Aħdar ir-risposta

(diskors li għamilt illum is-Sibt 6 t’April 2019 f’egħluq Laqgħa Ġenerali Straordinarja li approvat il-kandidati u l-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika għall-elezzjonijiet ta’ Mejju 2019)

Il-Manifest Elettorali li għadna kif iddiskutejna u approvajna huwa mibni fuq erba’ argumenti: l-ugwaljanza, l-ekoloġija, is-saħħa u d-demokrazija. Hija r-rabta kontinwa li nfittxu bejn il-politika ambjentali u l-politika soċjali.

Kif ngħidu fil-Manifest li għadna kif approvajna, “Biex tkompli tinbena Ewropa b’saħħitha li tiddefendi liċ-ċittadin hemm bżonn li tissaħħaħ id-demokrazija. Id-demokrazija trid titħaddem dejjem iżjed fl-istituzzjonijiet kollha, b’mod li d-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu mhux biss ikunu trasparenti imma fuq kollox jittieħdu minn persuni eletti u politikament kontabbli. Iċ-ċittadini għandu jkunilhom possibli li jinvolvu ruħhom direttament f’dan il-proċess demokratiku.

Għal dan l-iskop, anke l-lobbying għandu jkun trasparenti, b’regoli ċari li japplikaw għal kulħadd. (hu ta’ sodisfazzjoni li illum qrajna fil-gazzetti li l-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika beda jaħdem dwar l-ewwel regoli dwar il-lobbying)

Għax mhux aċċettabbli f’soċjetà Demokratika li ma jkunx magħruf min qed jipprova jinfluwenza d-deċiżjonijiet, kif u għaliex.

Dan ma’ jgħoddx biss fl-Unjoni Ewropeja imma fuq kollox għandu jgħodd f’kull wieħed mill-istati membri.

Ir-rapporti ippubblikati dwar Malta mill-Kunsill tal-Ewropa, mill-Kummissjoni Venezja u il-GRECO (il-kumitat kontra l-korruzzjoni) lilna ma ssorpreduniex. Fihom ħafna affarijiet li mhux biss Alternattiva Demokratika ilha żmien titkellem dwarhom imma dwarhom ukoll għamilna proposti konkreti matul is-snin, inkluż fil-Manifesti Elettorali differenti.

Il-Gvern qed jipprova jiddefendi ruħu li l-kritika qed issir dwar liġijiet li saru żmien ilu li l-gvern tal-lum wiret mingħand il-gverijiet ta’qabel. Filwaqt li f’numru ta’ kazijiet dan hu minnu jibqa’ l-fatt li l-Gvern preżenti sabha komda li jibqa’ għaddej fuq dak li sab, għax hu komdu ħafna li meta tiġi dahrek mal-ħajt twaħħal f’ dawk li ġew qablek.

Ħu per eżempju l-poteri li għandu l-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern li jawtorizza l-intercettazzjoni tat-telekomunikazzjoni (tapping). Ma kellniex bżonn li l-GRECO jiġbdulna l-attenzjoni għaliha din. Ilna ngħiduha, kif għamilna anke fil-Manifest Elettorali tal-2017 ta’ AD. Kif jista’jkun li jibqa’ jkun il-politku li jiddeċiedi jekk jingħatax permess jew le biex isir it-tapping? Kif ser jiddeċiedi l-politiku meta jkun iffaċċjat b’talba biex ikunu investigati dawk ta’ madwaru? Dan mhux konflitt ta’ interess kbir? Hu għalhekk li ilna ngħidu li l-awtorità li jsir it-tapping għandha tingħata lill-ġudikatura li bla dubju tfittex li toqgħod attenta illi fil-ġlieda kontra l-kriminalità mhux biss titwarrab il-politika partiġjana u l-protezzjoni tal-ħbieb tal-politiku imma fuq kollox tassigura li jkun imħarsa d-drittijiet fundamentali.
Għidna ferm iktar minn hekk. Fl-2017 fil-Manifest Elettorali tkellimna ukoll fuq l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) fejn insistejna li m’għandiex tkompli tkun imexxija mill-AG (Avukat Ġenerali) u li r-rapporti tagħha m’għandhomx imorru għand il-Pulizija imma direttament għand il-Magistrat tal-Għassa. Irid ikun assigurat li r-rapporti tal-FIAU meta jaslu għand il-Pulizija ma jispiċċawx fil-bir tas-skieken imma li dawn ikunu investigati sewwa u li jittieħdu passi kull fejn jirriżulta meħtieġ.

