It-tieġ ta’ Venezja u l-ħasil tal-flus

 

Diversi qed jistaqsu għalfejn dan l-għaġeb kollu dwar min attenda għat-tieġ li sar Venezja fejn iżżewweġ dak li sa ftit ġranet ilu kien iċ-Chairman u s-sid tal-bank Pilatus, Ali Sadr Hasheminejad.

Kull wieħed minna għandu l-obbligu li joqgħod attent biex dak li jagħmel fil-ħajja privata tiegħu jew tagħha ma jirriflettix ħażin fuq il-ħidma pubblika tiegħu jew tagħha. Biex inkun ċar, meta ngħid il-ħidma pubblika mhux qed nillimita ruħi għall-politiċi.

Sfortunatament għal bosta sar qiesu xejn m’hu xejn.

L-arrest fl-Istati Uniti tal-Amerika ta’ Ali Sadr Hasheminejad sar il-ġimgħa l-oħra. Kien arrest dwar ksur tal-liġijiet Amerikani fuq is-sanzjonijiet kontra l-Iran.

Imma kien ix-xahar l-ieħor li l-European Banking Authority fetħet inkjesta preliminari dwar is-sorveljanza li l-MFSA għamlet fuq il-bank Pilatus u b’mod partikolari dwar id-due diligence meħtiega biex ikun stabilit is-sors tat-€8 miljuni kapital inizzjali biex fetaħ il-bank.

L-issue tal-ħasil tal-flus ilha tissemma xhur sħaħ fil-konfront tal-bank Pilatus.

Il-mistoqsija allura li teħtieġ tweġiba hi dwar jekk kienx hemm preżenti għal dan it-tieġ f’Venezja persuni li x-xogħol tagħhom ta’ kuljum jikkonċerna s-sorveljanza kontra l-ħasil tal-flus.

Biex inkun l-iktar ċar possibli ħa nikkwota ir-rapport ta’ Lovin Malta li ġie ippubblikat il-bieraħ il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018. Jgħid hekk :
“Also present at Ali Sadr’s wedding was Juanita Bencini, a consultant at KPMG – the auditors of Pilatus Bank. Bencini is President of the Institute of the Financial Services Practitioners and chairs the IFSP’s Prevention of Money Laundering And Funding Of Terrorism committee. She is also board member of the government’s finance promotional arm FinanceMalta and chairs the anti-money laundering committee of the Malta Institute of Accountants.

She was accompanied to the wedding by her husband Austin Bencini, who sits on the board of directors of Allied Newspapers – which owns The Times of Malta.”

Ikun interessanti ħafna jekk inkunu nafu x’taħseb l-MFSA dwar dan. U kif qegħdin fiha l-korpi professjonali tal-accountants u l-awdituri jistgħu jilluminawna ftit ukoll!

L-etika professjonali fejn hi?

 

It-tieġ f’Venezja: kien hemm regolaturi preżenti?

Wara li dak kollu li ġara mill-bank Pilatus u dawk kollha li missew miegħu, kemm dak magħruf kif ukoll dak li s’issa għadu mhux magħruf, bla dubju hemm tħassib serju dwar il-familjarita żejda ta’ Ali Sadr Hasheminejad ma dawk fil-poter kif ukoll ma dawk fid-dellijiet tal-poter f’Malta.

Huwa ġust li intwera tħassib kbir għal din il-familjarita, bla dubju żejda u ta’ ħsara.

Issa bdew ħierġin ukoll ismijiet ġodda, dawk attivi fis-settur finanzjarju li ukoll kellhom din il-familjarita mas-sid tal-bank Pilatus. Anke hawn hemm lok għal thassib u jkun interessanti ħafna kieku kellna nkunu nafu l-istampa kollha biex nifhmu iktar dak li fil-fatt ġara u li fil-parti l-kbira tiegħu għadu mhux magħruf. Hemm min bla dubju jixtieq li dan kollu jibqa’ mhux magħruf.

Min kixef biċċa, u min kixef biċċa oħra. Min kixef, kixef dak li qabillu. Tat-Times qalulna dwar il-presenza ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri u ħbewlna ismijiet oħrajn li kienu preżenti għat-tieġ f’Venezja ta’ Ali Sadr Hasheminejad. Il-Malta Today ippubblikat tweġiba ta’ Joseph u kixfet il-presenza tal-Avukat Austin Bencini u martu Juanita Bencini l-konsulent tal-KPMG, l-awdituri ta’ Pilatus.

Min jaħseb li huma l-ismijiet tal-politiċi biss li jista’ jkollhom relevanza għall-istorja li qed tiżviluppa m’għandux idea tal-gravitá u l-implikazzjonijiet serji ta’ dak li ġara. Biex l-istampa tkun ċara hemm bżonn li toħroġ l-informazzjoni dwar jekk kienx hemm persuni mill-istituzzjonijiet regolatorji li kienu preżenti għal dan it-tieġ.

Dan ikun daqsxejn ġurnaliżmu investgattiv kif imiss, kieku jkun hemm min għandu l-kuraġġ li jagħmlu.

S’issa kellna battibekki politiċi, dwar min jirnexxilu joskura l-iktar lin-naħa l-oħra. Imma hemm bżonn li tkun magħrufa l-istampa kollha. L-informazzjoni li s’issa għadha nieqsa hi l-iktar informazzjoni inkwetanti: kien hemm persuni konnessi mal-awtoritajiet regolatorji Maltin li kienu preżenti għat-tieġ f’Venezja? Min kienu?

Meta inkunu nafu dawn l-ismijiet jibda jkollna idea ta’ uħud minn dawk li ma jidhrux u huma l-ikbar theddida għal dan il-pajjiż.