L-Awtoritá tal-Ippjanar tinkoraġixxi l-ispekulazzjoni tal-art

L-Awtoritá tal-Ippjanar qed toħroġ il-permessi ta’ żvilupp għall-pompi tal-petrol u d-dijsil ħierġin bħall-pastizzi.

Xi xhur ilu, f’diskors li għamel il-Prim Ministru kien qal li l-Gvern immexxi minnu jaqbel li karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil għandhom jispiċċaw mit-toroq Maltin. Nhar l-10 ta’ Settembru 2017 Joseph Muscat kien ħabbar li l-Gvern kien fi ħsiebu li “dal-waqt” jagħti bidu għal konsultazzjoni pubblika biex ikun stabilit meta u kif għandha tkun implimentata din il-politika li bħala riżultat tagħha jkunu jistgħu jinxtraw biss karozzi li jaħdmu bl-elettriku jew karozzi simili.

Għaddew seba’ xhur u għadna qed nistennew li jibda dan il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Sadanittant, aħna u nistennew, l-ispekulaturi tal-art, bl-għajnuna tal-Awtoritá tal-Ippjanar għaddejjin xalata: jippjanaw kif jirrovinaw iktar raba’, 3000 metru kwadru kull darba, u dan biex jibnu pompi li ftit ieħor mhux ser ikollna bżonn. Imbagħad x’nagħmlu bl-art li tkun diġa ġiet rovinata?

Alternattiva Demokratika taqbel li m’għandniex ħtieġa ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil fit-toroq tagħna. Fil-fatt kienet Alternattiva Demokratika, bil-ħsieb li tintlaħaq il-mira strateġika ta’ Karbonju Żero fil-gżejjer Maltin li fil-Manifest Elettorali ta’ l-aħħar elezzjoni ġenerali poġġiet quddiem l-elettorat din il-proposta speċifika: li fi żmien 20 sena, ċjoe sal-2037, għandhom jispiċċaw il-karozzi kollha li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil mit-toroq Maltin. Alternattiva Demokratika kienet l-uniku partit politiku f’Malta li kien ċar fuq dan f’Malta sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali.

Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru tal-10 ta’ Settembru 2017 kellha twassal għall-konklużjoni loġika li m’għandniex bżonn ta’ iktar pompi tal-petrol u d-dijsil. Kien ikun floku kieku tħabbar moratorju immedjat. Fil-fatt messna qegħdin ngħoddu l-ġranet li neħilsu darba għal dejjem mill-karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-dijsil. Bħala riżultat ta’ dan messu hu ovvju li fil-futur qarib m’hu ser ikollna bżonn l-ebda pompa tal-petrol jew dijsil: dawn għandhom jonqsu mit-80 li għandna illum sa xejn u dan meta tkun implimentata b’mod sħiħ il-politika mħabbra mill-Prim Ministru u li dwarha ilna 7 xhur nistennew il-konsultazzjoni pubblika.

M’għandniex bżonn ta’ pompi ġodda: imma għandna bżonn li jagħlqu l-pompi li ġja hawn mingħajr ma jinħolqu oħrajn flokhom. L-20 sena proposti minn Alternattiva Demokratika fil-manifest elettorali tal-2017 biex jispiċċaw mit-toroq Maltin karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil kienu meqjusa raġjonevoli, suffiċjenti u fl-istess direzzjoni ta’ deċiżjonijiet politiċi simili li ittieħdu minn pajjiżi oħra. Dan hu żmien biżżejjed biex tkun żviluppata l-infrastruttura nazzjonali meħtieġa għall-karozzi li jaħdmu bl-elettriku. Hu ukoll biżżejjed biex dawk li għandhom dawn it-tip ta’ karozzi jibdew jidraw ftit l-iżvilupp ta’ din ir-realtá ġdida bla petrol jew dijsil.

Bosta pajjiżi oħra diġa ddeċidew, inkella qegħdin fil-proċess li jiddeċiedu li fit-toroq tagħhom ma jkollhomx iktar karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-dijsil. Dawn jinkludu in-Norveġja u l-Olanda (it-tnejn sal-2025), il-Ġermanja (sal-2030), Franza, r-Renju l–Indja u ċ-Ċina (lkoll sal-2040). Ma jdumx ma jkun hemm oħrajn ukoll.
L-Awtoritá tal-Ippjanar qegħda tkompli tinjora dan l-iżvilupp importanti fil-politika tal-pajjiż billi tibqa’ għaddejja bl-applikazzjoni tal-politika imsejħa 2015 Fuel Service Stations Policy b’mod robotiku. Din il-politika dwar il-pompi tal-petrol u d-dijsil tippermetti qies massimu permissibli ta’ 3000 metru kwadru imma l-Awtoritá qatt ma qieset li kien neċessarju li tordna tnaqqis fil-qies tal-proposti li kellha quddiema. Għax kollha kellhom il-qies massimu ta’ 3000 metru kwadru. Bħala riżultat ta’ dan l-Awtoritá tal-Ippjanar flok għal pompi qed toħroġ permessi għal żoni massiċċi kummerċjali barra miż-żona tal-iżvilupp.