Il-Kummissjoni Venezja u l-GRECO qalulna li istituzzjonijiet f’Malta għandna ħafna imma li dawn huwa dgħajfa. Qalu tajjeb, imma l-opinjoni pubblika f’Malta ilha konxja minn dan. Imma dan ġie injorat mill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista. Il-PN min-naħa l-oħra, kellu jkun fl-Opposizzjoni biex jirrealizza dwar id-djgħufija tal-istituzzjonjijiet. Uħud minnhom ħoloqhom hu stess, iddiżinjati dgħajfa apposta, u dwar oħrajn sakemm inqeda għalaq għajnejh.

Huwa f’dan il-kuntest li ilna naħdmu għal dawn is-snin kollha.
Il-ħidma tagħna f’din il-kampanja elettorali b’differenza is-soltu mhiex limitat inkella iffukatan kważi esklussivament fuq il-Parlament Ewropew. Għall-ewwel darba qed niffaċċjaw l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali kollha fl-istess jum.

Ser nippreżentaw tal-inqas 9 kandidati, l-parti l-kbira minnhom żgħażagħ li qed jikkontestaw għall-ewwel darba fuq il-Mellieħa (Luke Caruana), Marsaskala (Daniel Desira), B’Kara (Anna Azzopardi), Naxxar (James Gabarretta), u Ħaż-Żebbuġ (Samwel Muscat). Għandna ukoll Irlandiż li jgħix Malta (Donal Kelly) li offra s-servizz tiegħu bħala kandidat fuq ix-Xgħajra u l-attivist ambjentali fil-Gżira (Jamie Mercieca). Ma dawn ngħodd ukoll lill-veteran tagħna fil-Kunsill Lokali ta’ H’Attard Ralph Cassar, li issa ilu jiġi elett għal snin twal – madwar għoxrin sena.

Grazzi lilkom ilkoll li qed toffru s-servizz tagħkom.

Ma dawn kollha, bħala partit iddeċidejna li għandi nikkontesta jiena ukoll fil-lokalità ta’ San Ġiljan. Għażilna din il-lokalità għax bħala partit irridu nagħtu kontribut dirett lir-residenti f’San Ġiljan li qed jiffaċċjaw problemi kbar. San Ġiljan hu fost dawk il-lokalitajiet li huma l-iktar milquta mill-iżvilupp bla rażan li bħalissa qed iħarbat il-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta mill-Maltin.

Fiċ-ċentru tal-ħidma politika tagħna bħalissa hemm il-ħarsien tal-ambjent urban. Tul dawn il-ġimgħat dorna diversi lokalitajiet nitkellmu dwar il-kundizzjonijiet tat-toroq, dwar il-politika tat-trasport intenzjonata biex tkompli iżżid il-karozzi fit-toroq, dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità kif ukoll dwar it-teħid tal-ispazji pubbliċi, inkluż il-bankini, min-negozji għad-detriment tar-residenti.

F’diversi lokalitajiet, primarjament mal-kosta r-residenti ġew ridotti għal priġuniera f’darhom għax il-bankini okkupati minn imwejjed u siġġijiet li qed joħlqu diffikultajiet kbar kemm għall-aċċess tar-residenti għal djarhom kif ukoll għal servizzi bażiċi bħall-ġbir tal-iskart.

