Mhux budget ħażin …………. iżda budget sfukat

budget-briefcase

Segwejt il-budget u qrajt uħud mill-kummenti dwaru.  Il-budget mhux wieħed ħażin iżda huwa sfukat. Fih miżuri posittivi. Fih ukoll numru ta’ miżuri kontradittorji.

Meta tħares lejn l-estimi l-ewwel mistoqsija loġika hi dwar id-dħul li l-Gvern qiegħed jipproġetta. Billi f’Gunju li għadda d-dħul mill-VAT u t-taxxa tad-dħul kienu baxxi meta mqabbla ma dak proġettat, għadu mhux ċar jekk il-projezzjonijiet tad-dħul tal-Gvern għall-2014 humiex ottimisti ż-żejjed. Issa skont il-Ministru tal-Finanzi l-projezzjonijiet li fuqhom huwa bbażat il-budget ġew verifikati mill-Awditur Ġenerali. Dan għandu jserrħilna moħħna imma l-Ministru għandu jippubblika l-konklużjonijiet  tal-Awditur Ġenerali.

Inqis it-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-bidu tal-proċess tal-ftuħ ta’ childcare centres b’xejn, l-emfasi fuq il-kunċett ta’ ‘making work pay’, kif ukoll il-proposti ta’ programmi w inċentivi għal żgħażagħ li la qegħdin fis-suq tax-xogħol u l-anqas jistudjaw fost il-miżuri pożittivi ewlenin tal-budget imressqa l-bieraħ mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Madanakollu meta tħares lejn il-budget fit-totalita’ tiegħu Alternattiva Demokratika tħoss li  huwa sfukat u filwaqt li hemm ftit kliem fuq kollox, il-propost konkreti li fih huma ftit. Fih  ukoll numru ta’ kontradizzjonijiet.

F’xi oqsma m’hemmx direzzjoni ċara. Eżempju ta’ dan huwa fejn jidħlu l-awtoritajiet u l-kummissjonijiet, għax minflok jissimplifika l-amministrazzjoni l-Gvern qed jikkomplika l-affarijiet. F’pajjiz żgħir fid-daqs bħal Malta, minflok ma jkompli jikkonsolida l-awtoritajiet il-Gvern qed jerġa’ jisparpalja r-riżorsi bil-ħolqien ta’ awtoritajiet u kummissjonijiet ġodda. Eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien tal- Awtorita dwar l-Avjazzjoni, liema qasam se jerga jinqata’ minn Transport Malta u dan wara li matul l-aħħar snin kienet seħħet il-konsolidazzjoni ta’ l-oqsma kollha konnessi mat-trasport f’Awtorita’ waħda . B’id waħda l-Gvern jipprietka kontra l-burokrazija u bl-oħra jkattarha.

Fil-budget il-Gvern jemfasizza l-bżonn tal-ħarsien tal-kosta, iżda imbagħad iħalli l-oxxenita ambjentali kbira tal-abbużi tal-bini illegali fuq art pubblika fl-Armier. Tisemmi emfasi fuq il-monitoraġġ tal-kwalita’ tal-arja imma fl-istess ħin ser jiżdied it-traffiku fil-Belt Valletta. Għax il-problema  tal-Belt Valletta mhiex ic-CVA imma in-nuqqas ta’ spazji għal parkeġġ u allura hu inutli illi l-karozzi jistgħu jidħlu bla ħlas wara is-2.00pm u nhar ta’ Sibt jekk spazju fejn jipparkjaw ma hemmx. L-uniku impatt li miżura bħal din ser ikollha fuq il-Belt hu ta’ karozzi jduru jfittxu fejn jipparkjaw bil-konsegwenza ta’ iktar emissjonjiet li bla dubju jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalita’ tal-arja.

