Il-biża’ dwar Karmenu Vella: strument biex imexxu l-arloġġ lura

turning back the clock

 

Il-ħatra ta’ Karmenu Vella minn Jean-Claude Juncker biex ikun responsabbli (fost affarijiet oħra) għall-politika ambjentali tal-Unjoni Ewropeja qed tnissel biża’ mhux żgħira fost l-għaqdiet ambjentali Ewropej w internazzjonali.

Karmenu Vella mhux bniedem li jbeżża’ n-nies. Huwa l-programm politiku li għandu quddiemu li hu tal-biża’. Huwa programm politiku li fil-qasam tal-ambjent imexxi l-arloġġ lura.

Jean-Claude Juncker jidher li għandu l-mira li jdgħajjef jew jelimina kull regolament ambjentali li jista’ jitqies bħala li hu ta’ xkiel għall-ħidma ekonomika. Issa meta jingħad kliem f’dan is-sens ifisser li l-business u l-industrija jitħallew jagħmlu li jridu għax dawn iqiesu kull regola bħala li ixxekkilhom fl-iskop uniku tagħhom: dak li jimpalaw l-euros! Regoli li jipproteġu n-nies u l-ambjent. Regoli li jippruvaw jasiguraw imġieba korretta. Dawn kollha qegħdin fil-mira tal-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker.

Karmenu Vella ġej minn pajjiż (u minn partit politiku) li ftit li xejn għandu kredibilita’ fejn tidħol l-osservanza tar-regolamenti ambjentali. Il-lista hi twila u mhux il-Gvern tal-lum biss ta’ kontribut għal din il-fama ħażina: il-Gvernijiet ta’ Gonzi u Fenech Adami ukoll għandhom jerfgħu ir-responsabbilta’ għal dan.

L-għaqdiet ambjentali internazzjonali, għaxra minnhom, mhux minn Karmenu Vella biss qed jibżgħu. Huma inkwetati mill-programm politiku tal-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker li jidher li jrid idawwar l-arloġġ lura fil-qasam ambjentali.

F’ittra pubblika grupp ta’ għaxar għaqdiet ambjentali isemmu r-raġunijiet dettaljati għal din il-biża’ tagħhom kif ġej:

  1. Ir-responsabbiltajiet ambjentali flimkien ma dawk għas-sajd u l-politika marittima taħt Kummissarju wieħed ser idgħajfu l-impenn u l-prijorita’ li għandu jkollha l-politika ambjentali,
  2. L-oġġettiv ewlieni tal-Kummissjoni għall-ħames snin jidher li hu tnaqqis tar-regolamentazzjoni (deregulation),
  3. L-inkarigu ċar u speċifiku lil Karmenu Vella biex jinbidlu id-direttivi dwar l-Għasafar u l-Habitats: hu messaġġ ċar kontra l-ħarsien tal-bijodiversita’,
  4. Ġew imqegħda flimkien, taħt Kummissarju wieħed ukoll, l-enerġija u t-tibdil fil-klima: dan ifisser li l-azzjoni dwar il-bidla fil-klima ser tkun soġġetta għas-suq tal-enerġija,
  5. L-għażla bħala Kummissarju għall-Klima u l-Enerġija ta’ persuna b’kuntatti magħrufa fl-industrija taż-żejt jnissel biża’ addizzjonali ta’ kunflitt ta’ interess,
  6. Iċ-ċaqlieq tar-responsabbilta’ għal Aġenzija Ewropeja dwar il-Kimiċi (u allura d-Direttiva REACH) mid-Direttorat Ġenerali dwar l-Ambjent għad-Direttorat Ġenerali tal-Intrapriża juri b’mod ċar li l-interessi tal-industrija qed jitpoġġew qabel l-interessi tan-nies, qabel il-ħarsien tas-saħħa u qabel konsiderazzjonijiet ta’ ħarsien ambjentali,
  7. Ma hemm l-ebda Viċi President tal-Kummissjoni inkarigat milli jikkorodina l-ħidma ambjentali (ekonomija l-ħadra, żvilupp sostenibbli, ħarsien tar-riżorsi ………….).

 

Dan kollu jfisser li l-Kummissjoni Juncker ser tkun Kummissjoni kontra l-politika ambjentali. Il-kliem li l-għaqdiet ambjentali jużaw hu li ser ikun hemm “a de facto shut-down of EU environmental policy making.”

Din hi l-biża’. Mhux biss biża’ minn Karmenu Vella, imma biża’ li l-Kummissjoni immexxija minn Jean-Claude Juncker ser iddawwar l-arloġġ lura fil-qasam tal-ambjent u Karmenu Vella ser ikun l-istrument biex dan iseħħ.

 

Il-BBQ ta’ Karmenu Vella

Karmenu Vella + Joseph

 

Il-BBQ li l-Parlament Ewropew mistenni jorganizza għal Karmenu Vella ser isir nhar it-Tnejn 29 ta’ Settembru 2014 bejn s-2.30pm u l-5.30pm.

Tlett siegħat sħaħ li fihom huwa mistenni li jwieġeb mistoqsijiet tal-Membri Parlamentari Ewropej dwar l-Ambjent, dwar is-Sajd u dwar il-Politika Marittima. Hu mistenni li fost il-mistoqsijiet ikun hemm xi waħda jew tnejn dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa.

Ikun interessanti ukoll kif Karmenu Vella ser jispjega x’ser jagħmel dwar id-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Habitats liema żewġ direttivi ngħata l-inkarigu speċifiku dwarhom minn Jean-Claude Juncker.

Fl-ittra tal-ħatra  Jean Claude Juncker ipoġġi 5 targets quddiem Karmenu Vella:

  1. L-eżami mill-ġdid tar-regolamentazzjoni ambjentali,
  2. L-istrateġja tal-Unjoni Ewropeja dwar il-kwalita’ tal-arja,
  3. L-ekonomija ċirkulari u r-riżultati miksuba s’issa u dan fid-dawl tal-ewwel reazzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill tal-Ministri,
  4. L-implimentazzjoni tal-istrateġija komuni dwar is-sajd,
  5. Sehem attiv f’fora internazzjonali dwar l-ibħra fi ħdan il-Ġnus Magħquda u fora oħra multilaterali u bilaterali.

Il-Kumitati tal-Parlament Ewropew bla dubju ser ifittxu li jgħarblu l-ideat ta’ Karmenu Vella dwar kif ser iwettaq l-inkarigu l-ingħatalu. Imma fuq kollox, fid-dawl tal-esperjenzi ta’ John Dalli bħala Kummissarju Ewropew bla dubju l-Kumitati tal-Parlament Ewropew ser jistaqsu lil Karmenu Vella diversi mistoqsijiet dwar il-kuntatti tiegħu mad-dinja tan-negozju, dwar il-ħsiebijiet tiegħu fuq il-lobbying kif ukoll kif jaħsibha dwar it-trasparenza.

Ser jissemma ukoll ir-rapport ippubblikat ftit tal-ġranet ilu mill-Corporate Europe Observatory intitolat: Don’t bet on the commissioner: the case of Karmenu Vella of Malta. 

Billi f’dan ir-rapport jingħad li Karmenu Vella “ is not suitable to be a commissioner ” il-membri tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew ikunu jixtiequ jisimgħu mingħand Karmenu Vella għaliex huma għandhom jaslu għal konklużjoni differenti.