Ħarsien tal-annimali fl-irziezet

Fl-2018, il-Qorti Ewropeja tal-Awdituri iffinalizzat investigazzjoni dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irżiezet fl-Unjoni Ewropeja. Fir-rapport finali, intitolat Animal Welfare in the EU: closing the gap between ambitious goals and practical implementation ikkonkludiet li filwaqt li kien hemm progress sostanzjali biex ikun indirizzat it-tħassib tal-utenti, għad hemm in-nuqqasijiet. Hemm lok biex nitgħallmu ferm iktar minn dak li sar s’issa biex jitwettqu l-miri strateġiċi dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irziezet tal-Unjoni Ewropeja.

Meta kienet qed tiġi mfassla id-Direttiva imsejħa Mill-Għalqa sal-Platt, il-Kummissjoni Ewropeja ikkommettiet ruħha li sa’ tmiem l-2023 tfassal reviżjoni tal-leġislazzjoni dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irziezet.

Il-liġi Ewropeja tirregola l-ħarsien tal-annimali fl-irziezet fi tlett stadji differenti: fir-razzett innifsu, huma u jkunu trasportati minn post għall-ieħor, u fil-proċess tal-qatla.

L-ewwel pass li sar mill-Kummissjoni Ewropeja hu li ġew eżaminati l-liġijiet kollha applikabbli dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irziezet, eżami li hu msejjaħ fitness check.  Lesta rapport twil 310 paġna dwar dan. Fih jirreferu ukoll għall-firem miġbura  fl-inizjattiva minn ċittadini Ewropej magħrufa bħala “Tmien iż-żmien tal-gaġġa”. Inizjattiva li sabet appoġġ qawwi mill-Parlament Ewropew.

Wieħed mill-kandidati approvati riċentment għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew ipponta subgħajh lejn waħda mill-miżuri li tissemma fir-rapport dwar il-qagħda attwali tal-ħarsien tal-annimali fl-irziezet. Jidentifika t-tiġieġ tal-bajd b’emfasi fuq il-gaġeġ li qed jintużaw bħalissa, u jekk u meta dawn jistgħu  jkunu pprojibiti, bl-impatt possibli fuq l-industrija lokali tal-bajd.   Huwa ġustament jemfasizza li meta l-Unjoni Ewropeja eventwalment tfassal il-proposti tagħha għandha tassigura ruħha li l-impatti antiċipati tal-proposti jkunu mkejla anke f’xenarju bħal dak lokali fejn l-irziezet huma żgħar u l-art hi għolja.

Huwa ta’ importanza kbira li dawn l-impatti jkunu mkejla sewwa. Hekk isir normalment f’sitwazzjonijiet bħal dawn u nittamaw li dan il-kaz ma jkunx eċċezzjoni.

Fil-fatt, studju li jkejjel l-impatt tal-ideat tal-Kummissjoni Ewropeja dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irziezet, imfassal f’Lulju 2021, jemfasizza li l-kundizzjonijiet li fihom jista’ jkun ipprojibit l-użu tal-gageg ikun studjat mhux biss fl-interess tal-annimali infushom imma ukoll tal-interessi ekonomiċiu u soċjali tal-komunità agrikola fl-Unjoni. Dan jinkludi impatt fuq irziezet żgħar, impatti internazzjonali kif ukoll impatti fuq il-kummerċ u fuq l-ambjent. B’mod partikolari ser ikun ikkunsidrat li l-proposti jidħlu fis-seħħ fl- 2027 u dan wara li jitqies kull appoġġ meħtieġ lill-bidwi – mhux biss dik finanzjarja. Dan kollu jfisser li s’issa jidher li ser jitqiesu ċ-ċirkustanzi u l-impatti fuq kulħadd, inkluż tal-irziezet iż-żgħar!

Dak li ntqal dwar it-tiġieġ tal-bajd japplika għall-oqsma l-oħra kollha fejn tinħtieġ il-ħarsien aħjar tal-annimali fis-settur agrikolu. Dan hu meħtieġ li jsir biex aħna bħala pajjiż inkunu kapaċi li nkunu aħna stess li ntejbu l-prattiċi tagħna,  mhux noqgħodu nistennew lil ħaddieħor jgħidilna x’għandna nagħmlu.  

Id-Dipartiment tal-Agrikultura għandu jieħu l-inizjattiva dwar dan. Anke l-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali għandha rwol f’dan id-dibattitu nazzjonali tant meħtieġ għall-ħarsien tal-annimali fl-irziezet.

Ikun ferm aħjar kieku is-settur agrikolu jkun kapaċi jorganizza ruħu aħjar biex ikun f’posizzjoni li jkun proattiv u mhux reattiv fil-qasam tal-inizjattivi meħtieġa dwar il-ħarsien tal-annimali fl-irziezet.

F’pajjiżi oħra dak li jiġri riżultat ta’ verifiki settorjali, amministrati u ffinanzjati b’mod adegwat.

 It-tibdil ippjanat fil-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja dwar l-annimali fl-irziezet ilna nafu li ġej. Flok ma noqgħodu nistennew li dan jiġri, jkun iktar għaqli jekk inħejju ruħna. Jekk ma nagħmlux hekk ma nistgħu nwaħħlu f’ħadd għal dak li jista’ jinqala’.

ippubblikat fuq Illum: 26 ta’ Frar 2023