Attrazzjoni turistika: Malta fid-dawl tax-xemgħa

candlelight2

 

Hemm ħtieġa urġenti li nitgħallmu nkunu pożittivi. Ankè minn inċident serju bħall-ħsara li żviluppat fil-Power Station fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta 12 u l-Erbgħa 13 t’Awwissu hemm ħafna x’nitgħallmu.

Malta fi dlam ċappa jew Malta fid-dawl tax-xemgħa?

Flok tisħet id-dlam mhux aħjar tixgħel xemgħa, forsi nkunu nistgħu nirreklamaw lil Malta bħala a candlelight destination. Malta romantika. Inkella, kif tista’ tmur lura fiż-żmien waqt li tkun membru tal-Unjoni Ewropeja?

Speċi ta’ Burkina Faso fil-Mediterran. Tistħajlek qiegħed f’Ouagadougou fil-kwiet, fis-sliem, serħan il-moħħ u fi dlam ċappa.

Problema waħda biss kien hemm. Jidher li bħala pajjiż m’aħniex ippreparati  għal dawn l-inċidenti.

Il-Marsa, Ħal-Qormi, Ħaż-Żebbuġ, Is-Siġġiewi u postijiet oħra, dal-għodu l-Erbgħa kien għad ma kienx hemm provista ta’ elettriku. Fis-seklu 21 dan m’huwiex aċċettabbli.

L-anqas ma huwa aċċettabbli li l-unika airport tagħna – dak tal-Gudja –  li għal xi ħin matul il-lejl għalaq, m’għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ li ma jkollux provista diretta tal-elettriku.

L-inċident fil-power station hu serju ħafna. Li l-Korporazzjoni Enemalta iddum ma tirrimedja hu serju ukoll. Imma li l-MIA jkollha tagħlaq l-airport huwa ta’ gravita’ kbira. L-ebda pożittivita’ ma tista’ tirrimedja għal din il-ħsara kbira.

Hemm ħafna mistoqsijijiet li jeħtieġu tweġiba immedjata.

Il-Korporazzjoni Enemalta trid tispjega dwar xi programm ta’ maintenance għandha għall-impjanti kollha li topera. Trid tispjega x’miżuri ħadet u x’miżuri qed tieħu biex tantiċipa l-ħsara, kif ukoll għaliex il-ħsara tal-lejl li għadda ma kienitx antiċipata.

Fil-waqt li naċċetta li l-ħsara tista’ tiżviluppa f’daqqa mingħajr ma jkun possibli li tidentifika din il-ħsara minn kmieni jrid ikun ċar x’għamlet u x’qed tagħmel l-Korporazzjoni Enemalta biex tantiċipa.

Huwa importanti ukoll li l-Korporazzjoni Enemalta tkun kapaċi tirrimedja f’ħin qasir kull ħsara li tista’ tiżviluppa u dan għax din il-ħsara lill-pajjiż tiswielu ħafna. Tiswa’ mhux biss fi flus imma tiswa’ ħafna iktar f’reputazzjoni ħażina li tagħmel ħsara kbira fit-tul lill-pajjiż kollu.

Ma nistgħux inkunu l-Burkina Faso tal-Mediterran.

Hemm bżonn ukoll li l-Airport Internazzjonali ta’ Malta (MIA) jispjega għaliex kien neċessarju li għal xi ħin jingħalaq l-ajruport  b’diversi ajruplani jinżlu f’ Catania, Trapani jew Palermo.  Għaliex l-MIA ma kelliex aċċess għal provista alternattiva tal-elettriku? Mela veru li f’idejn il-privat l-airport flok mar il-quddiem mal-lura?

L-impatt tal-egħluq tal-ajruport għamel u ser jagħmel ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ dan il-pajjiż. Inutli li l-Awtorita tat-Turiżmu tonfoq il-miljuni biex tirreklama lill-Malta għax ir-reklam tal-Korporazzjoni Enemalta u l-MIA jinnewtralizzhom kollha.

Fid-dawl (jew fid-dlam) ta’ dan kollu kif tista’ tkun pożittiv?

L-inkompetenza u d-delettantiżmu fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż fil-livelli kollha tiegħu qed teqirdu ftit ftit.

Advertisements