Ix-xogħoljiet għall-voti f’Għawdex

Ministry for Gozo

Illum fil-Qorti qed jinġabru l-provi dwar ix-xogħolijiet li saru għall-voti f’Għawdex.

Mix-xhieda ippubblikata diġa jidher ċar, li l-każ seta jiżviluppa safejn wasal il-lum għal żewġ raġunijiet.

L-ewwel : il-qraba tal-Ministru (f’dan il-każ ir-raġel) b’poter eżekuttiv.

It-tieni: uffiċjal pubbliku ieħor b’awtorità li jiddeċiedi li beża’ jieqaf għat-talbiet tal-qarib tal-Ministru: iffirmhom kollha sal-elezzjoni, meta rabba’ l-kuraġġ u qal le.

Dan kollu tistgħu tarawh ukoll fid-dawl tat-tneħħija tas-Segretarju Parlamentari Frank Psaila li ġie mġiegħel jirtira ta’ sittin sena għax huwa u l-Ministru tiegħu Giovanna Debono ma kienux kompatibbli.

Psaila kien ilmenta li ma setax jagħmel xogħol sewwa minħabba li kellu indħil politiku kontinwu.

Il-konklużjonijiet:

  1. L-ebda Ministru m’għandu bżonn lill-qrabatu fil-Ministeru tiegħu. Dawn jew ikunu sors ta’ abbuż inkella jkun hemm min jabbuża minnhom!
  2. L-uffiċjali pubbliċi imlaħħqin li kapaċi jagħmlu xogħolhom għandna, bħala pajjiż, nibżgħu għalihom. Il-ħatriet tas-Segretarji Permanenti fil-Ministeri m’għandhomx isiru fuq kriterji ta’ lejaltà politika imma a bażi ta’ kompetenza.

 

Ġiovanna Debono u s-Segretarju Permanenti

Gozo Ministry

Il-każ dwar żewġ Ġiovanna Debono li dwaru tressqu akkużi fil-Qorti tal-Maġistrati jixraq li jieħu l-kors tiegħu. Il-Pulizija tressaq il-provi tagħha u wara li dawn il-provi jkunu mgħarbla mid-difiża u mill-Qorti tingħata sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati.

Il-każ huwa dwar klijenteliżmu, fejn qed jiġi allegat illi intefqu flus pubbliċi biex isiru xogħolijiet li ma kellhomx isiru. Qed jintqal li min ibbenefika minn dawn ix-xogħolijiet ħallas lura bil-vot tiegħu.

Fil-waqt li rridu nistennew, kif ġja għidt, biex jitressqu l-provi u dan ħalli jkun stabilit jekk dak li qiegħed jintqal hux minnu jew le, jkun xieraq li nżommu quddiem għajnejna illi s-settur pubbliku għandu mekkaniżmi interni ta’ kontroll illi, jekk jaħdmu sewwa jagħmluha diffiċli illi jseħħu każijiet bħal dak li beda kontra r-raġel ta’ Ġiovanna Debono.

Niftakru imma li hemm bosta li l–kontrolli fuq l-infieq u fuq l-amministrazzjoni  fis-settur pubbliku jarawhom burokrazija żejda.  F’Għawdex stess kien hemm Segretarju Permanenti li kien mitlub illi jirtira qabel iż-żmien minħabba illi ma kienx kompatibbli mal-Ministru ta’ dakinnhar, l-Onorevoli Ġiovanna Debono.

Fuq dan il-blog, f’Marzu li għadda ppubblikajt blogpost bit-titlu: Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila.  Dak il-kaz kont iddeskrivejtu bħala inkwetanti minħabba li Psaila kien qed jilmenta illi kellu indħil politiku li minħabba fih ma setax jaqdi kif inhu xieraq id-doveri tiegħu ta’ Kap taċ-Ċivil f’Għawdex.

Fid-dawl li dak li għaddej bħalissa, l-każ ta’ Frank Psaila jassumi sinifikat ikbar.

Min għandu widnejn ħa jisma’.

Voti u pjaċiri fil-Ministeru għal Għawdex

 Ministry for Gozo

L-aħbarijiet dwar it-taħwida f’Għawdex fi żmien il-Ministru Ġiovanna Debono fuq it-tpartit bejn pjaċiri u voti qed jintensifikaw.

