Il-kosta (u madwarha) tagħna lkoll

Il-pubblikazzjoni riċenti tar-rapport dwar l-impatti ambjentali (EIA)  tal-proġett ta’   Villa Roża fil-Bajja ta San Ġorġ San Ġiljan ser terġa’ tiftaħ beraħ id-dibattitu dwar il-proġett tal-grupp dB f’Pembroke kif ukoll dwar il-Masterplan ta’ Paceville li kien abbandunat madwar sitt snin ilu, riżultat ta’ dibattitu intensiv li fih kienet involuta attivament is-soċjetà ċivili.

Għal darb’oħra il-proposta ċentrali ta’ żvilupp hi l-kummerċjalizzazzjoni intensiva tal-kosta kif ukoll madwarha, u dan apparti l-impatti konsiderevoli fuq iz-zona kollha.

Il-proposta tikkonċerna medda kbira ta’ 47,572 metri kwadri bi żvilupp propost li jikkonċerna t-turiżmu, id-divertiment flimkien ma’ użu kummerċjali, primarjament  uffiċini. Dan hu propost li jsir f’żona li diġa hi iffullata, prattikament is-sena kollha.

Ir-rapport dwar l-impatti ambjentali fih numru ta’ studji dwar diversi aspetti ta’ relevanza għall-proġett propost. Wieħed minn dawn hu analiżi ekonomika mħejji minn E-Cubed Consultants. Kif mistenni, dan l-istudju jitkellem f’termini pożittivi ħafna tal-proġett. Studji ta’ din ix-xorta li kapaċi jiġġustifikaw kollox, issa drajnihom!  Dan l-istudju jinjora kompletament  l-impatti li l-proġett ta’ Villa Roża ser ikollu fuq l-infrastruttura pubblika. Dawn l-impatti huma spiża li jridu jagħmlu tajjeb għalihom il-fondi pubbliċi. L-impatti tal-proġett innifsu huma sostanzjali. Imma meta tarahom b’mod kumulattiv ma’ dawk iġġenerati minn proġetti oħra kbar ippjanati għaż-żona huma enormi.

Dan hu kaz ieħor fejn il-profitti jmorru fil-but tas-settur privat imma hu mistenni li l-kaxxa ta’ Malta terfa’ l-ispejjes għall-iżvilupp meħtieġ tal-infrastruttura biex huma jkunu jistgħu jinqdew. Dwar dan, l-istudju ta’ E-Cubed hu sieket.

Dan x’mudell hu? Kif ġie indikat b’mod ċar minn studju ta’ Deloitte dwar it-turiżmu f’Malta, studju li kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Lukandi (MHRA), ser inkunu neħtieġu 4.7 miljun turist fis-sena biex jintużaw is-sodod li diġa hawn inkella li huma ippjanati! Dan ġenn, għax il-pajjiż ma jiflaħx għall-piż iġġenerat fuq l-infrastruttura kemm-il darba in-numru ta’ turisti li jżuruna jirdoppja.

Anke l-Gvern ħabbar mira ta’ tlett miljun turist, mira li hi għolja ħafna. Kieku l-Awtorità tat-Turiżmu għandha nitfa serjetà fit-tmexxija tagħha kienet tieħu passi biex trażżan l-iżvilupp sfrenat li għaddej fl-industrija u li fl-aħħar ħsara biss jagħmel. Ir-rebgħa imma m’għandiex limitu u qed twassal għal ħsara kbira għall-pajjiż.

Il-kummerċjalizzazzjoni tal-kosta u taz-zona madwarha teħtieġ li tieqaf qabel li din tibla l-ftit spazji miftuħa li għad baqa’ madwar l-istess kosta.

Permezz ta’ emendi li kienu saru għall-Kodiċi Ċivili f’dik li hi magħrufa bħala l-liġi tad-dimanju pubbliku l-Parlament kien approva leġislazzjoni biex jipproteġi l-kosta u bħala riżultat ta’ hekk iżid l-aċċess għall-pubbliku. Dan kien kollu daħq fil-wiċċ għax fil-prattika ma sar xejn. Kieku din il-leġislazzjoni qed taħdem, proġetti bħal dan ta’ Villa Roża ma jsirux għax dawn imorru kontra kemm il-kelma kif ukoll l-ispirtu tal-liġi.

Għaddej sforz kontinwu biex il-kosta tkun ikkumerċjalizzata.  Xi żmien ilu kellna l-proposta għall-marina ta’ Marsaskala. Kellna ukoll il-proposti dwar Manoel Island, dwar il-Bajja tal-Balluta, il-Waterfront tal-Birgu (inkluż il-marina) u l-marina għall-jottijiet fil-Kalkara u dan flimkien ukoll mal-Waterfront tal-Belt Valletta.

Ma dan wieħed irid iżid il-kummerċjalizzazzjoni sfrenata li għaddejja tal-ispazji pubbliċi mal-kosta, inkluż il-bankini.

L-art pubblika qed tkun kontinwament ittrasformata fi profitti għas-settur privat, ħafna drabi għal ftit magħżulin. Fi prattikament il-każi kollha, ħadd ma jagħti kaz tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Dawn qed ikun kompletament injorati. Xi drabi r-residenti saħansitra jinbeżqu l-barra miz-zoni residenzjali.

Issa għaddew madwar erba’ snin minn meta l-Parlament approva l-leġislazzjioni biex iħares il-kosta. Biex din il-liġi tkun tista’ titwettaq  l-għaqdiet ambjentali ppreżentaw dokumentazzjoni dwar iktar minn għoxrin sit mal-kosta li jimmeritaw li jkunu mħarsa. Ninsab infurmat li dawn l-għaqdiet ambjentali ippreżentaw ukoll riċerka estensiva dwar min jippossjedi din l-art. Hi ta’ sfortuna li t-tkaxkir tas-saqajn tal-Awtorità tal-Artijiet u tal-Awtorità tal-Ippjanar qed iżżomm u tostakola l-ħidma meħtieġa biex din il-liġi li tipproteġi l-kosta titwettaq. Dan qed isir ukoll fejn ma hemm l-ebda dubju li l-art  hi propjetà pubblika.

Għalfejn isiru dawn il-liġijiet jekk ma hemm l-ebda intenzjoni biex dawn ikunu implimentati?

Jeħtieġ li niċċaqalqu jekk irridu nkunu f’posizzjoni li nħarsu dak li fadal mill-kosta u z-zoni ta’ madwarha, u dan qabel ma jkun tard wisq. Sfortunatament ma hemmx rieda politika dwar dan. Il-Gvern u l-awtoritajiet tiegħu iqiesu l-kosta u z-zona kostali bħala magna biex tagħmel il-flus. Din hi l-viżjoni li qed isegwu fi sħubija kontinwa mal-forzi spekulattivi.

ippubblikat fuq Illum: 26 ta’Marzu 2023

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s