Boycott ta’ Gasan u Tumas? X’inhi l-mira?

target1

 

L-iskop ta’ Martin Scicluna u Edward Mallia li jħeġġu boycott tas-servizzi u prodotti li joffru l-kumpaniji fil-gruppi ta’ Gasan u Tumas għandu intenzjonijiet tajba.  Imma l-boycott avolja għandu l-merti tiegħu hu arma qadima u biex ikun effettiv irid jitħaddem sewwa fuq tul ta’ żmien.

Hu iktar għaqli li l-familja ambjentalista tpoġġi fil-mira l-proċess tal-finanzjament tal-proġetti nfushom.

Fil-mira għandu jkun hemm il-bonds li jridu jinħarġu, il-bank u l-istockbroker li jieħdu ħsieb is-sejħa għax-xiri tal-bonds.

Azzjoni ta’ din ix-xorta tista’ tkun iktar effettiva għax l-impatt tagħha ikun direttament relatat għall-proġetti tat-torrijiet tal-Imrieħel u Townsquare infushom.

L-injam tal-għamara tiegħek minn fejn ġie ?

 

 

Mhux biss l-għamara, iżda l-bibien ukoll !

 

F’Marzu li għadda l-Friends of the Earth (FoE) ippreżentaw rapport lil Stavros Dimas, Kummissarju tal-EU dwar l-Ambjent, intitolat Building On Forest Destruction. Timber use in EU-financed building projects.

 

F’dan ir-rapport il-FoE jgħidu li nofs l-injam użat fl-Unjoni Ewropea ġej minn żoni fejn il-foresti huma mhedda u fejn is-siġar jinqatgħu b’mod illegali.

 

Il-qtugħ tas-siġar bl-addoċċ (illegal logging) qiegħed jikkontribwixxi għall-bdil fil-klima. Dan billi qiegħed inaqqas dawk li nsejħulhom carbon sinks. Għax is-siġar iservu, fost affarijiet oħra biex isaffu l-arja mill-carbon dioxide u minflok jipproduċu l-ossignu. B’dan il-mod jonqos mill-arja gass li jikkontribwixxi għaż-żieda fit-temperatura.

 

Issa l-injam għandna bżonnu. Imma nistgħu nagħmlu użu minnu b’mod responsabbli, b’mod sostenibbli. Dan isir billi jiġi assigurat li għal kull siġra li tinqata’ titħawwel oħra. Issa l-injam li jinqata’ minn foresti fejn hemm użu sostenibbli tas-siġar huwa ċċertifikat minn organizzazzjoinijiet imwaqqfa apposta bħall-Forest Stewardship Council. Iċ-ċertifikazzjoni li jagħtu dawn ifisser illi min qata’ s-siġra li minnu sar dak l-injam aġixxa b’mod responsabbli, u assigura użu sostenibbli tar-riżorsi tal-foresta.

 

Issa Dimas meta kien ippreżentat b’dan ir-rapport tal-FoE qal li l-EU ser tibda proċess dwar Direttiva fuq l-użu sostenibbli tal-injam. Għax l-EU trid tagħti s-sehem tagħha fil-ġlieda kontra l-bdil tal-klima u kontra l-użu abbużiv tar-riżorsi tal-foresti madwar id-dinja. Meta tidħol fis-seħħ din id-Direttiva, injam jew inkella prodotti tal-injam bla ċertifikazzjoni dwar is-sostenibilita tagħhom ma jkunux jistgħu jinbiegħu facilment.

 

L-ambjent inħarsuh bil-fatti.

Lejn tmiem Mejju 2008 suppost li l-EU tibda l-proċess li jwassal lejn din id-Direttiva ġdida.