Wara l-vjolenza fil-Buskett: ir-referendum dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa

referendum

L-inċidenti tal-ġimgħa l-oħra kienu gravi. Kemm il-qtil tat-tajr protett kif ukoll l-attitudni irresponsabbli ta’ dawk il-200 kaċċatur li ddemostraw il-Belt waranofsinnhar u iktar l-azzjoni vjolenti tat-30 ruħ minnhom li baqgħu sejrin sal-Buskett u sawtu lil dawk li kienu qed josservaw l-għasafar fil-Buskett.

L-attutudni tal-FKNK kienet waħda ambivalenti. Min-naħa l-waħda tiddisassoċja ruħha minn dak li ġara. Imbagħad min-naħa l-oħra qalet li “tifhem il-frustrazzjoni tal-kaċċaturi”.  Minkejja dan, imma, n-nies hemm barra ma jifhmux l-affarijiet kif qed jippruvaw ipinġuhom l-FKNK.

 

Fost il-kummenti tan-nies spikkaw dawk dwar ir-referendum abrogattiv li dwaru l-proċess skond il-Liġi miexi kif suppost. In-nies trid iktar informazzjoni dwar ir-referendum u tixtieq li dan isir illum qabel għada.

Wara li nġabru l-firem għar-referendum, dawn ġew ivverifikati mill-Kummissjoni Elettorali li infurmat b’dan lill-Qorti Kostituzzjonali. Ir-Reġistratur tal-Qorti Kostituzzjonali nhar it-3 ta’ Lulju 2014 ħabbar li kien hemm 41,494 firem validi biex jissejjaħ referendum abrogattiv dwar l-Avviż Legali 221/2010 liema avviż legali jippermetti li permezz ta’ deroga ssir kaċċa għas-summien u l-gamiem fir-rebbiegħa.

Dan l-avviż tar-Reġistratur tal-Qorti Kostituzzjonali jfisser li dakinhar tal-avviż beda jgħodd iż-żmien għall-oġġezjonijiet: hemm fil-fatt tlett xhur ċans u dawn jagħlqu fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla, nhar il-Ġimgħa 3 t’Ottubru 2014.

Wara li jidħlu l-oġġezzjonijiet, li bla dubju ser jippreżentaw (kif għandhom kull dritt) il-kaċċaturi, tibda l-aħħar fażi tal-mixja legali. L-ewwel dawk li qed jikkoordinaw il-proċeduri tar-referendum iwieġbu l-oġġezzjonijiet, u mbagħad il-Qorti Kostituzzjonali, wara li tisma’ dak li jkollhom xi jgħidu l-avukati tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Nistennew deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali bejn Diċembru u Jannar. Wara, jekk il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi li r-referendum abrogattiv għandu jsir (u s’issa ma jidher li hemm l-ebda raġuni għala m’għandiex tgħid li għandu jsir) ikun possibli li tiġi stabilita d-data tar-referendum abrogattiv. Din tkun mhux qabel ma jgħaddu tlett xhur mid-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali, imma mhux iktar tard minn sitt xhur mill-istess deċiżjoni.

It-triq hi ftit twila, imma jeħtieġ li nieħdu paċenzja ftit ieħor.

Fl-aħħar m’għandix dubju li ser naslu biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta tispiċċa darba għal dejjem. Il-vjolenza m’hu ser taqta’ qalb ħadd. Pjuttost qed tiftaħ għajnejn iktar nies li sa ftit ilu kienu bierda u li issa iktar minn qatt qabel qed jirrealizzaw il-gravita’ tas-sitwazzjoni.

Wasalna hawn minħabba li ż-żewġ partiti politiċi fil-Parlament tul is-snin baxxaw rashom għal dak li riedu l-kaċċaturi. Huwa bis-saħħa tar-rieda popolari u b’mod partikolari dawk il-41,494 firma li nġabru mill-għaqdiet ambjentali u Alternattiva Demorkatika li fl-aħħar ser ikun possibli biex flimkien inħassru dak li għamlu l-PN u l-PL: biex il-kaċċa fir-rebbiegħa f’Malta tispiċċa darba għal dejjem.

submission of referendum signature requests

 

Biex ħadd ma jitmexxa minn imnieħru

nose2

Hemm min għandu l-impressjoni li jista’ jsir referendum abrogattiv fuq kollox. Għandna ħafna “esperti” bħalissa li qed jippruvaw jagħtu l-impressjoni li kullma hu meħtieġ huwa madwar 35,000 firma u bil-fors ikollu jsir referendum abrogattiv, jiġifieri referendum li permezz tiegħu titħassar liġi jew xi strument legali ieħor.

Dan mhux il-każ.

Ir-referendum hu għodda demokratika importanti ħafna u irridu nifhmu u nitgħallmu kif nagħmlu użu tajjeb minnha. Hi l-uniku għodda ta’ demokrazija diretta li għandna f’idejna u għandna nibżgħu għaliha.

Sal-lum qatt ma sar użu minn din l-għodda demokratika f’Malta. L-ewwel każ hu dak dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa liema każ għadu fil-bidu tiegħu minħabba li l-Kummissjoni Elettorali qed tagħmel il-verifika tal-firem li ġew ippreżentati.

Il-liġi dwar ir-referendum titkellem ċar dwar dawk l-affarijiet li dwarhom ma jistax isir referendum abrogattiv.

Ma jistax isir referendum abrogattiv dwar partijiet mil-liġi dwar ir-referendum innifisha, dwar il-Kostituzzjoni u dwar il-liġi li inkorporat il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Liġijiet ta’ Malta. L-anqas ma jista’ jintuża r-referendum abrogattiv biex titnaqqas mill-gravita’ ta’ leġislazzjoni li tiffoka fuq il-korruzzjoni jew dwar il-liġi elettorali jew dwar leġislazzjoni fiskali kif ukoll dwar trattati internazzjonali. Barra minn dan jekk materja li tkun ser titressaq għal referendum tista’ twassal biex xi strument leġislattiv ma jibqax iktar kompatibbli mal-Kostituzzjoni ta’ Malta jew mal-liġi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dak ir-referendum ma jkunx jista’ jsir. Dan kollu joħroġ mill-artikli 13 u 16 tal-liġi Maltija dwar ir-Referendum. Fejn ikun hemm dubju tkun il-Qorti Kostituzzjonali li tieħu deċiżjoni finali.

Dan l-interess li issa beda jikber fl-għodda tar-referendum hu pass pożittiv. Bħala poplu qed nifhmu iktar li hemm diversi affarijiet li dwarhom il-kelma tal-Gvern jew tal-Parlament mhiex l-aħħar kelma. Meta dan nifhmuh sewwa ikun hemm inqas ċans li jkollna min jitmexxa minn imnieħru.