L-għarbiel hu meħtieġ

 

MEPA_building

Id-dibattitu ambjentali fil-pajjiż qed irabbi l-għeruq. Iktar nies huma konxji ta’ dak li qiegħed  jiġri. Peró dan mhux rifless biżżejjed fil-mod kif in-nies iġġib ruħha. F’dan is-sens għadna ftit lura. Imma, wara kollox, dan huwa proċess li jieħu żmien mhux żgħir biex minn għarfien aħjar ngħaddu għall-impenn.

Waħda mid-diffikultajiet li rridu niffaċċjaw kuljum hi l-frammentazzjoni tas-settur pubbliku b’mod li r-riżorsi li għandu, l-pajjiż ma jagħmilx użu tajjeb biżżejjed tagħhom, għax dawn huma mifruxa żżejjed. Il-qasma tal-MEPA f’żewġ awtoritajiet jiena nħares lejha f’dan is-sens.

Il-MEPA ma kienitx qed taħdem tajjeb, imma li taqsamha f’żewġ biċċiet, qatt ma kienet soluzzjoni, għax kull waħda miż-żewġ biċċiet qatt mhu se tkun b’saħħitha biżżejjed, l-anqas fil-qasam tagħha.

Il-MEPA ma kienitx b’saħħitha biżżejjed minħabba li fil-ħidma tagħha tul is-snin, qatt ma poġġiet l-interess tal-komunità sħiħa fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Dejjem iffukat fuq l-iżvilupp tal-art u assigurat li l-bqija ta’ ħidmieta ma jtellifx dan l-iskop primarju. Meta fl-2002 l-ambjent ingħaqad mal-iżvilupp tal-art f’awtorità waħda kien hemm opportunità tad-deheb, li sfortunatament ma ġietx użata sewwa.

F’pajjiż żgħir bħal tagħna, l-eżistenza ta’ awtorità waħda għall-ambjent u l-ippjanar għall-użu tal-art kienet opportunità unika biex il-ħidma ambjentali tkun iffukata u effettiva. (Il-ħidma ambjentali tinkludi l-ippjanar għall-użu ta’ l-art.) Minflok, din l-opportunità intużat ħażin. Kien hemm il-possibilità ta’ sinerġija, imma din ġiet skartata. Minflok, ġie assigurat li d-Direttorat tal-Ambjent jibqa’ bla riżorsi umani u tekniċi inkluż bla direttur għal diversi snin, kif għadu sal-lum li qed nikteb. Kif kien, bla snien u bla idejn, id-Direttorat tal-Ambjent ftit seta jkun effettiv.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa ġiet konkluża d-diskussjoni fil-Parlament biex il-MEPA tinqasam mill-ġdid f’żewġ awtoritajiet: awtorità għall-ambjent u oħra għall-ippjanar għall-użu tal-art. Il-liġijiet li tressqu f’ħafna aspetti huma identiċi għal-liġi l-qadima, bid-difetti b’kollox.

Kull waħda miż-żewġ liġijiet ewlenin ippreżentati, fiha lista ta’ prinċipji li qegħdin hemm biex iservu ta’ gwida għall-Gvern, u anke għall-awtoritajiet il-ġodda infushom, dwar il-mod kif għandhom jaġixxu. Imma, sfortunatament dawn tħallew biss bħala prinċipji fuq il-karta għax mhuwiex possibli li ċittadin ordinarju inkella għaqda ambjentali tmur il-Qorti bl-insistenza li dak li l-Parlament approva fil-prinċipju jitwettaq. Din mhix xi ħaġa ġdida, għax dan id-difett fil-liġijiet ġie ikkupjat mil-liġi l-qadima li fis-sustanza tgħid l-istess affarijiet.

Bid-difetti kollha tal-liġijiet, dawn jitħaddmu, tajjeb jew ħażin, skond x’tip ta’ persuni jinħatru biex imexxuhom. Kellna, u għad għandna, kemm persuni kapaċi kif ukoll persuni li mhumiex kapaċi biex imexxu dawn it-tip ta’ awtoritiajiet. Kultant, xi persuni kapaċi ddakkru mill-bqija.

