Min imiss jirriżenja?

responsibility

 

Meta l-Kodiċi tal-Etika dwar il-persuni fil-ħajja pubblika f’Malta jitkellem dwar ir-rigali li dawn jirċievu, dan jagħmlu bl-iskop li jnaqqas il-possibilità li tinħoloq obbligazzjoni bejn il-politiku u min jagħtih ir-rigal. Hemm miżuri differenti fil-Kodiċi tal-Etika dwar il-Membri Parlamentari u f’dak dwar il-Ministri.

Il-Ministri, jgħidilna l-Kodiċi tal-Etika tal-Kabinett ma jistgħux jaċċettaw rigali jew servizzi li l-entità tagħhom jistgħu jpoġġuhom f’obbligazzjoni, kemm jekk din tkun reali kif ukoll jekk tidher li tista’ tkun (regolament 58). Jiġifieri l-obbligu tal-Ministru m’huwiex li jiddikjara x’rigali irċieva, iżda li ma jaċċettahomx.

Il-każ tal-ex-Ministru Joe Cassar hu dwar tlett rigali. L-ewwel rigal kien karozza li min bigħielu ma riedx flus tagħha. Qallu biex flok ma jħallas lilu, jagħti donazzjoni lill-PN.  Iż-żewġ rigali l-oħra huma  sistema tas-sigurtà  u xogħolijiet f’razzett f’Ħad-Dingli: xogħol li sar fi ħwejġu u ħallas għalih ħaddieħor skond irċevuti ppubblikati.  Cassar ikkontesta dak li ntqal dwaru, inkluż b’diskors fil-Parlament. Fl-aħħar, għalkemm baqa’ jinnega li qatt ta’ xi forma ta’ awtorizzazzjoni biex jitħallsu kontijiet f’ismu, Cassar aċċetta li seta ġieb ruħu aħjar u li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement). L-ewwel skuża ruħu u irriżenja minn kelliemi tal-grupp parlamentari tal-PN għall-Kultura u sussegwentement irriżenja ukoll minn Membru Parlamentari.

Sa ftit siegħat qabel mat-Tabib Joe Cassar irriżenja minn Membru Parlamentari, il-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil kien qed jgħid li ma’ hemm l-ebda raġuni għaliex għandu jirriżenja, u dan minħabba li ma kienx hemm fondi pubbliċi involuti. Il-Partit Laburista min-naħa l-oħra kien qed jinsisti għar-riżenja.

Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma kienet mistennija minn ħadd. Il-Partit Nazzjonalista  esprima ruħu ċar: li l-iżball ta’ Cassar ma kienx jiġġustifika la tkeċċija (jew riżenja) mill-Partit u l-anqas riżenja minn Membru Parlamentari.

L-anqas il-Partit Laburista ma emmen li Cassar kien ser jirriżenja.  Minkejja li insista fuq ir-riżenja, ma naħsibx li l-Partit Laburista qatt ried lil Joe Cassar jirriżenja. Għax issa li Cassar irriżenja, l-PL ħoloq problema kbira għalih innifsu. Għax ir-riżenja ta’ Cassar hi issa l-kejl  li jrid iqies Joseph Muscat kull meta jkollu Ministru jew Segretarju Parlamentari fil-Kabinett tiegħu li jiżbalja inkella li jkollu jġorr responsabbiltà politika għal żbalji goffi fid-dikasteru tiegħu.

Joseph Muscat diġà keċċa lil Manwel Mallia mill-Kabinett, meta dan ma kellux il-kuraġġ morali li jerfa’r-responsabbiltà politika tiegħu w jirriżenja fid-dawl tar-rapport tal-inkjesta dwar l-inċident tal-isparatura li fiha kien involut ix-xufier tiegħu. Dan iżda kien kostrett li jagħmlu wara għoxrin ġurnata ta’ tkaxkir tas-saqajn, għax ippressat mill-medja u l-opinjoni pubblika.

Ir-riżenja, meta tkun deċiżjoni politika ġenwina, għandha tkun waħda immedjata u mhux bħala riżultat ta’ pressjoni tal-medja jew tal-opinjoni pubblika. Hekk għamlu l-politiċi ta’ stoffa f’kull parti tad-dinja demokratika. Il-politiku ġenwin m’għandux bżonn suġġerituri biex jirrealizza meta l-iżball hu gravi biżżejjed li jiġġustifika r-riżenja.

Dan il-punt ser jerġa’ jqum fid-dawl tal-investigazzjoni li qed jagħmel l-Awditur Ġenerali dwar l-esproprijazzjoni tal-binja fi Triq iz-Zekka l-Belt. Diġa ġiet konkluża investigazzjoni interna fis-servizz pubbliku u dan ir-rapport ilu f’idejn il-Prim Ministru sa minn Lulju li għadda.

Il-Prim Ministru qiegħed ikaxkar saqajh biex jieħu deċiżjoni dwar il-konklużjonijiet fir-rapport li għandu f’idejh: bl-iskuża li qed jistenna lill-Awditur Ġenerali jippreżenta r-rapport tiegħu.

