Hu tad-daħq li iktar kmieni din il-ġimgħa skoprejna illi l-Awtorità tal-Ippjanar hi mħassba dwar li possibilment saret ħafna ħsara lir-reputazzjoni tagħha.
Din kienet aħbar, għax sal-lum, l-impressjoni ġenerali ta’ bosta minna kienet li l-Awtorità tal-Ippjanar tiġi taqa’ u tqum mir-reputazzjoni tagħha.
F’numru ta’ protesti u kontro-protesti ppreżentati l-Qorti f’dawn il-ġranet, residenti ta’ Pembroke talbu d-danni mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar f’konnessjoni mal-mod kif din imxiet fil-konfront tagħhom dwar il-proġett tad-dB. Il-Grupp dB, min-naħa l-oħra lagħabha tal-vittma meta bi qdusija artifiċjali akkuża lill-Awtorità tal-Ippjanar li ma għamlet xejn dwar il-kunflitt ta’ interess ovvju ta’ wieħed mill-membri tal-Bord tal-istess Awtorità – l-aġent tal-propjetà. B’riżultat ta’ dan, qalet li sofriet danni sostanzjali meta l-permess ta’ żvilupp dwar l-iżvilupp massiċċ fil–Bajja ta’ San Ġorg tħassar mill-Qorti.
Fit-tweġiba tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar akkużat lill-Grupp dB li kien hu stess li ħoloq il-kunflitt ta’ interess li dwaru kien qed jilmenta. Dan billi għamel użu mis-servizzi ta’ aġent tal-propjetà li kien ukoll membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-Awtorità kompliet temfasizza li hi ma kelliex idea dwar, u ma kienitx taf illi l-propjetà tad-dB kienet diġà fuq is-suq qabel ma biss il-kaz tela’ quddiem il-Bord għall-approvazzjoni, sintendi bil-vot favorevoli tal-aġent tal-propjetà membru tal-Bord.
L-Awtorità tal-Ippjanar kompliet tgħid li l-Grupp dB, bħala riżultat tal-mod kif opera ikkawża ħafna ħsara lir-reputazzjoni tagħha. Din kienet sorpriża, għax ħafna ma kellhom l-ebda idea li l-Awtorità tal-Ippjanar kella xi reputazzjoni x’tipproteġi!
L-Awtorità tal-Ippjanar taf li kull membru tal-Bord tagħha, hekk kif jinħatar, jeħtieġ li jimla formula li fiha jagħti informazzjoni dwar l-interessi tiegħu jew tagħha. Il-membru tal-Bord li qed nitkellmu dwaru, l-aġent tal-propjetà Matthew Pace, diġa iddikjara pubblikament li hu mexa mal-proċeduri stabiliti, li jfisser illi f’din il-formola huwa iddikjara l-interess tiegħu fl-aġenzija tal-propjetà.
Jekk dan hu minnu, x’għamlet l-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif irrealizzat li wieħed mill-membri l-ġodda tagħha kellu interess f’aġenzija tal-propjetà? Kieku jkollna tweġiba onesta għal din il-mistoqsija bla ebda dubju jkollna idea tajba dwar kif l- Awtorità tal-Ippjanar tħares “ir-reputazzjoni” tagħha. Imma, safejn naf jien, ma għamlet xejn: jew minħabba li m’għandha l-ebda reputazzjoni x’tipproteġi, inkella minħabba li tiġi taqa’ u tqum!
Apparti dan kollu, waqt il-laqgħat tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, kull membru tal-Bord għandu l-obbligu li kull meta l-interessi tiegħu jew tagħha jkunu f’kunflitt mar-responsabbiltajiet bħala membru tal-Bord jiġbed l-attenzjoni għal dan billi jagħmel dikjarazzjoni f’dan is-sens waqt il-laqgħa. Wara li jkun għamel dikjarazzjoni ta’ din ix-xorta, imbagħad, il-membru tal-Bord għandu l-obbligu li jimxi skond kif jipprovdi l-artiklu 13 tal-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp u ma jipparteċipax fil-laqgħa jew laqgħat li jista’ jkollhom x’jaqsmu mal-interessi tiegħu. Minn dak li hu magħruf, dawn it-tip ta’ ċirkustanzi huma rari waqt il-laqgħat tal-Bord tal- Awtorità tal-Ippjanar.
L-interess ta’ dan l-aġent tal-propjetà fil-proġett tad-dB illum huma magħrufa. Ikun interessanti, imma, dwar kemm kien hemm iktar propjetajiet li kienu fuq il-kotba tal-aġenzija tiegħu li kienu ukoll suġġett tal-aġenda li hu kellu sehem biex jiddeċiedi dwarha! Din hi informazzjoni li s’issa l-Awtorità tal-Ippjanar ma għamlitx pubblika, għax li kieku kellha tagħmel dan bis-serjetà, malajr inkunu nafu kif l-Awtorità ndukrat ir-reputazzjoni tagħha tul is-snin!
Fil-fehma tiegħi, l-Awtorità tal-Ippjanar hi awtorità amorali, fejn il-prinċipji huma irrelevanti. Għax fl-aħħar mill-aħħar, l-unika ħaġa importanti għall-Awtorità tal-Ippjanar hu li ma tkunx ostaklu għal min irid idawwar lira!
ippubblikat fuq Illum : il-Ħadd 4 t’Awwissu 2019