Iż-żwiemel bil-pensjoni !

Dan l-aħħar kellna żewġ inċidenti fit-toroq li kienu jinvolvu ż-żwiemel. Żewġt iżwiemel tal-karozzini kkollassaw fit-triq. Wieħed minnhom miet.

Bla dubju ix-xemx qalila ma tagħmel ġid lil ħadd, l-anqas liż-żwiemel.

L-għaqda favur il-ħarsien tal-annimali Animal Liberation Malta ħadet l-opportunitá biex tiġbed l-attenzjoni tal-pubbliku fuq il-ħtieġa li nagħtu iktar każ ta’ x’inhu jiġri.

Bla dubju l-ewwel pass hu li l-annimali, f’dan il-kaz iż-żwiemel, ma jiġux imħaddma f’kundizzjonijiet kiefra. Għax dawn iż-żwiemel, fil-qilla tax-xemx, fuq asphalt jikwi jkun jeħtieġilhom jiġbdu karozzin b’piz mhux żgħir. Il-fuq fit-telgħa, jew l-isfel fin-niżla.

Trid ferm iktar minn saħħa ta’ żiemel għal dan ix-xogħol.

Permezz tal-veterinarji tiegħu l-Gvern għandu jirregola ftit is-sitwazzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet ta’ sħana tremenda m’għandux ikollna karozzini fit-toroq tagħna.

M’għandi l-ebda dubju li l-parti l-kbira tas-sidien taż-żwiemel jieħdu ħsiebhom, ħafna drabi qieshom membri addizzjonali tal-familja. Imma jibqa’ l-fatt li għalihom iż-żiemel huwa ukoll il-mezz tal-għixien. Anke huma għandhom bżonn l-għajnuna biex l-għixien tagħhom ma jibqax dipendenti fuq it-tbatija tal-annimali.

Huwa l-mument li l-istat jintervjeni biex din is-soċjetá li tħoss u tħenn tieħu ħsieb sewwa ukoll taż-żwiemel li jkun waslilhom iż-żmien li joħorġu bil-pensjoni.