Qatt mhu tajjeb li l-Gvern jiddeċiedi waħdu dwar il-persuni li għandhom ikunu fdati bit-tmexxija ta’ dawn l-awtoritajiet. Il-prattika fl-Unjoni Ewropeja u anke fl-Istati Uniti tal-Amerika hi li l-persuni li jinħatru jkunu mgħarbla fil-pubbliku minn kumitati tal-Parlament. Il-proċess fl-Istati Uniti tal-Amerika huwa ħafna iktar rigoruż minn dak fl-Unjoni Ewropeja. Hemmhekk anke l-imħallfin prospettivi jgħarblu u mhux l-ewwel darba li kien hemm persuni nominati li ma kisbux l-approvazzjoni biex jinħatru.

Dan ifisser li wara li l-Gvern jinnomina lill-persuni li għandhom imexxu dawn jidhru quddiem kumitat parlamentari li jistaqsihom diversi mistoqsijiet, u jiddibatti magħhom il-fehmiet u l-esperjenzi tagħhom relatati mall-oqsma differenti ta’ ħidma tal-awtorità li jkunu ġew nominati biex imexxu. Dan isir biex ikun stabilit jekk humiex kompetenti biex imexxu.

Hi sistema li meta tkun addottata għandha isservi ta’ xprun fuq il-Gvern tal-ġurnata biex joqgħod iktar attent dwar il-persuni maħtura, għax id-difetti jew in-nuqqasijiet tagħhom b’dan il-mod hemm ċans tajjeb illi jiġu esposti immedjatament.

Din il-proposta saret kemm fil-manifest elettorali tal-Alternattiva Demokratika kif ukoll fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Fil-Parlament f’dawn il-ġranet, ġew ippreżentati proposti f’dan is-sens kemm minn Marlene Farrugia f’isem Alternattiva Demokratika kif ukoll minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista.

Minkejja li kien hemm l-opportunità ta’ kunsens dwar dawn il-proposti, il-Gvern sfortunatament għażel li jirreżisti dak li kien ikun ċertament pass kbir il-quddiem fil-kontabilità tat-tmexxija tal-awtoritajiet.

Kien biss nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru, li waqt id-diskussjoni pubblika organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja li l-Prim Ministru iddikjara illi l-Partit Laburista ma abbandunax l-idea imma li għadu qed jiżviluppa qafas li jkun japplika għal firxa wiesa’ ta’ awtoritajiet. Filwaqt li dan hu tajjeb jibqa’ l-fatt li intilfet opportunità unika fid-dibattitu parlamentari li tiġi introdotta s-sistema tal-għarbiel bi prova fil-qasam li hi l-iktar meħtieġa, dak ambjentali.

Għax wara koIlox huma dawk afdati bit-tmexxija li jistgħu jagħmlu d-differenza, anke jekk il-liġijiet jibqgħu difettużi. Għalhekk il-ħtieġa li ngħarblu aħjar il-ħatriet li jsiru, illum qabel għada. Hu b’hekk li l-għarfien aħjar tal-obbligi ambjentali tagħna nistgħu nittrasformawhom f’awtoritajiet impenjati bis-serjeta biex jagħmlu dmirhom.

ippubblikat fuq Illum: il- Ħadd 13 ta’ Diċembru 2015

Il-Partit Nazzjonalista u l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa

Armier ittra

 

Il-partiti politiċi fil-Parlament ħafna drabi ma jieħdux pjaċir jiftakru jew tfakkarhom fil-passat tagħhom. Jgħidulna biex il-passat inħalluh għax huma jridu jħarsu l-quddiem.

Hu obbligu tagħna li niftakru il-passat ukoll. Mhux biss għax il-passat hu l-mera tal-futur, imma, iktar minn hekk għax min il-bieraħ xejn ma ddejjaq jarmi l-prinċipji l-baħar, xejn m’hu ser jerġa’ jaħsibha biex għada (jekk ikollu l-opportunità) jerġa’ jagħmel l-istess.

Nhar il-Ġimgħa li għaddiet Simon Busuttil, il-Kap tal-Opposizzjoni, waqt id-diskussjoni organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja offra l-kooperazzjoni tal-Partit Nazzjonalista lill-Gvern biex jitneħħew l-irregolaritajiet tal-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa.