Hi taħwida li probabbilment ma konniex inkunu nafu biha kieku ma kienx hemm kuntratturi li kienu għadhom ma tħallsux.

Għax il-każ ma sirniex nafu bih għax xi ħadd missitu l-kuxjenza biex jirrapporta l-ħmieġ. Il-motiv kien wieħed biss: kien għadu ma tħallasx tax-xogħol li tqabbad jagħmel.

Hemm ħafna mistoqsijiet li jeħtieġu tweġiba. Mhux biss dwar min ħa id-deċiżjonijiet, imma iktar u iktar dwar min kellu l-poter li jżomm dan il-ħmieġ milli jseħħ u ma ħax passi. Fi ftit kliem min għalaq għajnejh meta xogħolu hu li jzommhom miftuħin beraħ il-ħin kollu.

Hemm punt ieħor importanti, li fl-opinjoni tiegħi hu ta’ natura fundamentali. Ġimgħa ilu fuq dan il-blog ippubblikat artiklu intitolat : Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila.

Dakinnhar tkellimt dwar kif Frank Psaila kien mitlub jirtira kmieni mis-servizz pubbliku fl-età ta’ sittin sena. Dan wara li hu ilmenta illi ma setax jagħmel xogħolu sewwa u dan minħabba li kien qed ikollu ndħil politiku.

Bla ma trid bilfors tistaqsi lilek innifsek  jekk it-tneħħja ta’ Frank Psaila minn Segretarju Permanenti iffaċilitatx dan it-taħwid kollu.

Bilfors ukoll tistaqsi allura dwar kemm hu għaqli li s-Segretarji Permanenti fil-Ministeri jinbidlu mal-bidla fil-Gvern. Mhux aħjar ikollna nies ta’ esperjenza u integrità? Mhux aħjar ikollna nies kapaċi jxommu l-affarijiet  u jwaqqfu meta jkun meħtieġ?

Is-Segretarji Permanenti fil-Ministeri m’għandhomx ikunu qaddejja tal-Ministru, l-anqas qaddejja tal-Gvern. Iżda qaddejja tas-servizz pubbliku.

Fil-Ministeru għal Għawdex: is-Segretarju Permanenti Frank Psaila

Gozo Ministry   Frank Psaila

 

Il-każ tas-Segretarju Permanenti Frank Psaila fil-Ministeru għal Għawdex fiż-żmien li kien Prim Ministru Lawrence Gonzi  (2005) hu inkwetanti ħafna.

Il-każ huwa dwar Frank Psaila sal-2005 Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex.  Psaila jgħid li kiteb biex jilmenta li xogħolu konsistenti fit-tmexxija  tas-servizz pubbliku f’Għawdex ma setax jagħmlu sewwa għaliex kien qed ikollu indħil politiku kontinwu.

S’hawnhekk wieħed jammira l-kuraġġ ta’ Frank Psaila li kiteb biex jirrapporta u bit-tama li xi ħadd jiċċaqlaq. It-tweġiba li rċieva bil-fomm inqisha bħala daqqa ta’ ħarta għas-serviżż ċivili. Frank Psaila kien mitlub biex jirtira ta’ 60 sena miċ-ċivil għax ma kienx kompatibbli mal-Ministru tiegħu!

Lil Frank Psaila ftit iltqajt miegħu fuq xogħol. Imma kien biżżejjed biex iffurmajt l-opinjoni li kien jaf x’inhu jagħmel u li ma kienx qaddej tal-Ministru iżda qaddej tal-pajjiż (civil servant).

Dan il-każ jitfa dawl fuq x’tip ta’ Segretarji Permanenti jitneħħew. Ma nafx jekk hux rifless ukoll dwar x’tip ta’ Segretarji Permanenti ma tneħħewx!

Dan il-każ iżda jispjega b’mod ċar il-mandra li l-pajjiż jinsab fiha illum.

Naħseb li dan il-pajjiż jixraqlu ħafna aħjar. Nofs tuzzan Segretarji Permanenti bħal Frank Psaila naħseb li jagħmlu l-ġid!