Keith il-Kasco mhux ġemmiegħ tas-santi!

 

 

Ħadd qatt ma kellu l-illużjoni li Keith Schembri l-Kasco u Konrad Mizzi, l-Ministru bla portafoll, kienu qed jagħmlu użu mill-kumpaniji tagħhom Hearnville Inc. u  Tillgate Inc. fil-Panama biex iġemmgħu  is-santi jew id-domni.

Il-loġika u s-sens komun dejjem wasslu għal konklużjoni waħda: ħasil ta flus. Imma sissa provi qatt ma kien hemm.

Kif dejjem għidna, d-dnub ma jorqodx u jekk hemm provi xi ħin jew ieħor dawn hemm ċans tajjeb li jitfaċċaw.

Ikun ferm aħjar, jekk hemm il-provi, li dawn jagħmlu apoloġija pubblika u jmorru jistaħbew fejn ma jarahom ħadd. Illum qabel għada. Jistgħu jekk iridu jieħu magħhom ukoll lil sid l-Egrant Inc.,  it-tielet kumpanija.

Wara sena sħiħa ta ċaħdiet ilkoll nittamaw li ma ndumux ma nkunu nafu l-fatti vera.

Advertisements

Qed tinħoloq bejta għall-kriminalità organizzata

Mafia linked-companies

 

 

Hu ta’ serjetà kbira li l-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Lotteries and Gaming Authority) tirtira liċenzja.

Matul dawn il-ġranet irtirat diversi liċenzji u dan wara rapport ta’ investigazzjoni minn awtoritajiet Taljani li indikaw illi xi kumpaniji tal-iGaming f’Malta kienu qed iservu għall-ħasil tal-flus ġejjin mid-droga negozjata mill-kriminalità organizzata Taljana.

Ġew arrestati numru ta’ persuni ta’ nazzjonalità Taljana, liema persuni kienu identifikati mill-awtoritajiet Taljani.

Din hi biss parti mill-problema.

Dawn il-kumpaniji tal-iGaming, (logħob tal-azzard online) biex ġew irreġistrati f’Malta kienu eżaminati b’reqqa kbira, qalulna. Anzi “very stringent procedures“. Mhux biss il-kumpaniji, iżda ukoll kull min għandu jew kellu x’jaqsam magħhom. Dan l-eżami bir-reqqa, li jissejjaħ due diligence (kliem tqil biex jippruvaw ifhemuna s-serjetà kbira ħafna li hemm assoċjata ma dawn l-affarijiet) sar kemm mill-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Lotteries and Gaming Authority) kif ukoll mid-ditti professjonali li jagħtu s-servizzi meħtieġa lil min jaħdem f’dan il-qasam.

Wieħed minn dawn il-professjonisti, f’mument ta’ serjetà kbira, fisser lill media fiex kienet tikkonsisti l-investigazzjoni ta’ għamlet waħda minn dawn id-ditti professjonali. Qalilna li din id-ditta : “carried out its own due diligence process to ascertain that the individuals concerned were of good standing. This was done by requesting certified copies of the ultimate shareholders’ passports, proof of residential address, as well as copies of their police conduct records.”

Tassew impressjonanti, xi profondità ta’ investigazzjoni. Mhux diffiċli biex tifhem li din l-investigazzjoni kif deskritta hi waħda superfiċjali għall-aħħar. Din hi kollezzjoni ta’ dokumenti u bl-ebda mod ma tista’ titqies investigazzjoni jew due diligence.

Fuq il-website tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor issibu l-ismijiet tal-kumpaniji tal-iGaming li f’dawn il-ġranet kellhom il-liċenzja tagħhom irtirata: Fenplay Limited, Soft Bet Limited, Soft Casino Limited, Uniq Group Limited, Betsolutions4U Limited u Alibaba Casino Limited.

Tul is-snin li għaddew il-Gvernijiet differenti qalulna li l-kumpaniji tal-iGaming [jiġifieri kumpaniji bħal dawn li kellhom il-liċenzja irtirata] kienu qed jiġġeneraw ix-xogħol u kien ġustifikat (qalulna) li niġbduhom lejn Malta billi nagħtuhom rati favorevoli ħafna ta’ taxxa. Fil-fatt, taxxi, jħallsu ftit li xejn.

Qiegħed jidher ċar, u dan hu biss dak li nafu s’issa, illi Malta jidher li saret attrazzjoni għall-ħasil tal-flus mill-kriminalità organizzata. Sfortunatament l-“investigazzjonijiet profondi” li mingħalihom qed jagħmlu l-awtoritajiet Maltin (kif ukoll uħud mill-uffiċini professjonali f’Malta) ma kienux kapaċi jindunaw li mix-xibka tal-kontrolli kollha soffistikati li kellhom, għadda dan il-laqqx.

Ovvjament hemm kumpaniji li ma ħolqu l-ebda problemi. Imma sfortunatament huma l-kumpaniji li rtirawlhom il-liċenzja f’dawn il-ġranet li qed jagħtuna isem ħażin. Minn dan jista’ jbati l-pajjiż kollu. Għax qed nitilfu l-kredibilità u bil-mod qed nieħdu l-fama ta’ bejta għall-kriminalità organizzata.

Mhux biss l-imħallfin ……………..

moneylaundering

L-ewwel aħbar interessanti ippubblikata din is-sena hi ta’ investigazzjoni fl-Italja dwar ħasil ta’ flus. Ir-rapporti ġew ippubblikati fil-media tal-GWU, fl-Orizzont u f’iNews u jirrigwardaw żewg persuni afdati sewwa mill-Gvern ta’ Lawrence Gonzi. Żewġ persuni li kienu għodda li intużaw fid-diversi postijiet fejn inħatru matul dawn l-aħħar snin.

Il-posizzjoni li għadhom qed jokkupaw dawn iż-żewġ persuni fil-Malta Enterprise u Transport Malta jirrikjedu azzjoni immedjata min-naħa tal-Gvern.

Mhux biss l-imħallfin jixħtu d-dellijiet meta jkunu taħt investigazzjoni!