madwar 60 mara Maltija fis-sena jutiliżżaw is-servizzi mediċi tal-Ingilterra u Wales biex jipprokuraw abort. Ma dawn imma, trid iżżid l-aborti minn Maltin li kull sena jsiru fl-Italja (prinċipalment Catania, Ruma u Milan imma ukoll f’lokalitajiet oħra) kif ukoll dawk li jseħħu fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Belġju u iktar. Statistika uffiċjali hemm biss għar-Renju Unit, imma tobba Maltin li tkellimt magħhom, bla dubju a bażi prattika tal-professjoni tagħhom fl-ibliet u l-irħula Maltin, jistmaw li ċ-ċifra totali tista’ titla sa bejn 300 u 400 abort fis-sena li nisa Maltin jagħżlu li jagħmlu.

Fl-istatistika jkejlu l-frekwenza tal-abort bħala n-numru ta’ aborti għal kull elf mara li hi of childbearing age, u ċjoe bejn l-eta ta’ 15 u 44 sena. A bażi ta’ dan, ir-rata fl-Unjoni Ewropeja hi ta’ 4.4, filwaqt li fost il-Maltin hi ta’ bejn 3.6 u 4.7, dipendenti fuq jekk fil-kalkolu tagħmilx użu minn numru stmat ta’ 300 abort inkella l-istima massima ta’ 400 abort fis-sena fost il-Maltin.

Jiġifieri fi ftit kliem, l-indikazzjonijiet huma li l-Maltin ifittxu l-abort kważi daqs kull ġens ieħor fl-Ewropa.

Jekk irridu niddiskutu l-abort bis-serjeta għandna l-obbligu li l-ewwel u qabel kollox nippruvaw nidentifikaw u nifhmu l-fatti biex id-dibattitu pubbliku jkun wieħed infurmat u mhux wieħed intenżjonat biss biex ikeskes lil “qaddisin” kontra l-“midinbin”.

F’Alternattiva Demokratika qatt ma appoġġajna l-abort minkejja dak li jgħidu uħud, inkluż uħud fostkom. Imma f’Alternattiva Demokratika ma nagħmlux kruċjati. Nippreferu li l-pajjiż jikkommetti ruħu b’iktar qawwa biex ikunu indirizzati dawk iċ-ċirkustanzi li jwasslu għal abort.

Ir-rispett għall-ħajja, meta jkun ġenwin, jintwera mhux biss waqt it-tqala. Jintwera dejjem, kemm qabel kif ukoll wara t-tqal, kif ukoll f’ċirkustanzi li m’għandhomx x’jaqsmu mat-tqala.

Nirrispettaw il-ħajja ukoll meta nkunu ċari kontra l-vjolenza domestika, meta nkunu kommessi li nħarsu lil dawk li jissograw l-għarqa, maħrubin mill-moħqrija u l-għaks f’pajjiżhom, meta niftħu għajnejna beraħ għal nisa traffikati għas-sess f’pajjiżna, kif ukoll meta nifhmu li d-dinjità ta’ kull bniedem tmur lil hinn mill-kulur, razza jew ġeneru. Imma għal uħud forsi dan hu wisq!

Is-soċjetà tagħna qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Hi bidla li tispira ruħha minn pluraliżmu ta’ valuri, valuri li ħafna drabi jikkuntrastaw, xi kultant b’mod sostanzjali.

L-obbligu li nirrispettaw lil xulxin jeħtieġ li jimmanifesta ruħu f’dawn iċ-ċirkustanzi ukoll. Għax x’utilità hemm li ngħidu li għandna rispett lejn il-fehma ta’ ħaddieħor jekk imbagħad fil-konfront ta’ min ma jaqbilx magħna, it-tgħajjir u l-insulti kkuluriti xi kultant huma bla limitu?

Fl-Irlanda bħalissa l-Gvern immexxi mill-partit demokristjan tal-Fine Gael ser jagħti bidu għall-kampanja referendarja favur l-abort, għax fir-realta l-qbil ma’ jew l-opposizzjoni għall-abort tmur lil hinn mill-fehmiet politiċi.

F’Malta ukoll dawk favur l-abort qed jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom u qed isibu lil min jagħtihom s-servizz mixtieq. Sakemm jieqfu l-insulti mhux ser ikun possibli li dawn il-Maltin bħalna jingħataw l-għajnuna li jkollhom bżonn u li jħossu l-ħtieġa għaliha fl-iktar mumenti diffiċli f’ħajjithom, meta jridu jieħdu deċiżjoni iebsa u diffiċli, imma jħossuhom waħedhom, insulentati u mkasbrin minn soċjetà li tfittex il-purità artifiċjali.

Xi darba, forsi, nagħmlu progress. U l-progress ikun reġistrat meta kulħadd ikun konvint li hu stmat, irrispettivament mill-fehmiet tiegħu.

Sfortunatament, imma, jidher li għadna ftit il-bogħod.

Grazzi.