Fil-Parlament il-lejla: x’faqar!

Smajtuh id-dibattitu tal-lejla fil-Parlament dwar is-sentenza tal-Qorti tal-ġimgħa l-oħra?

X’faqar! X’mistħija ta’ Parlament!

Il-pajjiż jixraqlu ferm aħjar minn hekk!

It-taħwida hi kbira: flok “world class medical system” għandna kaz ta’ “world class fraud” li nħolqot minn Vitals Global Healthcare u Steward Health Care u mill-Gvern Laburista.

S’issa insterqu €300 miljun!

Għadu kmieni biex wieħed jgħid x’ser jiġri u dan sakemm jinqata’ l-appell, jekk ikun hemm.

Jinħtieġu tweġibiet diversi.

Meta ser jibdew l-investigazzjonijiet mill-Pulizija fil-konfront ta’ dawk involuti? Il-Pulizija sfortunatament mhemmx ħosshom! Fejn hu l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà?

Robert Abela, Konrad Mizzi, Edward Scicluna, Chris Cardona, Keith Schembri u Joseph Muscat: meta ser jintalbu jwieġbu ta’ egħmilhom, jew tan-nuqqas tiegħu?

Il-membri tal-Kabinett immexxi minn Joseph Muscat: ħadd ma jaf xejn. Wieħed iwaħħal fl-ieħor. Kellna Ministru tal-Finanzi (Edward Scicluna) li ma kienx jaf x’inhu jigri fil-Ministeru tieghu!

Chris Fearne min-naħa l-oħra, ħlief għal xi botta, kien kawta ħafna! Hu imħasseb dwar x’inhu ġej!

Il-parti l-kbira tal-membri tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat baqgħu fommhom magħluq. Ħlief Varist Bartolo, li bħas-soltu jibqa’ jdur mal-lewża.

Hemm responsabbiltà politika kbira. Hemm ukoll responsabbiltajiet kriminali. Min ser iwieġeb? S’issa ħadd ma wieġeb.

Robert Abela kien skomdu ħafna huwa u jipprova jwieġeb waqt is-seduta Parlamentari tal-lejla. Inevitabilment ħarab mis-sustanza tal-argument. Sa ċertu punt wieħed dan jifhmu għax il-konsegwenzi mhumiex żgħar u għandu bżonn iż-żmien.

Għad nispiċċaw li jkollna ninvestgaw kull kuntratt li ngħata minn dan il-Gvern. Ħadma, waħda wara l-oħra.

Din hi storja li għad trid tinkiteb fid-dettall. Fl-aħħar, kull min hu responsabbli jrid iħallas ta’ egħmilu.