Idealment l-istazzjonijiet tal-partiti politiċi jingħalqu illum qabel għada. Però hu ovvju li dan mhux ser isir, tal-inqas għalissa.
Sfortunatament dawn kontinwament iqiesu ruħhom li huma l-fuq mil-liġi. Mhumiex sors tal-aħbar, imma magna ta’ propaganda politika.
Jippretendu li għandhom il-kapaċità li jeżerċitaw diskrezzjoni editorjali, meta fir-realtà, t-tnejn li huma kontinwament jipprattikaw ċensura politika: xi drabi bl-iktar mod ovvju, drabi oħra b’mod sottili.
Dan hu l-isfond tal-każ ta’ ADPD deċiż mill-Awtorità tax-Xandir iktar kmieni din il-ġimgħa. Il-konferenza stampa saret nhar is-Sibt 11 ta’ Marzu, kif norganizzaw kull nhar ta’ Sibt, kemm qabel kif ukoll wara dakinnhar. ONE u NET, bħas-soltu ma xandru xejn. Ġbidnielhom l-attenzjoni dwar dan. ONE injorawna. NET kellmuna u ġiebu skoss skużi, imma immedjatament bdew jiċċaqlqu, probabbilment għax irrealizzaw x’inhu ġej. Bdew jirrappurtaw ftit. Dan kien pass żgħir il-quddiem li seta u għad jista’ jwassal għal soluzzjoni: avolja għadna l-bogħod.
Wara bgħatna l-ilment lill-Awtorità tax-Xandir li semgħet il-każ u ħadet deċiżjoni.
Ir-rappurtaġġ dwar din id-deċiżjon il-bieraħ fuq il-medja kien estensiv. L-emfasi kien ivarja. Tim Diacono tal-Lovin’ Malta immeraviljat li ONE baxxew rashom u obdew l-ordni tal-Awtorità tax-Xandir. Li ma appellawx mid-deċiżjoni hu fatt li issorprenda. Għaliex? Diffiċli tgħid għalissa.
Bertrand Borg mit-Times of Malta min-naħa l-oħra analizza d-deċiżjoni u ppreżenta l-konklużjoni tiegħu li din kienet l-ewwel darba li l-Awtorità tax-Xandir qed tiċċensura stazzjon politiku. Jibni argument validu f’kuntest tad-dikjarazzjoni li għamlet il-Qorti Kostituzzjonali dan l-aħħar (f’kawża tal-PN dwar ix-xandir) fejn bl-iktar mod ċar kienet qalet li l-obbligu tal-imparzjalità mhux biss tax-xandir pubbliku. Hu obbligu ta’ kull mezz ta’ xandir, bla ebda distinzjoni. Dan hu argument li aħna ilna nagħmlu żmien twil.
L-Independent, Malta Today u Newsbook min-naħa l-oħra irrappurtaw l-aħbar tad-deċiżjoni tal-Awtorità b’mod fattwali.
Issa, x’ser jiġri minn hawn il-quddiem?
Jiena nippreferi li NET u ONE jagħrfu r-responsabbiltajiet tagħhom u jonorawhom. Jekk iridu jkellmuna biex flimkien insibu mod prattiku kif dan jista’ jsir jistgħu jikkuntattjawna meta jridu. Imma jekk mhux ser jimxu sewwa mhux ser ikolli triq oħra ħlief li nkompli nħarrax il-battalja biex leħen ADPD jinstema.
Nistennew u naraw.