Dan iwassal għal konklużjoni loġika li tal-inqas għalissa l-Gvern qata’ qalbu li jkun hemm trasport pubbliku sura, anke lejn il-Belt. M’hemm l-ebda referenza għal inkoraggiment ta’ mezzi alternattivi ta’ trasport u lanqas ma jissemmew ideat dwar kif se titjieb s-sistema tat-trasport pubbliku. Il-budget jistaħba wara in-negozjati mal-Arriva li għadhom pendenti u fi stadju delikat.

Jidher ukoll li l-Gvern qata’ qalbu li għalissa jsolvi l-problema ta’ tfal li qed jitwasslu kmieni ħafna l-iskola. Is-soluzzjoni li ħareġ biha hija li joffri kolazzjon lit-tfal li jkun kmieni l-iskola. Dan flok ma ttanta li jfassal strateġija kredibbli li ssaħħaħ t-trasport lejn l-iskejjel.

Filwaqt li t-taxxi għal min jaqla’ l-aktar ikomplu jonqsu, l-persuni b’diżabilita se jibqgħu b’pensjoni miżera ta’ nofs il-paga minima. Fl-istess ħin il-paga minima, li tfisser li familji sħaħ jgħixu fil-periklu tal-faqar, se tibqa’ l-istess. Il-proposti tal-Caritas għal bidla fil-paga minima bħala strument ta’ għajnuna lill-kategoriji l-iktar vulnerabbli fis-soċjeta ġie injorat.  L-aġġustament għall-għoli tal-ħajja fil-paga minima jħalliha fl-istess ilma.

Għal Alternattiva Demokratika il-budget għaldaqstant m’huwiex wieħed negattiv iżda sfukat.

ippubblikat fuq iNews it-Tlieta 5 ta’ Novembru 2013

Reġistrazzjoni tal-karozzi – bdil fit-taxxa

Il-Ministru tal-Finanżi Tonio Fenech qal lis-Sunday Times li m’hemmx għalfejn noqgħodu lura milli nixtru l-karozzi. Dan qalu fil-kuntest ta’ rapport li kien hemm tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ ta’ karozzi minn Novembru li għadda meta sar magħruf illi l-Gvern kien fi ħsiebu jirrevedi t-taxxa tar-reġistrazzjoni tal-karozzi. Issa fir-realta’ r-riforma ser tindiriza tlett affarijiet.

L-ewwel ser tindirizza t-twissija mill-EU li ma jistax ikun hemm ħlas ta’ VAT fuq it-taxxa tar-registrazzjoni. M’hemmx taxxa fuq taxxa.

It-tieni ser tindirizza d-diskriminazzjoni fir-rati tal-ħlas bejn karozzi ġodda u karozzi second hand. Biex dan ikun jista’ jsir il-Gvern ħabbar illi ser jorbot ir-rata tal-ħlas mal-emissjonijiet tal-karozzi. Kif dan ser isir għadu mhux magħruf. Hemm iżda bosta modi kif jista’ jsir. L-ewwel irid jiġi stabilit x’inhu l-oġġettiv : jiġifieri jekk huwiex wieħed finanzjarju jew inkella wieħed ambjentali. Inkella jekk għandux mit-tnejn. Minn dan jiddependi x’ser jipproponi l-Gvern.

Fix-xhur li ġejjin inkunu nafu għax ġa tħabbar illi fid-dokument ta’ qabel il-budget li normalment jiġi ppubblikat f’nofs is-sena ser tibda konsultazzjoni pubblika.

Taxxi ambjentali

solar_panel_497106_2.jpg

bims06gj_m0007.jpg

Is-summit tal-EU fi tmiem il-ġimgħa l-oħra qabel fost oħrajn li jikkunsidra t-tnaqqis tal-VAT minn minimu ta’ 15% għal minimu ta’ 5% fuq dawk l-oġġetti li jikkawżaw anqas ħsara ambjentali. (ghafas hawn). 

Il-proposti finali huma mistennija fis-sajf li ġej meta l-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposti dwar il-VAT li jkun meħtieġ l-approvazzjoni unanima biex dawn jidħlu fis-seħħ.