Din hi l-agħar forma ta’ spekulazzjoni tal-art u f’dan il-kaz it-tort hu unikament tal-Awtoritá tal-Ippjanar. L-Awtoritá tal-Ippjanar hi ta’ theddida għall-ġenerazzjonijiet futuri. Dan hu l-punt li għamlu ż-żgħażagħ mill-Moviment Graffiti u l-Kamp Emerġenza Ambjent meta nhar il-Ħamis ipprotestaw u ħarbtu laqgħa tal-Bord tal-Awtoritá tal-Ippjanar waqt li dan kien qiegħed jikkunsidra applikazzjoni għall-pompa ġdida tal-petrol u d-dijsil f’Ħal-Luqa.

Għandna Awtoritá tal-Ippjanar li hi ala bieba mill-ambjent u mill-kwalitá tal-ħajja. Bil-provi.

 

 

The Planning Authority encourages land speculation

Development permits for fuel stations are being approved left, right and centre by the Planning Authority.

Some months ago,  in a speech made in public, the Prime Minister said that the Government agrees that use of petrol and diesel cars should be phased out and that, in future, all cars should be electric. On the 10 September 2017, Joseph Muscat announced that government would “shortly” be launching a consultation on “setting a cut-off date beyond which all new car purchases would have to be electric or similar vehicles.”

Seven months have elapsed, and we are still waiting for the consultation exercise to be launched. And while we wait, land speculators (with the Planning Authority’s assistance) are in festive mood, plotting the ruin of 3000 square metres at a time to develop fuel stations that we will shortly not need any more. And what will be done with the spoiled land then?

Alternattiva Demokratika agrees with the proposal to establish a cut-off date for cars that run on petrol and diesel. Indeed in its manifesto at the last general election,  with a strategic zero carbon future for the Maltese Islands in mind, it put forward this specific proposal to the electorate: that internal combustion engine cars should be off our roads in 20 years time, that is by 2037. Alternattiva Demokratika was the only political party in Malta that took this clear stand before the general election.

In view of the Prime Minister’s declaration of the 10 September 2017, the logical conclusion is that new fuel stations are not required. An immediate moratorium would be in order and, in fact, we should be on the eve of the start of a countdown that would rid us of cars that run on petrol or diesel. Consequently, there will be no need for fuel stations in the not too distant future: reducing from the current 80 to none, when the phase-out – which is still subject to public consultation – is fully implemented.

We do not need new fuel stations: what we need is that existing fuel stations are closed down without their being replaced. The 20-year time-frame proposed by Alternattiva Demokratika in its 2017 electoral manifesto was considered to be reasonable, sufficient and in line with similar policy decisions taken in other countries. This time-frame was deemed sufficient to develop the required national infrastructure for electric-powered cars. It was also deemed to be a reasonable length of time to permit those who own vehicles running on internal combustion engines to adjust to the development of a new reality without petrol or diesel.

Various other countries have decided on – or are considering – the elimination of internal combustion engine driven vehicles from their roads. These include Norway and the Netherlands (both by 2025), Germany (by 2030), France, the United Kingdom, India and China (all by 2040). Others will soon follow.

The Planning Authority continues to ignore this policy development by applying the 2015 Fuel Service Stations Policy robotically. This policy establishes a maximum permissible size of 3000 square metres but the Authority did not consider it appropriate to scale down any of the proposals submitted for its consideration as all the approved stations cover the maximum size possible. As a result, the Planning Authority is churning out permits for massive commercial areas outside the development zone.

This is land speculation at its worst and the Planning Authority has no one to blame but itself and is a threat to future generations. This is the point made by the protestors from Graffiti and Kamp Emerġenza Ambjent last Thursday, when they stormed a Planning Authority Board meeting considering a development application for a new fuel station at Luqa.

We have a Planning Authority which doesn’t give two hoots about the environment and our quality of life.

 

Published in The Malta Independent on Sunday : 8 April 2018

 

Inħarsu l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd

mdalogo

indirizz li għamilt lil Laqgħa Ġenerali Annwali

tal-Malta Developers Association

il-Ħamis 4 ta’ Frar 2016

Bħalissa pajjiżna għaddej minn fażi fejn kulħadd qed iħoss il-ħtieġa li jgħid li għalih l-ambjent hu ta’ importanza kbira. Dan huwa importanti ħafna, anke jekk ma jistax jitwemmen kull ma jingħad.

L-importanza tal-ħidma favur l-ambjent hi rifless tax-xewqa li ngħixu f’armonija mal-eko-sistema u dan flok ma nkunu f’konflitt kontinwu magħha.  Dan itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd imma l-iktar ta’ dawk li huma bla mezzi jew b’mezzi limitati.

