Inġustizzji fl-armata ………… u l-Ombudsman?

army malta

Ġie konkluż rapport dwar inġustizzji fl-armata. Intqal li nstab li 60% tal-ilmenti li ġew investigati mill-Bord tal-Ilmenti li twaqqaf, kienu ilmenti ġustifikati u li allura l-Gvern issa għandu l-obbligu li jirrimedja.

Spiss nisimgħu b’ilmenti dwar l-Armata, u ma naħsibx li dawn ser jieqfu. Id-diffikulta naħseb li hi d-dixxiplina militari li wisq nibbża’ li tintuża biex taħbi l-inġustizzji.

Jiena ma naf xejn dwar l-ilmenti li ġew investigati. Naf biss dak li jgħiduli ħbieb li għandhom jew kellhom familjari fl-Armata. Jgħiduli li għad hemm iżjed ilmenti x’jiġu investigati u li probabbilment ikun hemm numru mhux żgħir minn dawk li baqa’ li jinstabu li huma ukoll ġustifikati.

Intqal lili li fi ċrieki militari huma magħrufin fatti tat-twerwir f’dak li hu trattament ta’ uffiċjali u gradi oħra minn klikka li kienet tmexxi l-Armata u li, huwa evidenti, li l-uniċi kwalifiċi ta’ din il-klikka kienu il-lejalta’ assoluta lejn il-politiċi fil-Gvern u d-dellijiet tagħhom. Jgħiduli kif kienu jissawwru career development paths u kif biex jinqabżu ċerti nies anki r-rapporti annwali tagħhom ma kienux isiru.

U tant affarijiet oħra.

Fuq dan kollu jiena nistaqsi mistoqsija sempliċi. Għaliex ħadd ma mar għand l-Ombudsman b’dawn l-affarijiet? Għax l-iktar konklużjoni li qed tinkwetani mhux li saru inġustizzji fl-Armata (dik diġa inkwetanti ħafna) imma li f’post sensittiv bħall-Armata l-uffiċċju tal-Ombudsman li twaqqaf fl-1995 qed jirriżulta li ma kienx effettiv.

Il-mistoqsija li aħna l-politiċi irridu nistaqsu hi għaliex? Huwa importanti li tinstab it-tweġiba malajr għax l-inġustizzji hu importanti li niġġieldulhom dejjem u mill-ewwel.

Il-helicopter għal Justyne

helicopter AFM

Justyne twasslet l-ajruport malajr bil-helicopter. Għax inkella ma kienitx tlaħħaq, qalulna, u dan minħabba li damu ma iddeċidew. Il-problema ma kienitx Justyne, iżda l-fatt li damu ma iddeċidew.

Il-każ tal-helicopter, kif qalulna, mhux biss ta’ Justyne iżda ukoll il-każ ta’ Lawrence Gonzi. Ta’ meta għamel użu mill-helicopter għal xi tieġ, għall-opra jew biex ilaħħaq jattendi għal xi funeral ukoll. Issemma ukoll meta Lawrence Gonzi għamel użu minn ajruplan tal-Forzi Armati ta’ Malta biex jattendi Palermo għal attivita tal-Partit Popolari Ewropew.

Issa dan kollu huwa tajjeb jew ħażin? Għall-PN Justyne abbużat! Għall-Labour il-PN m’għandux dritt jakkuża b’abbuż għax il-PN fil-Gvern “abbuża ħafna iktar minn hekk”!

Ir-realta’ hi li dan hu każ fejn għandu jkun ċar għal kulħadd liema huma dawk il-faċilitajiet u servizzi li joffri l-istat li jistgħu jkunu użati mill-politiċi kif ukoll taħt liema kundizzjonijiet dan jista’ jsir..

Jiena ma nara xejn ħażin li fiċ-ċirkustanzi partikolari li nqalgħu Justyne utilizzat il-faċilita’ tal-helicopter. Nittama biss li f’ċirkustanzi simili jintużaw l-istess kriterji ma kulħadd.

Jibqa’ l-każ ta’ Lawrence Gonzi. Kien ġustifikat jew le li juża ajrulan tal-Forzi Armati ta’ Malta biex imur Palermo jattendi laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew . Jiena kont dakinnhar ikkritikajt il-kaz billi fuq dan il-blog għidt li l-PN jisserva bl-Armata.

L-impenji ta’ Lawrence Gonzi, kienu qalulna dakinnhar, kienu tali li meta tqis kollox dan kien l-unika mod kif jasal għall-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew f’Palermo. Wieħed jista’ jasal biex jaċċetta dan it-tip ta’ argument biss meta jkun ċar li l-Armata mhux ser tintuża biex tissussidja lill-Partit Politiċi. F’ċirkustanzi bħal dawn, meta jkunu ġustifikati, għandu jintbagħat kont mill-Armata lill-partit politiku li jkun utilizza s-servizzi tagħha.