Waqt li l-Prim Ministru b’solennità jiddikjara li qiegħed jistenna lill-Awditur Ġenerali, dawk ta’ madwaru (bla dubju bil-kunsens tiegħu) għalfu lil sezzjoni tal-istampa b’biċċiet mir-rapport intern li s’issa għadu kunfidenzjali. Kien ikun ħafna iktar għaqli kieku l-Prim Ministru jippubblika immedjatament ir-rapport kollu (u mhux biċċiet minnu kif jaqbel) u jieħu passi immedjati dwar dak li jirriżulta mir-rapport.  Hi ipokrezija politika li l-ewwel tiddikjara li mhux ser tippubblika r-rapport biex ma tinfluwenzax lill-Awditur Ġenerali, u mbagħad tippermetti l-pubblikazzjoni ta’ partijiet minnu.

Ftit ġranet wara li dan ir-rapport kien ippreżentat lill-Gvern, lejn tmiem Lulju 2015 kumbinazzjoni, irriżenja d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Propjetà tal-Gvern. Dakinnhar intqal li din ir-riżenja kienet għal raġunijiet personali. Ovvjament, emmen jekk trid. Bosta, jiena nkluż, ma tantx huma konvinti minn dawn il-kumbinazzjonijiet.

Bosta jemmnu li d-Direttur Ġenerali, li ntqal li irriżenja għal raġunijiet personali, kien il-ħaruf tas-sagrifċċju li ġarr fuq spallejh il-piż kollu. Jekk dan hu hekk, hu żbaljat li jġorr il-piż waħdu. Huwa għalhekk ukoll li qed tikber il-pressjoni pubblika biex is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon jerfa’ r-responsabbiltà politika għall-amministrazzjoni ħażina tat-taqsima tal-Propjetà tal-Gvern u jirriżenja.  Ir-reżistenza biex dan isir la tagħmel ġid lil Falzon u l-anqas lill-Gvern.  Lil Falzon nafu bħala bniedem raġjonevoli li bla dubju jifhem id-differenza bejn responsabbiltà personali u responsabbiltà politika. Nifhem li ftit għandu eżempji tajbin fuq xiex jimxi, peró tajjeb li jifhem li dik hi l-unika triq onorevoli.

Fil-każ ta’ Manwel Mallia damu jaħsbuha għoxrin ġurnata biex jiġi mwarrab. Joe Cassar dam jaħsibha ftit ġranet biex irriżenja. Michael Falzon għandu jrabbi ftit tal-kuraġġ biex hu ukoll jerfa’ r-responsabbiltajiet politiċi tiegħu. Huwa responsabbli għal mod kif iġibu ruħhom ta’ taħtu.

Ir-riżenja ta’ Joe Cassar ma naħsibx li tħallilu wisq alternattivi. Billi jkaxkar saqajh m’hu ser isolvi xejn.

 

pubblikat f’ILLUM : il-Ħadd 8 ta’ Novembru 2015

Advertisements

Wara r-riżenja ta’ Joe Cassar

Joe Cassar2

Joe Cassar għamel sewwa li irriżenja. Kieku irriżenja qabel kien ikun aħjar. Nhar il-Ħadd diġa għamel apoloġija lill-votanti minħabba li irrealizza li għamel żball ta’ ġudizzju (error of judgement).

Kulħadd jiżbalja, imma l-iżball tal-Ministru għandu piż ferm ikbar. U meta Joe Cassar għamel l-iżball kien Ministru tas-Saħħa.

It-triq li issa għażel Joe Cassar hi it-triq tal-irġulija. Għax li tgħid li jiddispjaċik, li tgħid sorry, mhux biżżejjed.

Il-pass ta’ Cassar hu lezzjoni għal oħrajn li, fil-passat, flok irreżenjaw qalu sorry u waqfu hemm, kif ukoll punt ta’ referenza għal dak li għadu ġej. L-iżbalji politiċi ta’ ċerta gravità ma jissewwewx bis-sorry, imma bir-riżenja ta’ min jagħmilhom jew jippermettihom.

Hi sfortuna li Cassar ma irrealizzax x’kien għaddej madwaru, sakemm kien tard wisq. Huwa f’dan is-sens li wieħed irid jifhem il-kummenti tiegħu tul il-ġranet li żviluppa l-każ fil-pubbliku.

F’kitba oħra tiegħi fuq dan il-blog jiena iddeskrivejtu bħala baħnan fis-sens ta’ naive. Cassar żbalja għax fada u dan il-fatt kien hemm min approfitta ruħu minnu fil-logħba ta’ ħmieġ politiku li għaddejja bħalissa fil-pajjiż. Peró il-fatt li kienu tlett żbalji, wieħed wara l-ieħor, u li għalihom ma kienx hemm spjegazzjoni li tagħmel sens fisser, li l-jiem ta’ Cassar kienu magħduda.

Hu inevitabbli li din ir-riżenja għandha twassal għal iktar riżenji. Meta, ma nafx. Imma naħseb li mhux il-bogħod li miż-żewġ naħat tal-Kamra ikun inevitabbli li l-imġieba tkun ftit iktar onorevoli, bil-fatti.