It-traskuraġni amministrattiva tul is-snin irrediet lokalità bħall-B’Kara bħala lokalità perikoluża kull meta jkollna maltempata. B’Kara għadha tiffaċċja l-għargħar kull meta jkun hawn ħalba xita, qawwija u mhux. Il-Gvernijiet repetutament fittxew li jindirizzaw l-effett u ftit li xejn saret ħidma dwar il-kawża ta’ dan kollu. Parti mhux żgħira mill-bini ta’ dan l-aħħar ħamisn sena fiħ nuqqas ta’ bjar (jew bjar ta’ qisien żgħar) bil-konsegwenza li f’kull ħalba xita miljuni ta’ litri ta’ ilma tax-xita jispiċċa fit-toroq ta’ B’Kara flok fil-bjar li suppost inbnew. Dan mhux biss hu ħtija ta’ nuqqas ta’ bjar f’B’Kara imma ukoll fil-lokalitajiet fil-madwar. F’dan is-sens B’Kara hi l-vittma ta’ amministrazzjoni pubblika inkompetenti li tul is-snin injorat ir-responsabbiltà li tara illi kull binja hi mgħammra b’bir ta’ daqs adegwat.

Hemm il-ħtieġa li nenfasizzaw iktar fuq il-ħtieġa li tkun implimentata mingħajr iktar dewmien l-istrateġija nazzjonali dwar it-trasport li teżiġi li jonqsu l-karozzi mit-toroq tagħna, primarjament għax m’għandniex bżonn din il-kwantità ta’ karozzi. Għandna bżonn investiment ikbar fit-trasport pubbliku, inkluż transport pubbliku reġjonali u lokali għax dan iservi biex inaqqas l-użu ta’ karozzi privati fit-toroq tagħna għal distanzi qosra. Irridu nirrealizzaw li 50% tal-vjaġġi li jsiru bil-karozzi privati fit-toroq Maltin isiru għal distanzi qosra li jdumu inqas minn 15-il minuta.

Fuq kollox hemm bżonn ta’ investiment ikbar fl-infrastruttura lokali, iffukata fuq il-ħtieġa li niffaċilitaw dejjem iktar l-aċċessibilità għal in jagħżel li jimxi inkella li jsuq ir-rota.

Il-kwalità tal-ambjent urban jirrifletti l-kwalità tal-ħajja tagħna. Jeffettwa l-arja tant essenzjali biex ngħixu. Jeffettwa l-ispazji pubbliċi tant essenzjali biex bħala l-pulmun tal-lokalitajiet tagħna jagħtuna in-nifs u l-ispazju fejn ngħixu.

Il-karozzi ħadulna t-toroq. In-negożji ħadulna l-bankini. Irriduhom lura. Dawn huma essenzjali għall-ħajja urbana. Huma l-ispazji pubbliċi bażiċi li flimkien mal-pjazez tagħna jimmarkaw lill-komunitajiet tagħna.

Neħtieġu toroq u bankini li jkunu aċċessibli għal kulħadd. Il-Kunsilli Lokali, għandhom ikunu fuq quddiem biex iħeġġu lill-gvern sabiex mis-€700 miljun li qed jipproġetta bħala nefqa biex jirranġa t-toroq, jitbiddlu ukoll il-bankini. Ħafna minnhom saru biex jaġevolaw il-karozzi fil-garaxxijiet bil-konsegwenza li diversi bankini spiċċaw tlajja u nżul kontinwi b’detriment għal min huwa vulnerabbli. Bl-istess mod, il-Kunsilli Lokali għandhom jaraw li l-bankini ikunu ħielsa minn ostakli li ħafna drabi iġiegħlu lir-residenti, partikolarment dawk l-iktar vulnerabbli jimxu fin-nofs tat-triq.

Għal kunsilliera f’isem Alternattiva Demokratika, din hija kwistjoni prijoritarja ta′ aċċessibilità għar-residenti kollha.

