L-isfiduċja fil-MEPA tkompli tissaħħaħ

Howard Gardens excavation 101215

 

Barra mill-Imdina, f’Howard Gardens, dal-għodu flimkien ma’ Astrid Vella mill-FAA u l-ambjentalista Alfred Baldacchino indirizzajt konferenza stampa dwar xogħol li qed isir mill-Kunsill Lokali tal-Imdina.

Ix-xogħol jinvolvi tħaffir u tneħħija ta’ ħamrija jidher li ġie approvat mill-MEPA bil-proċedura tad-DNO. Jiġifieri mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni. In-notifika ġġib in-numru DN 2085/15 u jidher li ħarġet nhar l-4 ta’ Novembru li għadda.

Dan imur kontra dak li jgħidu ir-regolamenti għax dan it-tip ta’ approvazzjoni l-MEPA ma tistax taghtiha f’żoni skedati jew protetti.

Normalment dan it-tip ta’ permessi jsiru b’applikazjoni li dwarha jkun hemm perjodu ta’ konsultazzjoni. Fl-aħħar, jekk u meta tapprova, l-MEPA taħtar lil xi ħadd biex jissorvejla u dan minħabba li mhux ħaga rari li meta jsir it-tħaffir fir-Rabat/Mdina li jinstabu fdalijiet storiċi.

Dan kollu ma sarx.

Biex tkompli tgħaqqadha, għal ħin twil ma kien hemm l-ebda informazzjoni elettronika fuq il-website tal-MEPA. Kien biss reċentment li din l-informazzjoni tfaċċat.

Dawn huma affarijiet li jkomplu jsaħħu l-isfiduċja fil-MEPA.

 

Advertisements

Il-ħarsien ta’ Villa Gwardamangia

Villa Guardamangia 07

Għandha raġun Astrid Vella f’isem FAA (Flimkien għal Ambjent Aħjar) li ffukat fuq Villa Gwardamangia fil-konferenza stampa ta’ nhar is-Sibt li għadda. Għax il-wirt storiku tagħna hemm l-obbligu li nieħdu ħsiebu dejjem, irrispettivament minn min hu s-sid tiegħu. Veru li l-istat Malti jgħin. Imma s’issa għin lil min seta jgħin ruħu. Fejn sidien ta’ propjetà ma kellhomx ir-riżorsi neċessarji s’issa ma sar xejn. Jew kważi xejn.

Kien għalhekk inkuraġġanti li fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Gvern qal li qed ifittex soluzzjoni għall-problema ta’ Villa Gwardamangia. Tajjeb. Issa huwa importanti li s-soluzzjoni mhux biss ifittxuha, imma li nsibuha ukoll!

X’għandu jsir?

L-ewwel nett irridu nifhmu li mhux kull sid ta’ propjetà għandu biżżejjed riżorsi biex jieħu ħsieb din it tip ta propjetà.

It-tieni, jekk il-wirt storiku tagħna m’aħniex ser nieħdu ħsiebu bħala nazzjon dan ser ikompli jitmermer u b’hekk, biċċa biċċa,  jintilef darba ghal dejjem.

It-tielet: l-istat għandu l-obbligu li ġaladarba jkun ikklassifika bini bħala protett għandu jassigura li dan il-bini jibqa’ f’kundizzjoni tajba. Ma jagħmilx sens li niċċaqalqu meta l-froġa tkun diġa saret.

Ir-raba’ huwa meta l-bini jingħata l-protezzjoni għall-ewwel darba li l-awtoritajiet għandhom jagħmlu l-verifiki jekk is-sidien tal-bini jistgħux jieħdu ħsiebu. Jekk f’dan l-istadju jistabilixxu li s-sidien ma jistgħux jieħdu ħsieb tal-bini allura l-awtoritajiet għandhom dak il-ħin jagħmlu l-arranġamenti alternattivi meħtieġa biex ikunu huma li jidħlu għal din ir-responsabbiltà. Il-Gvern għandu ħafna strumenti legali li jippermettulu jagħmel arranġamenti ta’ din ix-xorta.

Huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nieħdu ħsieb sewwa tal-wirt storiku tagħna.

Fil-kaz ta’ Villa Gwardamangia din ġiet skedata fl-20 t’April 2001 (ara pjanta hawn taħt). L-iskedar ta’ propjeta’ fil-prattika jfisser li hemm limitazzjonijiet dwar xi żvilupp jista’ jsir fil-bini innifsu (inkluż alterazzjonijiet) u madwaru. Ikun tajjeb illi l-protezzjoni li l-MEPA tagħti lill-bini storiku jkun ifisser ukoll għarfien aħjar tal-obbligu li nżommu dan il-bini f’kundizzjoni tajba.

Il-mistoqsija loġika hi: matul dawn l-14-il sena x’sar mill-awtoritajiet biex jassiguraw ruħhom li Villa Gwardamangia tinżamm f’kundizzjoni tajba?

It-tweġiba ovvja hi : xejn. Għax li sar xi ħaga ma kienitx tkun fil-kundizzjoni li hi illum.

Ikun għaldaqstant xieraq li meta l-awtoritajiet Maltin jagħtu l-protezzjoni lill-bini storiku tagħna jieħdu ukoll passi biex jassiguraw ruħhom li dan ser jinżamm f’kundizzjoni tajba.

Villa GMangia scheduling2

Il-mutetti ta’ Joseph Muscat u Ġieħ ir-Repubblika

Moviment Graffiti developers rule.hakma tal-ispekulaturi

Illum kienet l-ewwel okkazjoni  li fiha l-Gvern immexxi minn  Joseph Muscat f’Jum ir-Repubblika kien responsabbli għar-rikonoxximent ta’ Maltin u barranin permezz tal-għoti ta’ Ġieħ ir-Repubblika.

Ġieħ ir-Repubblika u l-Onorifiċenzi l-oħra li jagħti l-istat għandhom l-iskop li permezz tagħhom tkun rikonoxxuta l-ħidma ta’ persuni li jagħmlu ġieħ lill-pajjiż.

Permezz ta’ dan ir-rikonoxximent il-pajjiż ikun qed jgħid grazzi.

Nifhem u naqbel mal-għażla ta’ Joanne Cassar għal Ġieħ ir-Repubblika. Tirrappreżenta lill-komunita’ transgender u l-ġlieda ta’ din il-komunita kontra id-diskriminazzjoni imposta’ fuqhom mill-istat Malti tul is-snin.

Imma fil-waqt li tirrikonoxxi lil Joanne Cassar kif tista’ fl-istess nifs tagħti l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu lil Valentina Matviyenko, politika Russa li tikkampanja attivament kontra id-drittijiet tal-persuni LGBTI?

Xi ħadd f’Kastilja ma jafx x’inhu jagħmel.

Għandu raġun Alex Vella Ġera li irrifjuta Ġieħ ir-Repubblika għax ma jridx ikun assoċjat ma dan it-teatrin.

It-teatrin ma waqafx hawn.

Ġieħ ir-Repubblika ingħata ukoll lil Astrid Vella. Jixraqilha. Ħaqqha għal mod determinat kif kienet strumentali tul is-snin (flimkien ma bosta oħrajn) li ġġib l-istupru ambjentali fuq l-aġenda nazzjonali. Imma kif tista’ l-istess id li tapprova Ġieħ ir-Repubblika lil Astrid Vella tmexxi l-quddiem ir-reklamazzjoni tal-baħar,  l-iżvilupp fl-ODZ   kif ukoll tiġġustifika l-istupru fuq l-Għolja tax-Xemxija (ex-mistra Village)?

Kien jonqos biss li jagħti Ġieħ ir-Repubblika lil dawk id-9 membri tal-Bord tal-MEPA li ivvutaw favur il-permess tal-iżvilupp enormi fuq l-art tal-Mistra Village.

Il-permess tal-Mistra Village: ftit riflessjonijiet

Mistra Village proposed development

L-approvazzjoni għall-ħruġ ta’ permess finali biex dak li kien il-Mistra Village ikun żviluppat m’hu xejn ġdid. Bħalu kellna u ser ikollna bil-gzuz.