Dam jaħsibha 25 sena l-Partit Nazzjonalista. Kellu iċ-ċans kollu tad-dinja biex mhux biss jitkellem kontra l-irregolaritajiet tal-bini, imma seta ukoll ineħħihom. Imma sfortunatament fis-siegħa tal-prova il-PN beża’ milli jimxi sewwa. Fis-siegħa tal-prova, l-PN l-prinċipji rmiehom il-baħar, għax beża’ li jitlef il-voti.

Tista’ allura teħodhom bis-serjetà meta jitkellmu b’dan il-mod? Donnhom għadhom jaħsbu li jistgħu jibqgħu jgħaddu n-nies biż-żmien.

Kellna ex-Ministru li xi snin ilu kiteb fil-gazzetti li hu (fil-bidu tas-snin 90) kien ressaq quddiem il-Kabinett proposta biex il-boathouses illegali fl-Aħrax tal-Mellieħa jitneħħew. Imma l-Kabinett dakinnhar ma qabilx.

Huwa konvenjenti għall-PN li issa jitkellem kontra l-boathouses tal-Aħrax tal-Mellieħa. Meta seta mhux biss jitkellem imma seta ukoll jieħu passi wasal għal ftehim magħhom bħalma għamel lejlet l-elezzjoni tal-2003. Dakinnhar għall-PN il-voti kienu iktar importanti mill-prinċipju li jimxi sewwa.

Minkejja dan kollu huwa ta’ sodisfazzjoni għal Alternattiva Demokratika li wara li ilha snin twal tikkampanja kontra l-bini illegali tal-boathouses fl-Aħrax tal-Mellieħa (Ramlet il-Qortin, l-Armier, Little Armier u t-Torri l-Abjad) issa anke l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li kkonvinċa ruħu li ma jistax u m’ghandux jibqa’ jappoġġa dawn il-ħniżrijiet.

Ikun tajjeb, kieku l-Kap tal-Opposizzjoni Simon Busuttil jiddisassoċja ruħu mill-ftehim li kien għamel il-Partit Nazzjonalista qabel l-elezzjoni tal-2003 ma dawk li qegħdin fil-boathouses. Dak il-ftehim, tajjeb li niftakru, kien jipprovdi biex 26 ettaru (260,000 m2) ta’ art tal-Gvern fl-Aħrax tal-Mellieħa jgħaddu għand il-kumpanija Armier Developments Limited għal 65 sena (bi ħlas ta’ €366,000 fis-sena) biex ikunu żviluppati boathouses ġodda.

Hi ħasra li l-PN dam 25 sena biex fetaħ għajnjejh u ra d-dawl. Li fetaħom ftit snin ilu kien jagħmel ftit ġid. Issa sfortunatament il-ħsara laħaq għamilha.

Hu għalhekk li din il-konverżjoni ambjentali tal-Partit Nazzjonalista ma tikkonvinċi lil ħadd. Għax hi biss għal konvenjenza.

Kummentarju li xxandar fuq l-RTK it-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2015

L-Aħrax tal-Mellieħa: tagħna lkoll?

 

 

Id-diskussjoni ta’ hawn fuq saret qabel l-elezzjoni tal-2013.

Il-bieraħ waqt id-diskussjoni li ġiet organizzata mill-Kummissjoni Ambjent tal-Knisja dwar l-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato Si Simon Busuttil ammetta li l-PN fil-Gvern għamel l-iżbalji dwar il-boathouses tal-Armier. Offra l-kooperazzjoni tal-Opposizzjoni lill-Gvern biex dawn l-illegalitajiet jitneħħew.

Joseph Muscat qal li ma jridx jibda mill-Armier. Iżda minn każijiet ferm iktar gravi.

Bdew jiċċaqalqu t-tnejn li huma. Forsi l-ewwel pass għaqli jkun li kemm il-PN kif ukoll il-PL iħassru kull ftehim li għandhom ma’ dawk li bnew il-boathouses.

Anke l-Knisja hemm bżonn li tieħu posizzjoni. S’issa l-illegalitajiet ġew imbierka mill-Knisja li torganizza attivitajiet reliġjużi fl-Aħrax tal-Mellieħa.

L-Aħrax tal-Mellieħa jixraqlu jkun tagħna lkoll.

 

9 ghost towns in Malta

 
 
Malta has nine ghost towns each of them being equivalent in size to B’Kara.
 
I made this statement when addressing an environmental conference organised by the Church Environment Commission on Friday afternoon at Floriana.
 

The 2005 census had identified 53,000 vacant properties. It is estimated that the current census would identify a substantial larger number which would be well above 70,000. 

The Census is intended to aid policy makers by providing information relevant to their decision-making. Unfortunately when the 2005 Census was concluded Government ignored the information available. The 2005 Census had identified that in the 10 years leading to 2005 vacant properties had increased by 17,413. Yet Government went on to increase substantially land available for developement through three specific measures. This was done notwithstanding that there was a large amount of vacant property.

The three measures through which additional land was released for development were :

1) the extension of the development zones through the rationalisation exercise,

2) the increase in the permissible height of development in various localities.

3) the relaxation of the height at which a penthouse can be constructed. A penthouse can now be constructed when the maximum permissible height is three floors.   This was previously permissible when the permissible height was four floors.

When faced by such a quantity of vacant property it does not make sense to encourage more building construction through a relaxation of land use policy. Government’s land use planning policy has resulted   in more than 70,000 vacant properties. These are the equivalent to 9 ghost towns each  of which is the size of B’Kara.

The full text of the delivered address which was delivered in Maltese is the following :

_______________________________________________________________________

 

Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent

 

Konferenza dwar ir-riżorsi u l-iżvilupp sostenibbli

 

 Biżżejjed għal kulħadd ? 

 

minnCarmelCacopardo

 

kelliemi ta’ Alternattiva Demokratika

 

dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Intern

 

 

 

Tajjeb li nibda bil-frażi “biżżejjed għal kulħadd” li jeħtieġ li tkun iċċarata ftit. Il-kliem kif imqiegħed jinftiehem illi dak li hawn madwarna qiegħed hemm biex naqsmuh bejnietna. Għalhekk meta jingħad li hawn “biżżejjed għal kulħadd” speċi qed jingħad li m’hemmx għalfejn tinkwieta għax sehemek tista’ tieħdu inti ukoll.

 

Naħseb li dan hu mod żbaljat kif infissru l-iżvilupp sostenibbli. Għax dak li hawn madwarna la hu tagħna u l-anqas ma hu għalina biss. Xi darba forsi nifhmu li aħna l-bnedmin ma nippossjedux id-dinja iżda qegħdin hawn u niffurmaw parti minn eko-sistema.  Aħna parti minn xi ħaġa ikbar: m’aħniex waħedna. Hawn ħlejjaq oħra madwarna. Xi wħud mill-bnedmin għarfu dan u irrikonoxxew li aħna parti minn familja kbira li fiha hemm ukoll ħuna x-xemx, oħtna l-qamar u ħlejjaq oħra. Dawn huma sentimenti li ma ġewx espressi biss minn persunaġġi reliġjużi bħal San Franġisk t’Assisi iżda insibuhom fl-egħruq tal-komunitajiet indiġeni imxerrda mal-erbat irjieħ tad-dinja.    

 

Sfortunatament id-dinja żviluppat b’mod differenti minn hekk għax il-bniedem fittex li jaħtaf u jiddomina kemm fuq il-bnedmin kif ukoll fuq in-natura. U n-natura li issa xebgħet bdiet tirritalja u bil-ħerba li qed tnissel permezz tal-bidla fil-klima qegħda tkaxkar minn nofs kull ma issib. Jeħel ma rasha kulħadd, mhux biss min ħarbat.

 

L-iżvilupp jista’ jkun sostenibbli meta nifhmu dan kollu u naġixxu fuqu. Hu sostenibbli meta nifhmu li hemm limiti li l-eko-sistema timponi (li l-ebda Gvern ma jista’ jeżentak minnhom) u li meta dawn il-limiti jinqabżu hemm il-konsegwenzi mhux biss għalik iżda għal kulħadd fuq firxa ta’ żmien. L-iżvilupp hu sostenibbli meta l-bniedem jimxi b’rispett lejn kull ma hemm madwaru: rispett kemm lejn in-natura kif ukoll lejn il-bnedmin l-oħra. Għandna l-obbligu ukoll li nirrispettaw il-ħidma ta’ ħaddieħor. Obbligu li jimmanifesta ruħu fil-mod kif il-bniedem jorganizza l-ħidma tiegħu (l-ekonomija) kif ukoll fil-mod kif in-natura torganizza l-ħidma tagħha f’dak li nsejħu l-habitats naturali. L-ekonomija tal-bniedem m’hiex iktar importanti mill-ekonomija tan-natura. Jekk inħalluhom iżda jistgħu jimxu id f’id.

