Profitti għas-settur privat, riskji u kontijiet għall Gvern!

Nhar it-Tnejn li għadda l-Parlament iddiskuta s-sentenza mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fuq il-konċessjoni dwar tlett isptarijiet tal-Gvern lill-Vitals Global Healthcare liema konċessjoni eventwalment għaddiet għand Steward Health Care. Id-deċiżjoni li ngħatat hi kontra l-Prim Ministru bħala kap tal-Eżekuttiv, kif ukoll kontra l-Avukat Ġenerali, kumpaniji diversi mill-grupp kummerċjali ta’ Steward Health Care u xi korpi pubbliċi u r-rappresentanti tagħhom.

Din hi kawża li ppreżenta Adrian Delia meta kien għadu Kap tal-Opposizzjoni. Il-parti kbira tad-diskussjoni parlamentari dwar din is-sentenza iffukat fuq nuqqas ta’ governanza tajba, dwar tmexija ħażina u dwar frodi flimkien mal- korruzzjoni, assoċjati ma’ din il-konċessjoni sa mit-tnissil tagħha.

Dan kollu joħroġ ċar mis-sentenza tal-Qorti tal-ġimgħa l-oħra. Imma għal min kien attent, dan kien diġa jidher ċar fiż-żewġ rapporti dwar din il-konċessjoni tal-isptarijiet, rapporti li ħareġ l-Awditur Ġenerali f’Lulju 2020 u f’Diċembru 2021. Is-sentenza tal-Qorti qed issaħħaħ u tirrinforza l-konklużjonijiet li wasal għalihom l-Awditur Ġenerali.

Niftakru li f’Lulju 2020 l-Awditur Ġenerali kien ippubblika l-ewwel rapport tiegħu, rapport li hu mifrux fuq iktar minn 200 paġna u li kien jiffoka fuq il-proċess tal-offerti għall-konċessjoni dwar l-isptarijiet. Dan kien supplimentat b’addendum ta’ 20 paġna oħra. Iktar tard f’Diċembru 2021 l-Awditur Ġenerali kien ippubblika it-tieni rapport tiegħu b’467 paġna, li kien jiffoka fuq il-qafas kuntrattwali tal-konċessjoni u kif dan ġie mħaddem.

L-Awditur Ġenerali kien ikkonkluda fir-rapporti tiegħu li l-preparazzjoni li wettaq il-Gvern in konnessjoni mal-konċessjoni kienet waħda superfiċjali, u li meta ħareġ is-sejħa għall-offerti kien fil-fatt diġa ftiehem u fuq kollox lill-Kabinett bosta drabi kien iħallieh fil-għama. Anke l-Ministru tal-Finanzi kien imwarrab, qiesu kien qiegħed hemm għalxejn!

Punt interessati li isemmi l-Awditur Ġenerali hu li Vitals Global Healthcare ippreżentaw garanzija bankarja mill-Bank of India li kienet datata 13 ta’ Marzu 2015, ħmistax-il ġurnata qabel ma fil-fatt ħarġet is-sejħa għall-offerti. Dan sar għax il-ftehim kien diġa sar u s-sejħa li ħarġet għall-offerti kienet waħda finta! A bażi ta’ dan, l-Awditur Ġenerali kien tal-fehma li Vitals Global Healthcare kellhom ikunu skwalifikati milli jippartiċipaw fis-sejħa għall-offert għall-konċessjoni dwar l-isptarijiet.

Dan hu kollu importanti u separatament wassal għal konklużjonijiet li issa wasal għalihom ukoll l-Imħallef Depasquale fis-sentenza li qed nitkellmu dwarha. Ifisser li Gvern serju, kieku ried, seta jaġixxi. Kellu biżżejjed informazzjoni biex jibgħat lil Steward Health Care isaqqu. Imma b’mod ċar dan ma setax jagħmlu għax il-Gvern kien parti integrali mill-ħadma li saret.

Imma hemm affarijiet oħra, daqstant importanti, ta’ natura fundamentali u li huma presentment skartati mid-diskussjoni pubblika. Kemm jagħmel sens li qasam sensittiv bħas-saħħa ikollu parti sostanzjali minnu taħt kontroll kważi assolut tas-settur privat. Jagħmel sens il-Public-Private Partnership fil-qasam tas-saħħa?

Din hi mistoqsija li hi kompletament skartata fid-dibattitu pubbliku li sar u li għadu għaddej. Hi mistoqsija fundamentali li mit-tweġiba għaliha tista’ toħroġ il-fasla ta’ kif is-settur privat jista’ jikkontribwixxi u jipparteċipa mingħajr ma jikkontrolla: kif kulħadd jitħallas ta’ xogħolu imma li ħadd ma jitħalla jberbaq il-ġid tal-pajjiż.

L-esperjenza li għandna f’dan il-pajjiz dwar l-involviment tas-settur privat f’dawn it-tip ta’ proġetti hi waħda ta’ problemi kbar: problema ta’ deċiżjonijiet ħziena u ta’ abbuż ta’ poter, kif ukoll suspetti kbar ta’ frodi u korruzzjoni. Dan b’referenza kemm għal din il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-progett tal-enerġija f’Delimara u anke fil-progett ta’ San Vinċenz f’Ħal-Luqa. F’kull kaz hemm rapporti voluminużi tal-Awditur Ġenerali li jispjegaw dettaljatatment it-taħwid li ġie iġġenerat mill-Gvern immexxi mill-Partit Laburista wara l-2013.

Huwa mudell ekonomiku fallut li jarmi l-assi pubbliċi. Mudell li intuża ukoll f’ċirkustanzi oħra bħall-bejgħ tal-art f’Pembroke bir-ribass biex ikun iffavoreġġat il-proġett spekulattiv tal-Grupp dB.  Il-profitti li jirriżultaw mill-ispekulazzjoni, sfortunatament għandhom prijorità fuq il-ġid komuni għal dan il-Gvern.

Hu ċar li jekk irridu l-involviment tas-settur privat fi proġetti pubbliċi, dan l-involviment għandu jkun regolat sewwa u din ir-regolamentazzjoni għandha tkun infurzat biex tkun assigurata governanza tajba mill-bidu nett, mill-ewwel ideat sat-twettieq ta’ proġetti ta’ din ix-xorta.  S’issa kollox qiegħed jitħalla jimxi għal riħu bil-konsegwenzi li qed naraw b’għajnejna u li qed insiru nafu bihom ftit ftit. Nuqqas ta’ regoli ċari li jkunu infurzati jwassal inevitabilment għal taħwid, għal frodi u għal korruzzjoni. Riżultat ta’ hekk ibati l-pajjiz kollu.

ippubblikat fuq Illum: 5 ta’ Marzu 2023

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s