Dan ukoll hu wieħed mill-materji ta’ relevanza kbira għal Standards fil-ħajja pubblika.

Jekk nifhmu dan, il-helicopter għal Justyne ikun sewa għal xi ħaga!

Għal darba oħra ……………… Lampedusa

smell the coffee

Żewġ traġedji f’ġimgħa. Fit-tieni waħda kienu protagonisti l-Forzi Armati ta’ Malta li salvaw mal-150 persuna mill-għarqa. Veru li għamlu dmirhom. Imma li jirnexxilek tagħmel dmirek f’ċirkustanzi bħal dawn hu ta’ sodisfazzjon mhux żgħir.

Din id-darba kien pożittiv ukoll l-atteġġjament tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Hu ta’ sodisfazzjoni li bidel l-attitudni li kien ħa iktar kmieni din is-sena. Nittama li l-ħsara li laħqet saret tibda tissewwa. Dan jista’ jseħħ, iżda jieħu ż-żmien. Dejjem jekk il-bdil ta’ attitudni mhiex biss u sempliċiment bdil ta’ tattika.

Kif kien xieraq il-prijorita’ kienet li jsalvaw in-nies. Imma ġustament ġie emfasizzat li l-Unjoni Ewropeja teħtieġ li tiċċaqlaq.

Sal-lum id-dħul tal-immigranti m’hiex responsabbilta’ tal-Unjoni Ewropeja iżda tal-Istati membri individwali. Dan m’għandux jibqa’ hekk. Għax  l-istati fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa (Malta, l-Italja, Spanja, l-Greċja u Ċipru) qed jerfgħu piż kbir li lkoll, kif nafu, ma jifilħux għalih.

Ir-responsabbilta’ għall-immigranti għandha tintrefa’ mill-Unjoni Ewropeja kollha, f’isem u għan-nom tal-istati membri kollha. Għax dak li jiġri mill-fruntiera l-ġewwa hu responsabbilta’ ta’ kulħadd, inkluż tagħna l-Maltin. Jiġifieri hu meħtieg li r-responsabbilta’ li tatna l-ġografija jgħinuna nerfgħuha.( Il-fruntiera mhiex importanti biss biex jinġabar dak dovut għad-dwana.)

Biex dan iseħħ hemm bżonn li jinbidlu r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea magħrufin bħala Dublin II (magħrufa ukoll bħala l-Konvenzjoni ta’ Dublin). It-tibdil meħtieġ jagħmilha possibli li immigranti jiċċaqalqu mill-pajjiż fejn jaslu għal pajjiż ieħor fejn tkun tista’ tiġi ipproċessata t-talba tagħhom għal status ta’ refuġjat.

Alternattiva Demokratika ilha snin li ikkonvinċiet lill-partiti l-Ħodor Ewropej li din hi t-triq il-quddiem: triq li permezz tagħha r-responsabbilta’ li illum qed terfa’ Malta u l-istati l-oħra fuq il-fruntiera tan-nofsinnhar tal-Ewropa tibda  tintrefa’ minn kulhadd flimkien.

Imma mhux kulħadd jaqbel ma dan. Il-Partiti l-oħra fl-Ewropa s’issa ma qablux ma dan.

Il-Ġermanja, per eżempju hu wieħed minn 24 pajjiż fl-Unjoni Ewropeja li ma jridx jibdel l-affarijiet. Jippreferi  li d-deċiżjonijiet dwar kemm il-pajjiż jieħu refuġjati joħodhom hu. Fil-fatt fil-Ġermanja matul is-sena li qegħdin fiha ser ikunu ġew aċċettati 100,000 refuġjat.  Punt interessanti fl-aħbarijiet fi tmiem il-ġimgħa kien dak li intqal minn Katrin Göring-Eckardt co-leader ġdida tal-Ħodor Ġermaniżi li indikat li biex  id-diskussjonijiet dwar il-formazzjoni ta’ Gvern ġdid Ġermaniż bejn id-Demokristjani u l-Ħodor jipproċedu huwa essenzjali (fost ħafna affarijiet oħra) li jkun hemm tibdil fil-posizzjoni dwar l-immigrazzjoni attwalment f’idejn il-Ministru tal-Intern Hans  Peter Friedrich, allejat lemini ta’ Angela Merkel mis-CSU tal-Bavaria. (ara New York Times  tal-11 t’Ottubru 2013 : Sinking of Migrant Boat off Italy complicates politics in Germany).

Fid-dawl ta’ dan hu ċar li l-uġiegħ ta’ ras ta’ Joseph Muscat qabel ma jikkonvinċi lill-istituzzjonijiet Ewopej hi biex jikkonvinċi lil sħabu fil-partiti Soċjalisti Ewropej li minn fosthom hemm 10 Prim Ministri.  Jekk dawn jagħtuh l-appoġġ ikun iktar faċli li naslu bħala pajjiż. Imma ħlief Enrico Letta, Prim Ministru tal-Italja, s’issa l-ebda kap ta’ Gvern fl-Unjoni Ewropeja għadu ma esprima ruħu.

