It-tanker tal-gass waqt il-maltemp: fil-port jew barra?

Delimara floating gas stirage terminal

Il-bieraħ fil-gazzetti kellna żewġ rapporti li jgħidu affarijiet bil-maqlub dwar it-tanker tal-gass.

Is-Sunday Times tgħidilna li waqt il-maltemp it-tanker ikollu joħroġ barra mill-port, waqt li l-Malta Independent on Sunday tgħidilna li ser jibqa’ hemm imma li ser jittieħdu miżuri biex ikun protett.

Huwa fatt li l-maltemp fil-Port ta’ Marsaxlokk jista’ jkun qalil. Fil-fatt fil-Freeport stess, minkejja l-protezzjoni parzjali mill-breakwater ukoll ikun hemm id-diffikultajiet tant li  jkollhom jissejħu t-tugboats għall-għajnuna.

L-Independent tikkwota lill-project manager tal-Electrogas li min-naħa tagħha tispjega dwar il-miżuri addizzjonali li huma ippjanati li jittieħdu matul il-ġimgħatejn li ġejjin. Il-project manager Catherine Halpin spjegat lill-Independent li ser tkun stallata fil-port sistema speċjali ta’ rmiġġ (mooring system) magħrufa bħala Spread Mooring System li huwa ippjanat li tagħti protezzjoni addizzjonali lit-tanker li ser ikun fil-port b’mod permanenti meta jkun hemm il-maltemp.

Tajjeb li issa għandna din l-informazzjoni għax s’issa ma jidhirx li huma aċċessibli r-rapporti li jeżistu dwar dawn il-miżuri.

Nistennew u naraw eżattament x’ser jiġri.

Il-klijenti ta’ Victor Axiak u Timothy Gambin

Delimara EIA contents

 

Fl-artiklu tagħha tal-bieraħ il-Ħadd fuq is-Sunday Times intitolat Of hats and despicability, Claire Bonello identifikat problema oħra kbira konnessa mal-proċess tal-permessi tat-torrijiet tal-Imrieħel u Tas-Sliema (Townsquare).

Victor Axiak u Timothy Gambin fil-passat riċenti kellhom fost il-klijenti tagħhom lill-gruppi ta’ Gasan u ta’ Tumas li jiffurmaw parti mill-konsortium li twaqqaf għall-Power Station tal-Gass f’Delimara. Għalihom Victor Axiak u Timothy Gambin għamlu xogħol li kien jikkonsisti fi studji dwar impatti ambjentali ta’ dak il-proġett. Axiak dwar l-ekoloġija marittima u Gambin dwar l-arkejoloġija marittima. Ir-ritratt ta’ hawn fuq juri paġna mir-rapport tal-EIA dwar il-power station li taħdem bil-gass f’Delimara bl-ismijiet ta’ Axiak u Gambin u l-oqsma li rrappurtaw dwarhom.

Il-mistoqsija ċara hi jekk hux etiku li Axiak u Gambin jieħdu sehem f’laqgħat tal-Awtorità tal-Ippjanar li fihom jagħtu l-opinjoni u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet tal-klijenti tagħhom.

Axiak ma attendiex għal uħud mil-laqgħat. Imma la hu u l-anqas Gambin ma ħassew il-ħtieġa li jgħidu li għandhom xi konflitt ta’ interess. Din x’serjetà hi?

L-imġieba korretta mhiex qegħda għall-politiċi biss iżda ukoll għal kull min hu involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet.