Id-dmugħ tal-kukkudrilli ma jsolvi xejn
Dalgħodu indirizzajt konferenza stampa dwar il-kundanna ta’ Malta għal-lista l-griża.
Il-pajjiż jeħtieġ tindifa sħiħa, li għadha ma saritx. Għall perjodu twil il-Gvern Malti injora l-kuxjenza nazzjonali f’Malta stess, inkluż kritika interna tal-fasla tas-sistema finanzjarja ta’ Malta u l-abbużi u l-involviment kriminali ta’ uffiċċjali għolja u ta’ xi politiċi. Kellu jistenna l-kritika tal-barranin biex jiċċaqlaq?
Ninsabu mnikktin bid-deċiżjoni tal-FATF (Financial Action Task Force) li tpoġġi lil Malta fuq il-lista l-griża tagħha, minkejja li din kienet mistennija. Imma ma kienx meħtieġ li jkunu l-istituzzjonijiet barranin li jiġbdulna widnejna li l-affarijiet f’Malta mhumiex mexjin sew. Aħna stess ilna niġbdu l-attenzjoni li l-affarijiet mhux sejrin sew fis-sistema finanzjarja.
Huwa veru li matul l-aħħar xhur ittieħedu ħafna deċiżjonijiet biex jissaħħaħ il-qafas regolatorju kontra l-ħasil tal-flus u l-kriminalità organizzata. Il-problema però hi li mhux kulħadd hu konvint li dan sar b’konvinzjoni favur tmexxija b’integrità. Għad jeżisti dubju dwar jekk dak li sar hux biss reazzjoni għas-sensittivitajiet tal-komunità internazzjonali. Għax, sfortunatament, drajna wisq għal snin twal b’istituzzjoniiet li ma jaħdmux.
Li f’daqqa waħda l-pulizija bdiet tieħu passi f’kazijiet ta’ ħasil ta’ flus ma jħassarx il-fatt li għal snin sħaħ il-korp tal-Pulizija kien miżmum milli jaġixxi billi diversi uffiċjali tiegħu kienu fil-but tal-kriminali. Huwa dan li wassal biex għal snin twal kellna infurzar żero. Dak li sa ftit ilu kien biss suspett illum il-ġurnata hu konfermat bl-ismijiet li jaf bihom kulħadd.
Kellna lill-grupp Parlamentari Laburista li irrifjuta li jikkundanna lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri għall-involviment tagħhom fl-iskandlu tal-Panama Papers. Dakinhar il-Parlament messu ta messaġġ qawwi favur is-serjetà. Minflok imma, ħareġ messaġġ favur il-ħmieg.
Sfortunatament, l-azzjoni kontra l-ħasil tal-flus waslet tard. Laħqet saret ħsara konsiderevoli. Il-kompliċità kriminali tal-gvern u l-istituzzjonijiet imnawwra f’dan kollu għamlet ħsara serja lill-ekonomija u lis-soċjetà. Huma dawk fil-livelli ta’ dħul aktar baxx li se jħossu l-biċċa l-kbira ta’ l-impatti negattivi ta’ dan kollu. Dawn jeħtieġu l-empatija tagħna. Għandhom bżonn l-iktar protezzjoni f’dan il-mument.
Il-Gvern u l-Oppożizzjoni matul is-snin żviluppaw dak li jsejħu “kunsens nazzjonali” dwar is-settur finanzjarju li jagħmilha possibbli għall-użu ta’ Malta bħala ċentru internazzjonali tal-evażjoni tat-taxxa. Flimkien mal-bejgħ tal-iskema taċ-ċittadinanza dan ikkontribwixxa aktar għat-tkissir tar-reputazzjoni ta’ Malta bħala ġurisdizzjoni li tista’ tkun fdata. Ir-reputazzjoni ħażina li sfortunatament għandha Malta illum fuq livell internazzjonali ma ġietx mix-xejn. Żviluppat bħala riżultat tal-fatt li l-Gvern naqas tul is-snin li jimxi sewwa. Il-messaġġ ċar li ngħata kien li l-Gvern kien jipproteġi l-kriminalità.
Il-kliem sabiħ li qed jingħad illum favur il-governanza tajba jikkuntrasta ma dak li ntqal tul is-snin passati. Il-Prim Ministru tal-lum Robert Abela dejjem enfasizza li l-Gvern immexxi minnu hu wieħed ta’ kontinwità. Wara kollox Robert Abela kien il-konsulent legali ta’ Joseph Muscat u sa ċertu punt irid jerfa’ ukoll ir-responsabbiltà politika għas-sitwazzjoni tal-lum.
Ir-responsabbiltà politika għall-qagħda attwali trid tintrefa ukoll mill-Professur Edward Scicluna eks-Ministru tal-Finanzi li kellu responsabbiltà politika dwar l-istituzzjonijiet li suppost ħadmu kontra l-ħasil tal-flus. Huwa stess preżentement hu soġġett għal investigazzjoni kriminali. Imma flok ma mar jistaħba ngħata premju għal dak li għamel billi nħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali.
Ħatriet ta’ din ix-xorta jagħtu messaġġ ċar: li ma hawnx serjetà fit-tmexxija tal-pajjiż. Ikun aħjar jekk flok id-dmugħ tal-kukkudrilli dwar dak li qed jiġri issir tindifa sħiħa. Tindifa meħtieġa b’urgenza li s’issa għadha ma saritx.