Wasal iż-żmien li aħna wkoll f’Malta nibdew diskussjoni bis-serjeta’ fuq dan is-suġġett. Fuq l-eko-kontribuzzjoni u kemm din irnexxielha tnaqqas l-impatti ambjentali. Fuq it-taxxa dwar ir-registrazzjoni tal-karozzi u kif din tista’ tkun sostitwita b’taxxa alternattiva li jirnexxielha tinkuraġixxi l-użu tat-trasport pubbliku. Biex dan iseħħ jeħtieġ transport pubbliku effiċjenti li jservi lil kull rokna ta’ Malta.

Din hi materja li dwarha m’għandux ikun hemm differenzi partiġġjani. Għalkemm huwa ovvju li hemm differenzi kif il-politika tal-partiti differenti tħares lejn ir-rwol ta’ miżuri fiskali biex jitjieb l-ambjent tagħna naħseb li lkoll aħna motivati mix-xewqa li ntejbu l-affarijiet.

Harry għall-Ħabs ? L-Istqarrija

                adsmall.gif    harryv.jpg    

Stqarrija li ħarġet il-bieraħ fil-għaxija   

Waqt konferenza stampa f’Tas-Sliema Dr Harry Vassallo Kap ta’ Alternattiva Demokratika qal li l-kampanja elettorali waslet fil-qiegħ tagħha meta llum ġie infurmat minn ġurnalist tan-Net TV illi multa imposta fuqu mill-qorti kienet ġiet ikkonvertita f’sentejn ħabs. “Din kienet aħbar għalija għaliex id-deċiżjoni tal-qorti li ttieħdet ħames xhur ilu  biex il-multa ssir priġunerija avżawni biha l-pulizija erba’ siegħat wara li kien telaq il-ġurnalist tan-Net television” qal Dr Vassallo. “Din in-nasba ilha tinħema għal ħames xhur billi minflok ġejt avżat immedjatament bli kien seħħ il-qorti, il-fajl tħalla f’xi kexxun għal meta jkun utli għall-Partit Nazzjonalista fl-iżjed kampanja elettorali moqżieża li qatt mexxa.” “Mhux veru dak li deher fil-website tal-Partit Nazzjonalist li dawn il-multi gew imposti fuqi għaliex ma tħallsitx taxxa tal-VAT minn kumpanija jew minni personalment. Dawn il-multi ġew imposti fuqi għaliex kumpanija li ma kellix x’naqsam mat-tmexxija tagħha għal għaxar snin naqset li tibgħat ir-returns tal-VAT. Waqt li kont naħdem magħha u kont immexxi din il-kumpanija dejjem intbagħtu r-returns u tħallset kull taxxa dovuta. Minħabba li ismi baqa’ jidher bħala l-persuna li tibgħat dawn ir-returns il-proċeduri ttieħdu kontrija u weħilt il-multi jien. Illum fl-4.15pm ġew żewġ pulizija l-uffiċċju u tawni kopji ta’ żewġ “Dokumenti Biex Persuna Tinzamm il-Habs” it-tnejn li huma jġibu d-data tal-10 ta’ Ottubru 2007. F’12.00pm kellna konferenza stampa fl-istess uffiċċju li għaliha għall-ewwel darba f’din il-kampanja elettorali attendew ġurnalist u camerman tan-Net TV.  Wara li saret il-konferneza stampa il-ġurnalist tan-Net talabni kumment u staqsieni kontx naf dwar kundanna biex jien nintbagħat il-ħabs. Fil-fatt ma kont nafx bl-ebda kundanna bħal din għaliex il-pulizija ma kienux għadhom kellmuni u minn meta jidher li saret id-deċizjoni tal-qorti ħames xhur ilu jien ma ġejt mgħarraf b’xejn. Madankollu bsart li dak li kien qiegħed jirreferi għalih il-ġurnalista kellu x’jaqsam ma’ każ ta’ multi imposti fuqi bħala l-persuna reġistrata mad-Dipartiment