Ftit ħsibijiet dwar il-baġit li jmiss

F’dawn il-ġranet, fil-Ministeru tal-Finanzi jkun qed isir ix-xogħol preparattiv dwar il-baġit li normalment ikunu imħabbar matul ix-xahar ta’ Ottubru.

Il-Ministru tal-Finanzi, mid-dehra diġa ddeċieda li jagħti l-aħħar irtokki biex ikompli jiffinanzja l-klijenteliżmu fl-Air Malta.  Dan hu proġett fit-tul li l-ħidma dwaru ilha għaddejja fuqu mill-predeċessuri tiegħu. Proġett li jinvolvi iktar miljuni ta’ euro ġejjin mit-taxxi tagħna li ser ikunu moħlija biex jonoraw wegħdiet politiċi li saru matul il-kampanja elettorali tal-elezzjoni ġenerali li għada kif għaddiet. Din hi irregolarità oħra bħat-tqassim tac-ċekkijiet bieb bieb waqt il-kampanja elettorali. Monument “xieraq” għall-klijenteliżmu politiku.

L-għoli tal-ħajja spara l-fuq, bla kontroll. Probabbilment li l-COLA, ż-żieda għall-għoli tal-ħajja għall-pagi,salarji u pensjonijiet, li titħabbar bħala parti mill-baġit li jmiss, tkun madwar €10 fil-ġimgħa. Il-Ministru Clyde Caruana diġa qal li din kienet tkun sostanzjalment għola minn hekk kieku l-Gvern ma issussidjax il-petrol/dijsil u l-kontijiet tal-elettriku u l-ilma.

Hemm ħtieġa li niddiskutu ftit iktar dawn is-sussidji biex ikunu aħjar, iktar effettivi u li jilħqu lil min verament jeħtieġhom. Fiċ-ċirkustanzi attwali hi politika tajba li l-użu bażiku jkun issussidjat, imma mhux għaqli li fuq tul ta’ żmien dan jibqa’ sussidju sħiħ għall-konsum kollu. Għax is-sussidji mhux qed imorru għand il-vulnerabbli biss: min mhux vulnerabbli għandu bżonn inqas tas-sussidji tal-lum.  Is-sussidji jeħtieġ li jkunu ffukati jekk irridu li l-pajjiż ikun ta’ għajnuna utli għall-vulnerabbli. Għax ir-riżorsi tal-pajjiż ma jippermettux li nibqgħu sejrin kif aħna fit-tul.

Xi ġranet ilu, s-sussidju fuq il-fuel li jieħdu l-inġenji tal-baħar tneħħa. Dan hu sewwa u seta ġie evitat mill-bidu. Imma dan mhux biżżejjed.  It-tnaqqis gradwali tas-sussidji fuq il-petrol u d-dijżil mhux biss inaqqas il-karozzi mit-toroq u jtejjeb il-kwalità tal-arja, imma fuq kollox jagħmilha possibli li iktar finanzi jkunu allokati għal oqsma oħra li tant jeħtieġu l-attenzjoni.

Il-Kamra tal-Kummerċ għamlet tajjeb li tkellmet dwar ftit iktar ħsieb fuq kif ikunu issussidjati l-kontijiet tal-elettriku u l-ilma. Anke f’dan il-qasam hu l-użu bażiku li għandu jkun issussidjat. Sussidji iktar minn hekk ifisser li anke l-użu esaġerat tal-elettriku u l-ilma qed ikun issussidjat. Dan hu użu ħażin ta’ fondi pubbliċi lijista’ jkun indirizzat bla diffikultà.

Naqbel perfettament ma’ Josef Bugeja tal-GWU li iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għandha titħallas kollha lil min jaħdem (u lill-pensjonanti). Il-COLA mhiex, wara kollox, żieda fil-paga imma tipprova tagħmel tajjeb għall-impatt tal-inflazzjoni fuq il-paga, salarju jew pensjoni.

Imma tibqa’ l-ħtieġa ta’ bidla mill-qiegħ dwar il-politika li tikkonċerna l-pagi (incomes policy) biex din tkun dejjem iktar relevanti għaż-żmien li qed ngħixu fih.

Ilna ħafna nitkellmu dwar il-ħtieġa li l-baskett ta’ oġġetti u servizzi li jservu biex fuqhom tinħadem il-paga minima u l-COLA jkun revedut biex ikun assigurat li dan jirrifletti l-ħtiġijiet tal-lum. L-istudji li ippubblikat il-Caritas tul dawn l-aħħar snin jiffukaw eżattament fuq hekk. Minn dawn l-istudji joħroġ ċar li reviżjoni tal-baskett ta’ oġġetti u servizzi jwassal għal żieda inevitabbli ta’ 40 fil-mija fil-paga minima kurrenti. Li dan ikun indirizzat bla iktar dewmien hu essenzjali. Ifisser, skond dawn l-istudji tal-Caritas, li paga minima diċenti għandha tkun ta’ madwar l- €14,000 fis-sena.