Irridu nsellmu lill-dawk il-kunsilliera kollha li tul is-snin ħarġu għonqhom b’konvinzjoni kbira biex inħarsu l-wirt storiku u l-wirt ekoliġiku ta’pajjiżna. Mhux xogħol faċli. Ħidma li f’Alternattiva Demokratika nagħmluha bla waqfien. Uħud mill-proġetti l-kbar li huma fuq l-aġenda tal-pajjiż għax-xhur u s-snin li ġejjin huma ta’ ħsara kbira. M’għandix f’moħħi biss il-mina bejn Malta u Għawdex li barra li mhiex meħtieġa ser tagħmel ħsara mhux biss lill-Għawdex fit-totalità tiegħu imma ukoll lill-agrikultura madwar in-Nadur f’ Ta’ Kenuna kif ukoll lill-Wied tal-Pwales u z-zona tal-Għerien fil-limiti tal-Mellieħa. Iktar kmieni din il-ġimgħa ippreżentajna oġġezzjini għall-bini tat-torri tat-Toyota f’Ħaż-Żebbuġ li qed ifittex li joħloq mostru ta’ 14-il sular, 11 minnhom il-fuq mit-triq f’zona li ser ikollha impatti kbar fuq ir-residenti ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Aħna qegħdin hawn biex inservu. Ilkoll.

Qed noffru mill-ġdid is-servizz tagħna fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsilli Lokali. Hi ħidma li ser tkun imsejsa fuq il-valuri bażiċi li fuqhom hi mibnija l-ħidma ħadra: l-għarfien ekoloġiku, il-ġustizzja soċjali, id-demokrazija parteċipattiva, n-non-vjolenza, s-sostenibilità u r-rispett lejn id-diversità.

Qegħdin nippreżentaw Manifest li jiftaħ il-bibien u t-twieqi għal żiffa li tnaddaf, għal diskussjoni li tfittex risposti għall-mistoqsijiet u teżamina s-soluzzjonijiet possibli. Irridu b’mod kontinwu nisfidaw l-istatus quo u f’dan il-proċess inneħħu l-għanqbut li hemm f’diversi irkejjen mhux biss f’Malta imma ukoll fi Brussell.

Il-politika ħadra tfisser li ma tibża’ tiddiskuti xejn.

Jekk inti tfittex u tistaqsi kif il-kwalità tal-ħajja tagħna lkoll tista′ tkun aħjar, kif għandha tonqos u eventwalment tkun eliminata l-emarġinazzjoni, kif tissaħħaħ id-demokrazija, m’għandekx wisq minn fejn tagħżel.

Pajjiżna ma jistax jibqa’ b’rasu fir-ramel: għalhekk l-aħdar hu r-risposta għall-mistoqsijiet tiegħek.

Alternattiva Demokratika hi l-unika garanzija li leħen kulħadd jinstema’ .

 

Il-Manifest Elettorali issibu hawn

Advertisements

Għalfejn l-Aħdar?

greening

Naħseb li hi l-intenzjoni ta’ kważi kull min jinvolvi ruħu fil-politika li jara soċjetá li taħdem aħjar. Iżda x’inhu l-aħjar? Għax fil-waqt li lkoll naqblu li nimxu lejn l-aħjar mhux dejjem naqblu la ma x’inhu l-aħjar u l-anqas mat-triq li tista’ twassalna hemm.

Il-ħidma politika ta’ Alternattiva Demokratika hi assoċjata’ mal-għarfien tal-politika ambjentali bħala ċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Filwaqt li dan hu minnu, mhux l-istampa kollha, għaliex il-ħidma favur id-drittijiet ċivili kif ukoll dik favur politika soċjali iktar umana dejjem kienu aspetti importanti tal-politika Ħadra.

Id-Dikjarazzjoni  l- Ħadra ta’ Canberra approvat fl-2001 f’laqgħa tal-Pariti Ħodor fuq livell globali tfisser fi ftit kliem it-triq il-Ħadra madwar id-dinja. Dikjarazzjoni li imbagħad hi applikata minn kull partit fit-tifsila  l-iktar addattata għal pajjiżu.