 

Uħud jitkellmu fuq bilanċ bejn l-ekonomija, l-ambjent u l-politika soċjali biex juru kemm fehmu u li huma fuq quddiem nett fit-triq tal-iżvilupp sostenibbli. Min jitkellem fuq dan il-bilanċ immaġinarja għadu ma fehem xejn. Il-qerda ambjentali li issir kontinwament f’isem dak li jissejjaħ żvilupp ma tista’ qatt titqies ġustifikata mit-tkabbir ekonomiku.  Ekonomija li tikber b’dan il-mod m’għandniex bżonnha.

 

Dan iġibni għas-suġġett tal-lum. Il-bini ta’ madwarna.

 

Qed jingħad li hawn biżżejjed għal kulħadd. Iżda waqt li hawn eluf ta’ units residenzjali vojta hawn ftit iktar minn 2,000 persuna reġistrati mal-Awtorita’ tad-Djar għax m’għandhomx saqaf diċenti fuq rashom. Ma dawn l-2000 persuna hemm oħrajn li qatgħu qalbhom mis-sistema u ma jfittxux l-għajnuna. Dan hu qasam li fih il-politika falliet għax filwaqt li ntqal minnkollox biex jiġġustifika bini bl-adoċċ fl-erbat irjieħ ta’ Malta u Għawdex għandna ammont kbir ta’ bini li hu vojt. Iżda xorta għandna soċjeta’ li m’hiex kapaċi tipprovdi għad-dgħajjef.

 

Iċ-ċensiment tal-2005 kien identifika il-fuq minn 53,000 post vojt. Iċ-ċensiment li għaddej bħalissa ser jidentifika numru ferm ikbar ta’ postijiet vojt, numru li uħud qed ibassru li ser jaqbeż sew is-70,000.

 

Iċ-ċensiment isir biex tinġabar l-informazzjoni li iktar tard tista’ tkun ta’ għajnuna lill-awtoritajiet biex jieħdu deċiżonijiet li jkunu meħtieġa. Sfortunatament meta sar iċ-ċensiment tal-2005 il-Gvern ma tax każ tal-informazzjoni li inġabret.

 

Ħa nispjega ftit.

 

Iċ-ċensiment tal-2005 wera li l-propjetajiet vojta kienu jammontaw għal 53,136     Mhux biss. Iżda ċ-ċensiment wera ukoll li matul l-għaxar snin 1995-2005 il-propjetajiet vojta kienu  żdiedu minn 35,723 għal 53,136. Minkejja din iż-żieda ta’ 17,413 propjeta’ vojta fis-suq fuq perjodu ta’ 10 snin il-Gvern 9 xhur wara ċ-ċensiment kompla jillaxka l-politika tiegħu dwar l-ippjanar għall- użu tal-art bi tlett miżuri partikolari.

 

L-ewwel estenda ż-żoni ta’ żvilupp billi żied ammont konsiderevoli ta’ artijiet bil-politika ta’ razzjonalizzazzjoni taż-żoni ta’ żvilupp. It-tieni fil-Pjani Lokali approvati f’Awissu 2006 estenda l-għoli permssibli f’diversi żoni residenzjali. It-tielet illaxka r-regoli dwar il-bini tal-penthouses billi ppermetta li dawn ikunu jistgħu jinbnew ukoll fejn l-għoli permissibli hu ta’ tlett sulari (b’żieda mat-tlett sulari) flok kif kien qabel f’zoni fejn l-għoli permissibli kien ta’ erba’ sulari.

 

F’sitwazzjoni fejn il-propjetajiet vojta żdiedu b’medja ta’ 1,800 propjeta fis-sena ma jagħmilx sens li tinkoragixxi iktar bini.

 

Il-bini vojt fl-2005 kien jikkonsisti primarjament fi flats u penthouses (24,295 – 45.7%). Kien hemm ukoll 13,872 terraced house u 9,857 maisonette. Il-parti l-kbira minn din il-propjeta’ kienet jew fi stat tajjeb ta’ manutenzjoni inkella kienet tirrikjedi ftit li xejn tiswija.