L-inflazzjoni  sostanzjali ta’ din is-sena jfisser li l-vulnerabbli fostna għaddejjin minn żmien diffiċli. F’dawn iċ-ċirkustanzi ikun mill-iktar raġjonevoli li l-COLA titħallas darbtejn fis-sena: fl-1 ta’ Lulju u l-1 ta’ Jannar. Dan ma jżidx l-ammont li jitħallas imma billi dan jinqasam fi tnejn, u parti titħallas sitt xhur qabel, inaqqas ħafna l-piz fuq spallejn il-vulnerabbli.

Għadna qed nistennew lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi biex iwettaq dak li wiegħed is-sena l-oħra bl-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu speċjali li jipproteġi lill-vulnerabbli mill-impatti tal-għoli tal-ħajja. Għadna nistennew, imma l-Onorevoli Ministru jidher li hu iktar ippreokkupat biex jonora l-wegħdiet konnessi mal-klijenteliżmu politiku fl-Air Malta.

ippubblikat fuq : Illum: 21 t’Awwissu 2022

Issa li ħareġ ir-riżultat finali tal-elezzjoni!

F’dawn il-mumenti li qed joħorġu l-aħħar riżultati qed issir magħrufa l-komposizzjoni tal-Parlament.

Il-Parlament issa hu magħmul minn 79 membru parlamentari.

Ir-riforma li saret setgħet tat riżultati aħjar. Minflok kompliet għaffġet.

Għal uħud, li daħlu fil-Parlament 12-il mara bil-mekkaniżmu tal-ġeneru hu mument ta’ ċelebrazzjoni.

Naħseb li mhux. Anzi hu mument ta’ negazzjoni tal-proċess demokratiku.

Mhux qed nikkritika l-fatt li l-Parlament aġxxa biex jindirizza l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-komposizzjoni tal-Parlament wara l-elezzjoni. Il-kritika tiegħi u tal-partit li mmexxi hi iffukata fuq il-mod kif dan sar.

Il-Parlament spiċċa biex raqqa’ s-sistema elettorali b’mod li sistema elettorali mimlija difetti saret agħar milli kienet.

Il-Partit Laburista illum ghandu 38+ 6 = 44 siġġu parlamentari u l-Partit Nazzjonalista illum ghandu 27+ 2+ 6 = 35 siġġu parlamentari : b’kollox 79.

Il-Partit Laburista kiseb 162,707 voti fl-ewwel għadd: jiġifieri kull wieħed mill-44 siġġu parlamentari tal-PL qed jirrappreżenta 3698 vot. Il-Partit Nazzjonalista kiseb 123,233 vot fl-ewwel għadd: jiġifieri kull wieħed mill-35 siġġu parlamentari tal-PN qed jirrappreżenta 3521 vot.

L-ADPD fl-ewwel għadd kisbet 4747 voti. Bl-istess kejl li l-PN u l-PL qed japplikaw għalihom infushom aħna għandna dritt għal siġġu parlamentari aħna ukoll. Dik hi r-realtà tar-riforma li trodd il-proporzjonalità lill-PLPN u iċċaħħadha lill-bqija.

Kien hemm soluzzjonijiet oħra li kienu jirrispettaw il-volontà tal-elettorat. Sfortunatamanet dawn ġew skartati. Fid-dokument li ippreżentajna għall-konsiderazzjoni tal-kovenzjoni kostituzzjonali kif ukoll fis-sottomissjonijiet fil-proċess konsultattiv dwar kif għandu jkun indirizzat l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-parlament repetutament għidna li hu possibli li jkollna parlament ta’ 65 membru, li jirrappreżenta proporzjonalment lill-elettorat li jagħżlu kif ukoll li jkun iktar rappreżentattiv tal-ġeneri. Imma dejjem sibna l-bibien magħluqin. Ħadd ma ried jiddiskuti.

Soluzzjoni ġusta tirrikjedi tibdil sostanzjali u mhux li tipprova temmen li solvejt problema billi toħloq oħra. Imma hemm wasalna illum!

Il-politka bl-ixkupa

Bħala partit għażilna l-ixkupa bħala s-simbolu politiku għall-elezzjoni tas-26 ta’ Marzu. L-ixkupa hi għodda tal-indafa. Tgħinna nnaddfu. Hi l-għodda tal-kennies, il-ħaddiem umli li jnaddaf it-toroq tagħna wara li aħna nkunu ħammiġnihom

Kull politiku għandu jkun kapaċi japprezza l-indafa. Għandu jkun kapaċi jmidd għonqu għax xogħol u jkun il-kennies tal-ħajja pubblika. Il-membri tal-parlament għandhom ikunu l-kenniesa tal-politika, determinati li jnaddfu, li jħarsu l-integrità tal-ħajja pubblika u fuq kollox jassiguraw li jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa f’waqthom, mingħajr tkaxkir tas-saqajn.  