tal-VAT peress li kienux gew ippreżentati r-returns ta’ kumpanija. Jien kemm-il darba tlajt il-qorti dwar dan il-kaz u spjegajt li ma stajtx nippreżenta kontijiet ta’ kumpanija li ma kellix x’naqsam magħha għal iżjed minn għaxar snin. Bil-liġi kif inhi bħalissa l-qorti jidher li ma kelliex għażla ħlief li timponi l-multi u għalhekk tlabt il-maħfra tal-President billi kont qiegħed niġi mmultat eluf ta’ liri mhux għax ma tħallsitx taxxa iżda għax ma ġewx ippreżentati r-returns fi snin meta jien ma kellix kontroll fuq din il-kumpanija li  minna kont irriżenjajt bhala direttur. Fil fatt il-maħfra ġiet miċħuda u jien ippreżentajt rikors għar-rikonsiderazzjoni tal-każ. Minn meta sirt kap ta’ Alternattiva Demokratika ma kellix ħin nipprattika l-professjoni tiegħi u wisq anqas li nkun involut f’attivitajiet ta’ negozju. Id-dhul tiegħi sar ta’ Lm400 fix-xahar bħala impjegat tal-partit. M’hemmx mezz li jien inħallas dawn il-multi li jlaħħqu mas-Lm6000. Illum sirt naf li l-multi mhux imħallsa jissarrfu f’sentejn habs. Waqt li huma mijiet ta’ nies li għaddewhom minn inkwiet bħal dan u oħrajn ħallsu multi kbar  meta ma kellhomx jagħtu ċenteżmu f’taxxa, naħseb li jien biss sibt ruħi mgħarraf dwar sitwazzjoni bħal din minn ġurnalist tan-Net TV ġurnata qabel elezzjoni u 5 xhur wara d-deċiżjoni tal-qorti. Jien kont u għadni tal-fehma li mhix ħaġa raġonevoli li xi ħadd jiġi mmultat l-eluf tal-liri għaliex il-burokrazija titlob li jimtlew ir-returns vojta fil-ħin u l-anqas li xi ħadd jinbagħat il-ħabs meta fil-fatt m’għandux jagħti ta’ xi taxxa li ġabar jew fuq dħul li kien għamel. Jien ma qlajt xejn u ma ġbart l-ebda VAT fis-snin kollha li għalihom ġejt immultat eluf ta’ liri. Sa llum għamilt il-battalja tieghħi fil-privat b’inkwiet kbir għalija għal xhur u snin sħaħ. Ma stajtx nagħmel kampanja pubblika dwar din is-sitwazzjoni minħabba li għandi interess personali u dirett fiha. Iżda llum li l-Partit Nazzjonalista għoġbu jinqeda b’din is-sitwazzjoni personali tiegħi nifraħ li saret ħaġa pubblika u li b’hekk nista’ nwiegħed li nagħmel kampanja biex l-infurzar tal-liġi jsir b’mod raġonevoli u fejn tkun nieqsa xi biċċa karti ma jiġi ttrattat ħadd bħala xi kriminali vjolenti. Rigward l-ordnijiet biex nintbagħat il-ħabs jien rġajt tlabt li tiġi rrikonsidrata t-talba tiegħi biex dawn il-multi eżaġerati ma jkissrunix u ma jagħmlux hsara lill-familja tiegħi. Biex inħallashom meta ma kkommettejt l-ebda reat, ma sraqt l-ebda ċenteżmu taxxa u ma għamilt ebda qliegħ jidhirli li hi piena tal-waħx u kontra r-raġuni. Ma nafx il-President tar-Repubblika jogħġbux li jikkonsidra l-każ tiegħi jew le. Jekk għal darb oħra jkun jidhrilu li ħaqqni nmur il-ħabs għal sentejn għax ħaddiehor ma mliex formola tat-taxxa jien inmur il-ħabs. Li nista’ ngħid minn issa hu li jiġri x’jiġri f’din l-elezzjoni, mmurx il-ħabs jew le jien ser nagħmel kampanja biex burokrazija qattiela bħal din tispicca darba ghal dejjem.