 

5,724 (10.8%) mill-postijiet vojta kienu għadhom fi stat ta’ ġebel u saqaf.

 

Il-posizzjoni illum hi agħar milli kienet fiċ-ċensiment ta’ sitt snin ilu. L-industrija tal-kostruzzjoni hi konxja minn dan u fil-fatt naqsu l-ammont ta’ applikazzjonijiet għal permessi ta’ żvilupp kif ukoll per konsegwenza naqsu n-numru ta’ permessi li qed jinħarġu.

 

Il-kriżi li qed tiffaċċja l-industrija tal-kostruzzjoni toffri l-opportunita’ lil din l-istess industrija biex tirristruttura ruħha. Huwa l-mument li tieqaf tibni art verġni jew twaqqa’ l-bini u tiżviluppah mill-ġdid iżda b’mod iktar intensiv. Hu meħtieġ li l-industrija titfa ħarsitha lejn ir-riabilitazzjoni ta’ bini qadim u r-riġenerazzjoni tal-ibliet u l-irħula tagħna. L-iskemi imħabbra mill-Gvern fl-aħħar budget huma fid-direzzjoni tajba, iżda għandhom jitqiesu biss bħala l-bidu. Biex dan isir hemm ħtieġa ta’ taħriġ fis-snajja li bħala riżultat tal-industrializzazzjoni tal-kostruzzjoni intilfu jew naqsu konsiderevolment.

 

Din hi l-isfida. Li inħarsu l-art li baqgħalna flimkien mal-bini qadim. B’madwar 70,000 post vojt ftit li xejn hemm ħtieġa ta’ bini ġdid fis-snin li ġejjin. Huwa neċessarju li nużaw aħjar dak li għandna.

 

Hemm bżonn inċentivi biex il-bini vojt ikun utilizzat. Hemm bżonn li nifhmu ukoll li l-bini li jinżamm vojt jitfa piż fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Meta wieħed iqis li fl-2005 kien hawn ftit iktar minn192,000 unit residenzjali dan ifisser li 70,000 post vojt ifissru li l-ispejjes għat-toroq, elettriku, ilma u drenaġġ għal bejn kwart u terz tal-pajjiż huma spejjes moħlija li faċilment setgħu ntużaw biex itejbu l-infrastruttura tal-bqija tal-pajjiż.

 

Meta wieħed iqies li miċ-ċensiment tal-2005 jirriżulta li f’B’Kara kien hemm 7,613 propjeta’ residenzjali ifisser illi bil-propjeta’ vojta li hawn illum qiesu għandna 9 lokalitajiet daqs B’Kara vojta (speċi ta’ ghost towns).  U biex inbnew dawn il-propjetajiet vojta ġiet sagrifikata raba’ u ġonna ta’ propjeta qadima fl-ibliet u l-irħula tagħna li kienu jservu bħala l-pulmun tagħhom.  

 

L-isfida tal-pajjiż hi waħda kbira. L-ewwel li ma nistgħux nibqgħu nibnu iżjed art. It-tieni li r-riżorsi umani fl-industrija tal-bini (hemm madwar 11,000 ruħ li l-impieg tagħhom jiddependiminn din l-industrija) jkunu iħarrġa. It-taħriġ huwa meħtieg kemm għal xogħol fl-indutrija innifisha kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-migrazzjoni għal xogħol ieħor. Dan hu inevitabbli jekk l-industrija tal-kostruzzjoni tirridimensjona ruħha għall-ħtiġjiet reali tal-pajjiż. Huwa hekk biss li naqbdu t-triq tal-iżvilupp sostenibbli, meta inħarsu fil-bogħod u nippjanaw b’mod li dak li nagħmlu illum ma jkunx biss ta’ ġid għalina illum iżda jservi ukoll biex il-ġenerazzjonjiet ta’ għada jkollhom huma ukoll il-possibilta li jippjanaw ħalli jilqgħu għall-isfidi l-ġodda li huma ukoll ser ikollhom.

 

S’issa bħala pajjiż ġejna naqgħu u nqumu minn għada. Inkunu bdejna nimxu l-quddiem meta nibdew inħarsu fit-tul u nibdew nagħtu importanza lill-għada daqs kemm nagħtu importanza lil illum.

 

9 ta’Diċembru 2011