Il-Manifest ta’ ADPD ġie ippubblikat f’nofs il-ġimgħa iwassal messaġġ ċar li Xkupa ħadra tnaddaf.

Hemm ħafna x’jeħtieġ li jsir biex dan il-pajjiż jinġieb lura għan-normal. Partiti oħra għandhom viżjoni u attitudni differenti u jwasslu messaġġi li ġeneralment jikkuntrastaw ma tagħna. Hemm iżda oqsma fejn hemm qbil u dan hu tajjeb. Għandi nifhem li ilkoll wara kollox nixtiequ l-ġid lil dan il-pajjiż avolja dan ma jkunx dejjem ċar.

Għandna nifhmu li qegħdin naħdmu għall-istess pajjiż, anke jekk b’viżjoni differenti u li kulltant tikkuntrasta! Għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nikkontribwixxu għal dibattitu pubbliku pożittiv. Il-kritika tagħna għal dak li jingħad hi essenzjali, imma hi kritika li trid issir dejjem b’mod responsabbli.

L-aħħar xhur tal-ħidma parlamentari kienet iddominata minn diskussjoni dwar rapporti tal-Kummissarju dwar l-iStandards fil-Ħajja Pubblika dwar l-imġieba mhux korretta ta’ uħud mill-membri parlamentari. Dawn ir-rapporti wasslu għar-riżenja ta’ żewġ membri tal-Kabinett u ta’ Segretarju Permanenti.  Kien hemm reżistenza biex isiru dawn ir-riżenji. Hi sfortuna li l-Prim  Ministru xejn ma kien deċiżiv fiż-żewġ każi: ħa passi biss wara pressjoni sostanzjali mis-soċjetà ċivili.

Hu fatt magħruf li d-dinja tan-negozju u l-poter politku huma viċin wisq ta’ xulxin. Dan hu ta’ ostaklu għall-kontabilità, għat-trasparenza u ġhall-osservanza tal-etika fil-ħajja pubblika. Aħna f’ADPD ilna s-snin ngħiduh dan. Anke is-soċjetà ċivili ilha ssemma leħinha dwar dan. Issa anke l-Kummissjoni ta’ inkjesta li investigat iċ-ċirkustanzi li wasslu għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ikkonfermat din il-konnessjoni mhux mixtieqa bejn il-politika u d-dinja tan-negozju. Qegħdin viċin wisq!   

Għandna ħtieġa ta’ Parlament li jkollu sensittività etika.  Għandna bżonn iktar membri parlamentari ta’ integrità, kapaċi jgħarblu b’mod konsistenti l-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika. Neħtieġu istituzzjonijiet b’karattru u b’sinsla. Għandna bżonn ta’ Parlament li jinkludi kandidati ta’ ADPD eletti mid-distretti differenti. Kandidati li mhux qegħdin fil-ġirja għal xi interess personali, tagħhom jew ta’ oħrajn, imma biss għas-servizz tal-komunità kollha.

NagħmeI emfasi fuq il-verb “jinkludi” u dan billi l-kandidati ta’ ADPD mhumiex l-uniċi li jistgħu jagħtu kontribut pożittiv għall-iżvilupp tal-politka f’pajjiżna.  Nitkellem b’rispett dwar il-kandidati l-oħra ippreżentati mill-partiti politiċi l-oħrajn. Il-parti l-kbira minnhom huma nisa u irġiel iddedikati li qed jagħtu servizz ġenwin lill-komunità tagħna huma ukoll.

Il-manifest elettorali ta’ ADPD jittratta numru mhux żgħir ta’ proposti li għandhom impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna. Mhux manifest ta’ Father Christmas iqassam ir-rigali imma hu presentazzjoni ta’ viżjoni li irridu nimxu fuqha.

L-agenda tagħna hi li nkunu ta’ servizz għall-komunità kollha.

L-indafa fil-politika hi essenzjali. Mingħajr indafa ma nistgħux naħdmu sewwa. Aħna irridu li nkunu l-għodda għat-tiġdid tal-politika fil-pajjiż. L-ixkupa ħadra li tnaddaf. B’politika li tagħti servizz illum  waqt li tkun attenta dwar l-impatti fuq għada. B’hekk nistgħu nassiguraw li l-ħidma tal-lum ma xxekkilx lill-ġenerazzjonijiet futuri mid-dritt tagħhom li jieħdu id-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa minnhom.

F’dan il-mument kritiku il-politika bl-ixkupa hi l-unika triq vijabbli l-quddiem. Il-politika Maltija għandha bżonn tindifa nobis!

Ippubblikat fuq Illum: il-Ħadd 6 ta’ Marzu 2022