Xi ftehim ser jidħol għalih il-Gvern dwar l-elettriku li ser jinxtara mingħand il-kumpanija Electrogas?
Inkunu nafu t-tweġiba meta l-Gvern jippubblika l-informazzjoni dwar il-kuntratt u preferibilment jippubblika l-kuntratt innifsu. Dejjem jekk jippubblikah.
Jiena ma nafx x’fih il-kuntratt. Imma nistenna li jkun fih informazzjoni dwar mekkaniżmu biex ikun varjat il-prezz tal-elettriku li l-Gvern ser jobbliga ruħu li jixtri. Mekkaniżmu bħal dan ikun irid jipprovdi kif l-elementi li jvarjaw fl-ispejjes biex ikun ġenerat l-elettriku jittieħdu in konsiderazzjoni u eventwament jipproduċu prezz rivedut meta dan ikun meħtieġ.
Apparti l-profitti, hemm erba’ elementi li fuqhom inevitabilment ikun ibbażat il-prezz tal-elettriku li l-pajjiż ser jixtri mingħand l-Electrogas.
L-ewwel hemm l-ispejjes tal-impjant u l-finanzjament tiegħu. Dawn l-ispejjes, huma in parti fissi imma hemm parti minn din l-ispiża li tvarja u ċjoe l-interessi li jitħallsu lil min qed jiffinanzja l-proġett. Dawn l-interessi ivarjaw tul il-perjodu tal-kuntratt.
It-tieni hemm l-ispejjes tal-maintenance tal-power station u l-faċilitajiet anċillari għaliha li b’mod ordinarju jistgħu jkunu antiċipati. Ħsara straordinarja tkun koperta minn insurance policy għall-impjant.
It-tielet hemm il-prezz tal-gass innifsu. Il-kalkoli huma fuq prezz partikolari, probabbilment fuq il-prezz tal-lum magħdud miegħu xi varjazzjonijiet. Dan il-prezz tal-gass ser ikun garantit għal perjodu ta’ żmien. Waqt il-kampanja elettorali kienu qalulna li l-prezz tal-gass kien ser ikun garantit għal 10 snin, liema dikjarazzjoni mill-ewwel kien ċar li kienet ħrafa. Probabbilment li l-garanzija tal-prezz tal-gass ser tkun għal tlett snin. Wara t-tlett snin għad irridu naraw x’ser jiġri.
Ir-raba’ hemm il-pagi tal-impjegati li tul il-perjodu ta’ validità tal-kuntratt ser ivarjaw. Dawn ukoll ikunu riflessi fil-prezz tal-elettriku.
Ma nistax nimmaġina li l-ftehim li ser jagħmel il-Gvern mal-Electrogas ma jaħsibx għal dawn il-varjazzjonijiet. Dan mhux biss fl-interess tal-pajjiż imma hu ukoll fl-interess tal-Electrogas.
Ovvjament sakemm il-ftehim jibqa’ mhux pubblikat, dan mhux ser inkunu nafuh. Probabbilment li l-Gvern jibqa’ ma jippubblikax il-kuntratt bl-iskuża tas-sensittività kummerċjali tiegħu.
Filwaqt li m’ hux ġustifikat li l-kuntratt jibqa’ sigriet dan iżda ma jiġġustifikax il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni li qal li “meta jkun fil-Gvern” ma ’ jħossux marbut bil-ftehim u jkun lest li jixtri l-elettriku permezz tal-interconnector minn Sqallija, jekk ikun jaqbel.
Ilkoll nafu li d-deċiżjonijiet ta’ kull Gvern jorbtu lill-Gvernijiet ta’ warajh, kemm jekk taqbel magħhom kif ukoll ma taqbilx. Jorbot mhux biss il-Gvern tal-lum imma ukoll il-Gvernijiet tal-futur.
Din hi it-tieni darba għal Simon Busuttil: xi żmien ilu kien qalilna li meta jkun Prim Ministru jirtira ċ-ċittadinanza li qed tinbiegħ illum mill-Gvern ta’ Muscat. Iżda issa ilu ftit ma jfakkarna dwar dan. Donnu irrealizza li anke dakinnhar żbalja bil-goff.
Is-segretezza tal-Gvern w il-paroli vojt tal-Kap tal-Opposizzjoni ma jagħmlu ġid lil ħadd.