
Illum is-7 ta’ Ġunju infakkru ġrajja meta l-poplu Malti qam. Għolla rasu u l-irvell li irriżulta wassal għal l-ewwel Parlament Malti.
L-Ispeaker Michael Frendo din is-sena għamel diskors meqjus dwar il-ħtieġa li l-Parlament jiffunzjona dejjem aħjar. Michael, kif ilni nafu għal iktar minn 50 sena, ħa bosta inizzjattivi kemm ilu Speaker. Bħala riżultat tagħhom il-Parlament mexa aħjar. Kien hemm xi okkazjonijiet fejn iffaċċa diffikultajiet bħal meta kien hemm min sema’ lil Justyn Caruana d-Deputata Għawdxija tivvota mod u mhux ieħor. Inċident li wassal biex ġie mwaqqaf il-proċess tal-Kumitat Magħżul tal-Kamra li kien qed jiddiskuti bosta materji ta’ importanza. Materji li ilhom jiġu diskussi imma jidher li qajla hemm rieda li jiċċaqalqu. Għalhekk, naħseb jien, ma l-iċken opportunita ikun hemm min iħoss l-utilita’ li jwaqqaf il-proċess.
Is-7 ta’ Ġunju 1919 wassal lil missierietna biex fl-1921 eleġġew l-ewwel Parlament Malti. Kien Parlament b’ħafna kuluri: 4 partiti fl-Assemblea Leġislattiva u 3 minnhom fis-Senat.
Iż-żminijiet inbidlu u l-Partiti tal-lum li qegħdin fil-Parlament għad għandhom ħeġġa kbira għar-rappresentanza proporzjonali, imma din il-ħeġġa qegħda hemm biss sakemm teffettwa lilhom. Għalhekk bagħbsu l-Kostituzzjoni diversi drabi biex jassiguraw li bejniethom jaqsmu. Imma qagħdu attenti li jieqfu hemm.
Infakkar għal darba oħra li Alternattiva Demokratika ippreżentat proposta quddiem il-Kumitat Magħżul tal-Kamra biex dak li ġie mbagħbas fil-Kostituzzjoni mill-PN u l-PL flimkien, jissewwa’ . Biex ir-rappresentanza proporzjonali tkun tapplika għal kulħadd. Mhux għalihom biss.
F’Malta għandna sistema elettorali li f’Marzu 2008 ippremjat lill-PN b’siġġu parlamentari extra għall-1580 vot li l-PN kellu iktar mill-PL fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Imma l-istess sistema elettorali tagħmilha possibli li t-3810 vot li ġiebet Alternattiva Demokratika ma jkunux rappreżentati.
Dan il-PN u l-PL ma jridux jibdluh.
Il-proporzjonalita’ m’għandhiex tibqa’ privileġġ tal-PN u l-PL iżda strument biex tissarraf ir-rieda popolari.
Fuq dan il-blog tista’ tara ukoll is-segwenti :
17/09/2008 : Electoral reform
21/06/2010 : AD protests in Court on discriminatory electoral legislation
23/06/2010 : AD discusses electoral reform with Speaker Michael Frendo