Ħafna drabi jsir l-iżball li ninsisitu b’qawwa kbira dwar x’għandha tagħmel l-Ewropa mingħajr ma nirrealizzaw li l-Ewropa hi aħna ukoll, kif ukoll dawk ta’ madwarna.

Alternattiva Demokratika diġa’ ħadet posizzjoni ċara dwar dan kollu. Għax aħna ukoll parti mill-Ewropa għamilna l-parti tagħna u wittejna t-triq. Wrejna li hu possibli li fuq livell ta’ Unjoni Ewropeja jkun hemm appoġġ biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti li illum qed jintrefa minn Malta waħedha tibda jintrefa minn kulħadd. Il-Ħodor Ewropej bdew. Il-Ħodor Ewropej tawna l-appoġġ billi qablu ma ħtieġa ta’ riforma tal-Konvenzjoni ta’ Dublin bħala pass essenzjali biex ir-responsabbilta’ għall-immigranti nerfgħuha flimkien. Dan hu l-uniku mod li bih nistgħu naslu. B’solidarjeta’ ta’ vera.

kif ippubblikat fuq iNews it-Tnejn 14 t’Ottubru 2013

Politika ġdida ……………….. valuri ġodda

euros-loads-of-money

Il-politika ġdida ta’ Joseph Muscat qed toħroġ għad-dawl tax-xemx valuri ġodda.

L-aħħar valur ġdid jirrigwarda ċ-ċittadinanza Maltija. Iċ-ċittadinanza Maltija f’din il-politika ġdida m’għadhiex tissimbolizza l-identita’ nazzjonali. Dak għal Muscat hu valur pri-storiku [tal-Flintsones!] Il-valur issa jrid ikun f’kontanti. Mhux inqas minn €650,000.

L-armata m’għadhiex iktar tal-operetti, kif kien jgħid in-nannu. Issa saret tal-highjumps. Tlett promozzjonijiet fi żmien tlett ġimgħat mhux ċajta.

Joseph Muscat ma kienx jaf, qal, li Shiv Nair [konsulent Indjan b’ċittadinanza Inġliża] kien fuq il-blacklist tal-Bank Dinji! Għax ħadd ma qallu! Mur obsor. Hu minn meta dawn l-affarijiet jgħidulek bihom? Fittex u ssib.

La qegħdin fuq il-Bank Dinji tajjeb li nsemmu li fost il-valuri ġodda għandna ukoll dawk tal-Partit Nazzjonalista. Mario de Marco u George Pullicino qed jitkażaw b’ Shiv Nair. Donnhom insew li l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista [li tiegħu huma t-tnejn kienu Ministri] kellu kumpanija li kienet tagħtih il-pariri li kienet fuq il-blacklist tal-Bank Dinji minħabba korruzzjoni. Din il-kumpanija [Lahmeyer International] kienet tagħti l-pariri lill-Awtoritá tar-Riżorsi  li għaliha kien responsabbli politikament George Pullicno.

Il-PN jisserva bl-Armata

Il-Malta Today  u l-Illum tal-Ħadd li għadda 19 ta’ Frar 2012  ippubblikaw storja li fiha żvelaw kif  Lawrence Gonzi uża ajruplan tal-Forzi Armati biex jattendi laqgħa politika tal-Partit Popolari Ewropew ġewwa Palermo f’Mejju 2011.

Skond l-Illum l-ispjega li ngħatat kienet illi kieku ma għamilx hekk ma kienx ilaħħaq jiġi lura biex jindirizza konferenza internazzjonali tan-Nurses iktar tard fl-istess jum.

Mela issa qegħdin tajjeb. Il-Gvern iġib l-għajnuna tal-Unjoni Ewropeja biex jixtri ajruplan Hawker Beechcraft Kin g Air li sewa €9.6 miljuni. Ajruplan intenzjonat biex jissorvelja l-fruntieri marittimi ta’ Malta kif ukoll biex jagħti għajnuna ta’ salvataġġ li tkun meħtieġa.

F’jum minnu dan l-ajruplan flok ma jintuża fuq xogħolu jintuża biex iwassal Kap ta’ Partit Politiku għal laqgħa ta’ partiti politiċi.

M’hiex skuża aċċettabbli dik li nġiebet li m’hemmx flights ta’ l-Air Malta disponibbli.

Il-kaxxa ta’ Malta m’għandiex tissussidja lill-Partit poltiiku ta’ Lawrence Gonzi.

Tajjeb li nkunu nafu x’għamel  l-Awditur Ġenerali dwar dan il-każ ta’ abbuż fejn l-armata ta’ Malta qed tiffinanzja l-attivita’ politika tal-PN billi wasslet lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’Palermo u ġiebitu lura.