Il-ħidma tagħkom hi assoċjata ma ħsara ambjentali sostanzjali minħabba li tul is-snin inbniet ħafna art li wasslet għall-fatt stabilit fl-aħħar ċensiment ta’ il-fuq minn 70 elf propjetà residenzjali li huma vojta. Nistgħu nargumentaw dwar id-daqs u l-kundizzjoni ta’ din il-propjetà vojta, jew dwar il-fatt li numru mdaqqas tagħha hi użata bħala akkomodazzjoni staġjonali, imma l-fatti jibqgħu dak li huma: li pajjiżna hu żgħir wisq biex nittolleraw din il-ħela ta’ art, l-iktar riżors skars li għandna. Iċ-ċokon tal-pajjiż kellu jwassal għal iktar ħsieb dwar użu razzjonali tal-art. Mhux illum, iżda snin kbar ilu.

Ikun inġust li nitfa f’ħoġorkom biss il-ħtija għal dan l-istat ta’ fatt. Parti kbira mill-ħtija trid tintrefa mill-partiti politiċi mmexxija miż-żewġ sinjuri li ser jitkellmu warajja li, kif iddeskriva b’mod ikkulurit l-President tagħkom, qieshom żewġ supermarkets kbar li jippruvaw iħajjrukom bl-offerti tagħhom tant li daqqa tiġru wara wieħed u drabi oħra wara l-ieħor. Offerti li tul is-snin lilkom fetħulkom il-bibien imma fl-istess ħin għalquhom għal ħafna oħrajn għax kienu l-kawża ta’ ħsara ambjentali sostanzjali f’kull rokna ta’ Malta u Għawdex.

Filwaqt li tajjeb li nħarsu l-quddiem, ma nistgħux indaħħlu rasna fir-ramel, għax inkella ninsew l-abbużi w it-tmexxija ħażina li wasslu lil dan il-pajjiż fl-istat ambjentali li qiegħed illum. Kull darba li ninsew il-passat inkunu fil-periklu li jkollna repetizzjoni tal-istess żbalji ħoxnin li kienu responsabbli biex għaġnu l-preżent.

Ma għandi l-ebda dubju li kull wieħed minnkom jixtieq li l-kwalità tal-ħajja tkun aħjar għal kulħadd. Tixtiequ dan, l-ewwel u qabel kollox, għall-familji tagħkom u tagħmlu sewwa. Tajjeb imma li tifhmu li l-familji l-oħra ukoll għandhom l-istess xewqat u aspirazzjonijiet. Xewqat u aspirazzjonijiet li huma maħnuqa ma’ kull biċċa raba’ li tinbela’ mill-konkos biex jinbena xi blokk flats, inkella ma kull torri (żgħir jew kbir) li jdellel iż-żoni residenzjali ta’ madwaru u dan apparti t-tniġġiż tal-arja u l-ħsejjes ġġenerati. Il-profitti ġġenerati minn dan l-hekk imsejjaħ żvilupp iħallsu qares għalih il-ġirien. Dan ma jidhirx li jitkejjel minn xi indiċi ambjentali fażull ta’ xi Università Amerikana.

Il-ħolqien tal-assoċjazzjoni tagħkom kienet pass il-quddiem għax miġburin flimkien hemm ċans ikbar li tifhmu li lkoll kemm aħna qegħdin fl-istess dgħajsa. Miġburin flimkien hemm iktar ċans li titjieb l-attitudni. Huwa pożittiv li anke intom konxji li l-waħdiet fostkom li jabbużaw jagħmlu ħsara lil kulħadd, l-iktar lilkom stess, u li dawk fostkom li jimxu tajjeb b’rispett lejn il-komunità kollha fl-aħħar jagħmlu isem tajjeb għall-industrija kollha kemm hi.

Huwa neċessarju li tifhmu li biex l-industrija tal-bini jkollha futur jeħtieġ li lkoll nifhmu li din trid tagħti każ tar-realtajiet ta’ madwarna: u l-ikbar realtà hi ċ-ċokon tal-pajjiż li ma jistax jibqa’ jżid il-firxa tal-bini, la fuq l-art (inkluż permezz ta’ torrijiet) u wisq inqas fuq il-baħar. Nawgura li xi darba dan tifhmuh, għax qabel ma jasal dak il-jum ma nistgħux nimxu l-quddiem.

Sadanittant għandna bżonn li nsaħħu djalogu strutturat għax huwa biss b’dan il-mod li nistgħu nifhmu iktar lil xulxin. Hu għalhekk li Alternattiva Demokratika ltaqgħet magħkom u tibqa’ tiltaqa’ magħkom kull meta jkun meħtieġ.

Hu inutli li nfittxu li ntejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk ta’ madwarna jekk biex naslu ngħaffġu l-kwalità tal-ħajja ta’ ħaddieħor. It-tajjeb li nixtiequ lil dawk ta’ madwarna jeħtieġ li nferrxuh mal-bqija tal-pajjiz. Għax il-familja tagħna hi ikbar minn dik bejn l-erba’ ħitan ta’ darna. Huwa biss meta naħsbu f’ din il-familja estiża li inkunu nistgħu nitkellmu dwar il-progress. Imbagħad biss jibda jagħmel sens il-paroli ma jispiċċa qatt favur l-ambjent.