Taxxa fuq propjetà vojta

abandoned property Malta

 

 

Fit-Times tal-bieraħ, l-ekonomista veteran Joe Consiglio jitkellem dwar taxxa fuq propjetà vojta. Dan hu sinjal tajjeb. Anzi, huwa tajjeb ħafna li ekonomisti jiddiskutu din il-materja.

Tajjeb li jkun emfasizzat li Alternattva Demokratika hi l-uniku partit politiku f’Malta li tkellem u ħa posizzjoni favur taxxa bħal din.

Il-proposta ta’ Alternattiva Demokratika ilha li saret 23 sena u għaldaqstant saret fil-kuntest regolatorju ta’ dak iż-żmien, lejliet l-elezzjoni ġenerali tal-1992. Alternattiva Demokratika, dakinnhar kienet preokkupata bl-ispekulazzjoni li kienet qed tirriżulta bħala konsegwenza ta’ propjetà li kienet qed titħalla vojta u abbandunata għal snin twal.

Ftit wara, fl-1993, ġiet introdotta l-Capital Gains Tax li kienet tindirizza parti mill-problema u dan għax, jekk imħaddma tajjeb din it-taxxa tista’ tindirizza sewwa l-issue tal-ispekulazzjoni.

Fl-aħħar budget il-Gvern ħoloq inċentivi (tnaqqis ta’ taxxi) biex jinkoraġixxi d-dħul fis-suq ta’ propjetà li dwarha kien hemm problemi ta’ wirt. Bla dubju dawn l-inċentivi jistgħu jnaqqsu xi ftit il-problema.

F’dan il-kuntest ikun tajjeb jekk niddiskutu iktar taħt liema ċirkustanzi tkun ġustifikata li tkun introdotta taxxa fuq propjetà li titħalla vojta.

L-art f’Malta hi limitata u ma nistgħux nibqgħu nużaw iktar art għall-bini, meta għad hawn min għandu propjetà mibnija u jibqa’ ma jużahiex jew ma jħallihiex tkun użata. Il-liġijiet tal-kera, li inbidlu fl-2008, illum huma iktar raġjonevoli u propjetà tista’ faċilment tinkera għal perjodu limitat sakemm sidha jkollu bżonnha.

Għaldaqstant dawk li setgħu kienu raġunijiet fil-passat (li wieħed seta jifhem) biex propjetà titħalla vojta m’għadhomx jagħmlu sens. Propjetà li ma tintużax u titħalla vojta toħloq pressjoni bla bżonn biex tinbena iżjed art meta Malta ma tistax titlef iktar art għall-kapriċċ ta’ min iħalli l-propjetà tiegħu vojta. Il-pajjiż jonfoq flejjes kbar biex jiżviluppa l-infrastruttura u jagħti servizzi li fejn propjetà tibqa’ vojta jibqgħu ma jintużawx.

F’artiklu li ktibt fl-Independent tal-Ħadd 11 t’Ottubru kont eżaminajt iċ-ċifri ta’ propjetà vojta li jirriżultaw minn l-aħħar ċensiment, dak tal-2011.

F’Malta għandna 71,080 propjeta vojta. Minn dawn 29,848 jintużaw kulltant – probabbilment il-parti l-kbira minnhom huma villeġġatura jew ta’ sidien mhux Maltin li jkunu Malta perjodikament. Il-bqija huma vojta. Uħud vojta għal ftit żmien u oħrajn vojta fit-tul.

Jekk tħalli barra l-propjetà użata bħala villeġġatura, l-ammont ta’ propjetà vojta s-sena kolla xorta jibqa’ enormi: 41,232.

Dan tajjeb?

L-introduzzjoni ta’ taxxa fuq propjetà vojta bla dubju tħajjar ħafna mis-sidien biex jevitaw il-ħlas tat-taxxa u jsibu użu għal din il-propjetà u b’hekk tonqos il-ħtieġa li tinbena iktar art. Tajjeb li nkomplu d-diskussjoni.