Sitta huma l-punti bażi tal-ħidma ħadra madwar id-dinja: l-għarfien ekoloġiku, l-ġustizzja soċjali, d-demokrazija partieċipattiva, in-non vjolenza, s-sostenibilita’ u r-rispett tad-diversita’. Huma marbutin flimkien, ħaġa waħda: programm wieħed u sħiħ. Madwar dawn titfassal u tinbena ħidma adatta għar-realtajiet ta’ kull pajjiż. Fuq dawn il-punti hemm konvergenza ma partiti politiċi oħra. Fuq uħud mill-punti naqblu iktar ma xi partiti filwaqt li fuq oħrajn naqblu iktar ma oħrajn.

Il-kuntrast tal-aħdar politiku mal-partiti l-oħra jimmanifesta ruħu l-iktar fil-politka ambjentali imma diversi drabi jidher ukoll f’oqsma oħra bħall-ġustizzja soċjali jew id-drittijiet ċivili. Jimmanifesta ruħu kemm fid-diskrepanza bejn dak li jingħad u dak li jsir inkella fir-ritmu li bih jitwettaq dak li dwaru jkun hemm konvergenza ta’ ħsieb.

Il-politika ħadra tmexxi l-quddiem politika progressiva li tesiġi mill-bniedem li jerfa’ r-responsabbilta’ ta’ egħmilu. Responsabbilta’ fil-konfront ta’ bnedmin oħra kif ukoll responsabbilta’ fil-konfront tal-ekoloġija. Ġustizzja soċjali u ġustizzja ambjentali li jirfdu lil xulxin. Dipendenti minn xulxin għax waħda mhiex sħiħa mingħajr l-oħra.

Din hi l-politka. Li dak li nippropnu kif ukoll dak li nfittxu li nwettqu nagħmluh dejjem bl-aħjar mod possibli. Il-politika mhix bilanċ ta’ interessi iżda sforz kontinwu biex nimxu sewwa dejjem.

It-triq li twassalna għal ħidma sewwa hi diffiċli mhux ftit għax kontinwament trid titħabat ma’ interessi egostiċi li jfittxu li jipperpetwaw l-istatus quo. Dawk jiġifieri li huma kontra kull bidla għax bidla għalihom tfisser li huma ma jibqgħux jiddominaw.

Ma rridx ninftiehem li kull bidla hi neċessarjament tajba. Kif ikolli l-opportunita’ infisser matul il-ġimgħat li ġejjin hemm ħafna li jeħtieġ li jinbidel. Imma daqskemm huwa importanti li jinbidlu bosta ħwejjeġ, daqstant ieħor hu importanti l-mod kif issir il-bidla. Mhux biex ma jintrifsux kallijiet iżda biex waqt li jkunu eliminati inġustzzji jew żbalji li saru tul is-snin ikun assigurat li dawn ma jkunux sostitwiti b’inġustizzji jew żbalji ġodda.

Hemm bżonn li l-inġustizzji u l-iżbalji innaqqsuhom, mhux  nibdlulhom isimhom.

Fix-xena politika Maltija għal ħafna snin indrat id-diska li jew ikħal inkella aħmar. L-aħdar fl-arena politika demokratika jfisser li hemm alternattiva demokratika għall-alternanza bejn l-ilwien  tradizzjonali.  Alternattiva poliitka li teżisti fil-parlamenti kollha Ewropeji inkluż dawk tal-iċken żewġ pajjiżi, San Marino u Andorra.

Nittama li dawn il-ħsibijiet tiegħi jservu għal diskussjoni ċivili li permezz tagħha lkoll nagħrfu aħjar l-alternattivi li għandu quddiemu pajjiżna.

kif ippubblikat fuq iNews, il-Erbgħa 21 t’Awwissu 2013.