Imma hemm numru ta’ affarijiet li ġraw li ta’ min jaħseb ftit dwarhom.

L-ewwel nett insellem lil Simone Mizzi minn Din l-Art Ħelwa u Astrid Vella minn Flimkien għal Ambjent Aħjar li ippresentaw il-każ f’isem is-soċjeta’ ċivili. Li ma rnexxilhomx jikkonvinċu maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA mhux tort tagħhom. L-approvazzjoni tal-permess hi kaġun tal-fatt li l-maġġoranza tal-membri tal-Bord tal-MEPA jaħsbuha b’mod differenti.

Kien hemm wieħed mill-membri tal-Bord li ddejjaq bil-kummenti li kienu għaddejjin u ħin minnhom żbroffa u qal li kulħadd irid jifhem li l-Bord tal-MEPA kif kostitwit illum għandu fuq spallejh obbligi li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ qabel.

Issa huwa veru li kien hemm outline permit, jiġifieri permess fil-prinċipju. Imma hu veru ukoll li fil-passat kien hemm ċirkustanzi li fihom il-Bord tal-MEPA xorta ma approvax permess ta’ żvilupp minkejja l-eżistenza ta’ outline permit. Hekk kien ġara fil-każ ta’ żvilupp mill-ġdid (redevelopment) tal-fabbrika tas-7 Up f’Santa Venera. Minkejja l-outline permit il-Bord tal-MEPA dakinnhar immexxi minn Austin Walker kien irrifjuta li joħroġ permess ta’ żvilupp.

Punt ieħor huma l-veduti li jikkuntrastaw fi ħdan il-PN. Ir-rapprezentant tal-Partit Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA ippropona li l-iżvilupp propost jitnaqqas u dan biex jonqos l-impatt fuq ir-residenti. Dan jikkuntrasta mal-presenza tal-President tal-PN Dr Ann Fenech fil-kwalita’ tagħha ta’ konsulent legali tal-iżviluppaturi mill-Kuwait. Mhux biċċa tiegħi min ikunu l-konsulenti legali tal-iżviluppaturi. Imma huwa importanti li ninnotaw li President tal-Eżekuttiv tal-PN  xejn ma iddejqet li tagħti messaġġ li jikkuntrasta b’mod negattiv mal-posizzjoni li ħa r-rappresentant tal-grupp Parlamentari Nazzjonalista fuq il-Bord tal-MEPA.

Dan iġibni għall-aħħar osservazzjoni. Iż-żewġ partiti fil-Parlament, il-Partit Nazzjonalista u l-Partit Laburista, it-tnejn li huma, kull wieħed bil-mod tiegħu, fittxew li jaġevolaw l-industrija tal-bini.

Tul is-snin il-PN ipprova jitħabbeb maż-żewġ naħat, kemm mal-industrija tal-bini kif ukoll mal-ambjentalisti. Ir-riżultat hu li m’għandu kredibilita’ ma ħadd għax ma tistax togħġob lil kulħadd.

Il-Labour hu iktar ċar: l-industrija tal-bini għalih hi mutur importanti għall-ekonomija. U ħalef li jagħtiha l-għajnuna kollha possibli. Hekk qed jagħmel. Qed jimxi ma dak li wiegħed.  Il-permess tal-Mistra Village hu wieħed li bħalu għad irridu naraw ħafna oħra.

Nipprotestaw? Iva mela le.  Huwa tajjeb li nuru li ma naqblux ma dawn id-deċiżjonijiet. Imma kien ikun aħjar li iktar nies fehmu x’wegħdu l-PN u l-Labour qabel l-elezzjoni ġenerali. Kieku forsi kien ikun hemm bżonn ta’ inqas protesti.

Imma għal bosta dan it-tip ta’ “żvilupp” ma kienx konsiderazzjoni importanti qabel l-elezzjoni! Huwa biss issa li qed jirrealizzaw li wara kollox dan il-bini b’mod goff ser jeffettwalhom il-kwalita’ ta’ ħajjithom.

Imma issa l-froġa lesta.