Ir-referendum hu għodda demokratika. Il-votanti jesprimu l-fehma tagħhom dwar suġgett wieħed biss. Meta jsir referendum Gvern demokratiku jbaxxi rasu għar-riżultat bla argumenti, għax il-poplu jkun tkellem.
F’Malta saru diversi referenda li permezz tagħhom saret konsultazzjoni mal-votanti dwar diversi affarijiet. Ħafna jiftakru r-referenda f’Malta dwar : l-Integration (1956), l-Indipendenza (1964), l-Unjoni Ewropeja (2003) w id-divorzju (2011). Kollha kienu ta’ kontroversja. Fl-ewwel tlieta minn dawn ir-referenda d-deċiżjoni li jsir ħadha l-Gvern. Fl-aħħar wieħed id-deċiżjoni ħadha l-Parlament. Dawn ir-referenda jissejħu konsultattivi għax permezz tagħhom issir konsultazzjoni mal-poplu. Id-deċiżjoni li ittieħdet f’kull wieħed minn dawn ir-referenda kienet deċiżjoni politika favur l-Integration, l-Indipendenza, l-Unjoni Ewropeja u id-divorzju.
Fl-1996 ġiet emendata l-liġi dwar ir-Referenda biex ikun possibli li l-votanti jieħdu l-inizjattiva huma jekk jidhrilhom illi għandu jsir referendum dwar xi suġgett partikolari. Dan ir-referendum jissejjaħ Referendum Abrogattiv, jiġifieri referendum li jħassar, għax il-proposta tista’ tkun biss waħda li tħassar liġi, regolamenti jew parti minnhom.
Ma jistax isir referendum abrogattiv fuq kollox. Hemm affarijiet li dwarhom ma jistax isir referendum. Dawn jinkludu l-liġijiet dwar finanzi u taxxi, il-Kostituzzjoni, d-drittijiet tal-bniedem, it-trattati internazzjonali li minnhom jirriżultaw obbligi għall-pajjiż, kif ukoll il-liġi dwar l-elezzjoni ġenerali.
Biex isir referendum abrogattiv ikunu jridu jinġabru 10% tal-firem ta’ dawk li għandhom vot f’elezzjoni ġenerali u li isimhom jidher fuq ir-reġistru elettorali. Il-firem jinġabru skond formola apposta li hemm fil-liġi u f’din il-formola trid tissemma dik il-liġi jew regolament li r-referendum ikun qed jitlob li jitħassar. Bħalissa biex isir referendum hemm bżonn ta’ madwar 35,000 firma.
Meta jinġabru l-firem dawn jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni Elettorali li tieħu ħsieb tiċċekkjhom. Wara mhux iktar minn ħmistax-il ġurnata il-Kummissjoni Elettorali tippreżenta l-firem fir-Reġistru tal-Qorti Kostituzzjonali b’nota li tgħid jekk hemmx jew le il-firem mitluba mill-liġi: jiġifieri l-10% tal-votanti reġistrati.
Jekk il-firem neċessarji jkunu nġabru l-Qorti Kostituzzjonali permezz tar-Reġistratur toħroġ avviż li biħ tagħti tlett xhur ċans biex min ikollu oġgezzjonijiet validi iressaqhom biex ikunu ikkunsidrati mill-Qorti. Wara li jgħaddu t-tlett xhur għall-oġġezzjonijiet il-Qorti tgħaddi biex tiddeċiedi fuq l-oġġezzjonijiet li tkun irċeviet.
Jekk il-Qorti Kostituzzjonali tara li minkejja l-oġġezzjonijiet li jkunu ġew ippreżentati r-referendum abrogattiv xorta għandu jsir tagħti deċiżjoni li biha tordna lill-Kummissjoni Elettorali biex torganizza r-referendum. Id-deċiżjoni tal-Qorti imbagħad tmur għand il-President tar-Repubblika li jiffirma l-ordni biex isir ir-referendum abrogattiv f’data li ma tkunx qabel ma jgħaddu tlett xhur mid-deċiżjoni tal-Qorti iżda mhux iktar tard minn sitt xhur.
Id-deċiżjoni fir-referendum abrogattiv tkun waħda finali. Jekk il-votanti jaqblu u jiddeċiedu li liġi jew regolament jitħassar dan jitħassar mat-tħabbir tar-riżultat mingħajr ħtieġa li jkun hemm xi deċiżjoni oħra.
Dan ir-referendum jiddependi biss mill-volonta’ tal-votanti. Għalhekk hu għodda demokratika għax jagħti saħħa lill-fehma tan-nies li ħadd u xejn ma jista’ jżommhom sakemm jimxu mal-liġi. Ma hemm bżonn l-ebda deċiżjoni da parti tal-Gvern biex isir referendum abrogattiv. La biex jimbuttah u l-anqas biex iżommu.
Hi ħasra li s’issa din l-għodda demokratika għadna qatt ma għamilna użu minnha. Il-firem li qed jinġabru bħalissa għal referendum biex iwaqqaf darba għal dejjem il-kaċċa fir-rebbiegħa tista’ tkun l-ewwel darba li jsir użu minn dan id-dritt. Issa jidher li din il-possibilita’ hi fil-qrib għax kif ġie imħabbar il-firem li inġabru s’issa qabżu l-25,000.
Nistennew ftit ġimgħat oħra u naraw.
Ippubblikat fuq iNews: it-Tnejn 25 ta’ Novembru 2013